Politika soċjali li taqdi l-bżonnijiet tagħna


Qed ninnota iktar minn qabel li l-’policies’ tal-Gvern speċjalment fl-oqsma ekonomiċi u soċjali mhumiex ikunu studjati u maħsubin sew. Meta jiġri hekk id-deċiżjonijiet imorru żmerċ u ma jagħmlux ġid lill-pajjiż. Ħarsu kif ittieħdet id-de­ċiżjoni li jogħlew it-tariffi tad-dawl u l-ilma. Iktar riċenti aqraw id-Dokument ta’ Qabel il-Bagit u araw in-nixfa ta’ proposti li normalment jiġu studjati biex jippreparaw dibattitu serju fuqhom.
L-aħħar ħolqa tal-kullana kienet il-pożizzjoni li ħareġ biha l-Gvern dwar il-proposta tal-Parlament Ewropew biex ikun estiż il-‘leave’ tal-maternità. Din ġiet espressa dan l-aħ­ħar, din id-darba b’mod mill-aktar sorprendenti f’intervista mal-Ministru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja, Dolores Cristina li ngħatat nhar il-Ħadd, 15 ta’ Awwissu, 2011, fil-ġurnal Malta Today.
Ta’ min ifakkar li ftit tal-ġimgħat ilu l-Kunsill Nazzjo­nali tan-Nisa kkritika bl-aħrax lill-Gvern talli fil-Kunsill tal-Ministri vvota kontra l-propos­ta tal-estensjoni tal-‘leave’ tal-maternità. Immedjata kie­net iċ-ċaħda minn Kastilja li Mal­ta ma vvotatx kontra, im­ma esprimiet biss opinjoni. Fl-intervista tal-Malta Today in­sibu żvolta. Dik li l-Gvern mhux biss mhux qed jopponi l-proposta kontroversjali tal-Parlament Ewropew biex il-‘leave’ tal-maternità jkun estiż għal bejn 18 u 20 ġimgħa anzi hu favur. Il-Ministru żiedet tgħid li l-pożizzjoni tal-Gvern ma