Baġit li jgħin l-Ekonomija, jippremja l-Bżulija u jgħin lill-Faxxa t’Isfel


Il-Prim Ministru Joseph Muscat elenka l-baġit li tressaq fil-Parlament bħala wieħed mimli inizjattivi, li jgħin l-ekonomija, jippremja l-bżulija u jgħin lill-faxxa t’isfel biex inkunu soċjalment ġusti. Waqt konferenza tal-aħbarijiet fil-Berġa ta’ Kastilja, il-Prim Ministru qal li dan huwa parti minn pjan ta’ ħidma ottimista li l-poplu qiegħed jilqa’ u jifhem.

Joseph Muscat sostna kif kull baġit qiegħed jibni fuq baġit ieħor. Is-sena l-oħra daħlu ħafna nisa fis-suq tax-xogħol minħabba l-għoti taċ-childcare b’xejn. Issa qegħdin ikunu indirizzati n-nies b’diżabbiltà permezz ta’ inċentivi li jgħinuhom jintegraw aktar fis-suq tax-xogħol. Dan jagħmel mill-baġit mhux biss wieħed soċjalment ġust iżda inklussiv ukoll. Fil-baġit hemm diversi miżuri li jinċentivaw lil min irid jaħdem filwaqt li jitnaqqas l-abbuż. Issib każi fejn ikollok żgħażagħ li joħorġu mill-iskola u jibdew jirreġistraw għax-xogħol bil-pjan li jagħmlu hekk tul ħajjithom kollha. Il-baġit lil dawn iż-żgħażagħ jgħinhom permezz tat-taħriġ mingħajr ma jħallihom jabbużaw minn fuq dahar min iħallas it-taxxa.

 

pr142712a - featured

Huwa qal li permezz ta’ miżuri bħat-tnaqqis fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma, it-tnaqqis tat-taxxa, l-istabbilità fil-prezzijiet tal-fuels u l-għotjiet lil min jaħdem u lil min hu fil-faxxa t’isfel, il-Gvern qiegħed jiżgura li jkun hemm aktar flus fil-bwiet, l-ekonomija tkun waħda dinamika u dawk fil-bżonn ikunu megħjuna.

 

 

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Ewropej u Twettiq tal-Manifest Elettorali Louis Grech qal li dan il-baġit jagħti kreddibiltà u fiduċja fl-ekonomija. Id-defiċit qiegħed jonqos u dalwaqt jonqos għal kollox biex nibdew nindirizzaw il-problema tad-dejn. Huwa semma wkoll li l-Gvern qiegħed jindirizza l-prekarjat b’mod tanġibbli. Dr Grech qal li dan huwa baġit li jgħin lill- persuni vulnerabbli billi jinċentivahom jidħlu fid-dinja tax-xogħol.

Il-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna qal li permezz tar-riformi ta’ dan il-baġit qiegħda tkun stimulata l-ekonomija kemm fuq livell macro kif ukoll fuq livell micro. Il-Gvern kellu jwarrab 60 miljun ewro min-nefqa tiegħu biex jilħaq it-target tad-defiċit, però ma ddejjaqx jonfoq il-flus biex iwieżen lil min jinsab fil-faxxa t’isfel. Dawn jinkludu persuni li joħorġu kmieni mill-iskola bla ebda ħsieb li jaħdmu, il-persuni b’diżabbiltà u dawk fuq il-paga minima.

 

– Tuesday, 18th November, 2014

,

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *