Bħalissa qed nisimgħu ħafna dwar kif l-Unjoni Ewropea qed tiskrutinizza u tevalwa l-baġits rispettivi tal-pajjiżi li jikkostitwixxu l-membri taż-Żona Ewro. Dawn jammontaw għal b’kollox tmintax–il pajjiż, li jinkludu lil pajjiżna.
Din l-evalwazzjoni li qed issir fuq il-baġits li ġew ippreżentati minn dawn il-pajjiżi, u abbażi ta’ din l-evalwazzjoni, il-baġits jistgħu jiġu aċċettati jew le. Xi pajjiż jista’ anki jintalab lI jsaħħaħ il-baġit tiegħu permezz ta’ aktar miżuri.
Iżda l-proċess ta’ evalwazzjoni f’hiex jikkonsisti? Dan il-proċess hu bbażat fuq it-trattat il-ġdid u fuq ir-regolamenti ġodda li l-pajjiż li għandhom l-istess munita, l-ewro, u li allura jiffurmaw iż-Żona Ewro, huma obbligati li jsegwu. Huma mitluba wkoll jikkordinaw il-baġits tagħhom aktar mill-qrib, u għandhom ikunu skrutinizzati aktar mill-pajjiżi oħrajn sħabhom li mhux qegħdin fiż-Żona Ewro.
Tajjeb li nfakkar li fil-ħmistax ta’ Ottubru, kull pajjiż minn dawn it-tmintax il-membru ġie mitlub jissottometti dak li ngħidulu d-draft budget, jiġifieri d-dokument li jispjega l-qafas tal-ispiża, tad-dħul, id-defiċit u d-dejn bid-dettalji tiegħu.
Iżda, minħabba l-fatt li dan biss hu abbozz tal-baġit tal-Gvern, mhux daqshekk iddettaljat daqs il-Baġit innifsu. Jiġifieri li dan id-dokument ma jkollux dettalji fuq in-natura politika u soċjali tal-miżuri li se jkollu fih il-Baġit innifsu, li mbagħad jitħabbru fid-dettall meta jitħabbar il-baġit. Għall-Kummissjoni, dak li hu importanti hu li l-Gvern jipprovdi l-qafas ġenerali tal-finanzi tal-Gvern, jiġifieri tat-taxxi diretti, indiretti, u l-ispiża tal-Gvern, inklużi l-benfiċċji li jinagħtaw.
Mela allura dawn il-drafts budgets kif qed jiġu evalwati? Dawn id-dokumenti jiġu evalwati skont numru ta’ regolamenti. L-ewwelnett kull pajjiż jżomm id-defiċit taħt it-tlieta fil-mija u li kull sena jwaqqgħu b’nofs punt perċentwal. Fl-istess ħin, id-dejn irid juri li qed jitwaqqa’ lejn is-sittin fil-mija, b’pass li huwa kalkolat ma’ proporzjon skont ma kemm ikun għoli. Aktar ma jkun għoli, aktar il-qabża ’l isfel trid tkun qawwija għal tliet snin wara xulxin.
Mingħajr ma nidħlu f’din it-teknika, l-iktar fattur li jorbot u li jiġi evalwat hu dik li ngħidulu l-istructural effort, jiġifieri l-isforz li jsir minn pajjiż bix inaqqas id-defiċit. Dan l-isforz jitkejjel b’kemm qed fil-fatt jonqos id-defiċit.
Aħna nafu li d-defiċit huwa persentaġġ tal-prodott gross domestiku. Jiġifieri jekk ikun tlieta fil-mija, irid jinżel għal per eżempju tnejn punt erba’ fil-mija. Dan ma jitkejjilx biss mid-defiċit li aħna nħabbru, imma wkoll jiġi modifikat skont fatturi oħra, bħal pereżempju jekk l-ekonomija tkunx sejra ħażin jew tajjeb. F’dak il-każ, allura dak l-isforz ikun inqas, filwaqt li jekk l-ekonomija tkun sejra tajba, il-pajjiż jintalab li dik il-waqa’ fid-defiċit tkun akbar.
Hawnhekk hu meta jibdew il-problemi. Dan għaliex mhux faċli li wieħed jgħid preċiż x’inhu l-potenzjal ta’ tkabbir ekonomiku ta’ pajjiż. Din hija kwistjoni li tinvolvi ħafna teknika, u għalhekk ikun hemm nuqqas ta’ qbil u argumenti.
Din is-sena għandna każ eżemplari fejn erba’ pajjiżi, li huma l-Italja, Franza, Spanja u l-Belġju, li qed jiġu rrimarkati mill-Kummissjoni Ewropea li mhux qed jagħmlu sforzi biżżejjed. Allura din is-sena, kieku l-Kummissjoni riedet timxi bħalma qalet li se timxi, kien jkollhom l-pieni fuq pajjiżhom, jiġifieri jħallsu piena ta’ miljuni talli kissru t-trattat.
Imma, għaliex hija Franza u l-Italja, u għaliex qed jgħidu li ma jridux li jiġrilhom bħalma ġralhom Spanja, l-Greċja u l-Portugall, li jġibu miżerja fil-pajjiż u d-dejn aktar jesplodi, allura qed jinħolqu ħafna argumenti. Franza huwa pajjiż kbir, li huwa s-sieħeb li ħoloq l-Unjoni mal-Ġermanja, u allura l-Kummissjoni qed timxi differenti magħhom.
Wieħed irid jara dan t-trattament kemm se jkun differenti. Iżda li nafu żgur li din id-deċiżjoni ġiet posposta mix-xahar ta’ Diċembru għal Frar. Għalkemm f’Novembru dawn il-pajjiżi se jinagħtalhom dak l-avviż, iżda huwa fi Frar li wieħed irid jiddeċiedi ż-żmien illum jippermettix li nżommu r-regoli iebsin kif kienu intenzjonati, jew ikunu aktar kawti u anqas ħorox.
Bħala pajjiż li aħna dejjem obdejna r-regoli, wieħed jistenna li r-regoli jkunu ndaqs għal kulħadd. Mhux sew li pajjiż kbir jiġi trattat differenti minn pajjiż żgħir. Dan huwa punt kruċjali għal pajjiżna, li hu membru sħiħ u m’għandu xejn anqas minn pajjiżi oħra.
Kontra dawk li jridu jiżvijaw mid-deċiżjoni vera li ttieħdet fl-aħħar laqgħa tal-Eurogroup, il-Baġit ta’ Malta għall-2015 ġie approvat. Il-Kummissjoni tistqarr ukoll li r-rakkomandazzjonijiet biex jittieħdu aktar miżuri fil-każ ta’ Malta saru fl-isfond ta’ “no policy change assumption” li ttieħdet f’nofs Ottubru. Dan ifisser li saru qabel ma ttieħdet konjizzjoni tal-Baġit 2015 innfisu, fejn tħabbru dak in-numru kbir ta’ miżuri li jkabbru l-ekonomija fil-waqt li jikkontrollaw id-defiċit u d-dejn tal-pajjiż. Issa li l-Baġit ġie mħabbar, il-Kunsill qiegħed jitlob biss lill-pajjiżna li jimplementa dawk il-miżuri.
Apparti minn hekk, fil-waqt li Malta għadha ma ħarġitx mill-Excessive Deficit Procedure, il-Kummissjoni xorta waħda ma poġġietx lill-pajjiżna fil-‘corrective arm’ tal-proċedura, bħal ma għamlet lil xi pajjiżi oħra, fosthom Franza, il-Portugall, u Spajna, iżda poġġietna taħt il-‘preventative arm’ tal-proċedura. Dan jindika li, bħall-Gvern, il-Kummissjoni hi fiduċjuża li Malta se tkun tista’ toħroġ mill-EDP fl-aħħar ta’ din is-sena.
Bħala Maltin u Għawdxin, aħna fiduċjużi li l-miżuri għas-sena d-dieħla se jitwettqu bħalma twettqu dawk li kienu ppjanati għal din is-sena. Sew il-Kunsill u sew il-Kummissjoni jistgħu jserrħu rashom li dak li jwiegħed il-Gvern taħt il-Prim Ministru Joseph Muscat se jitwettaq.
– Friday, 12th December, 2014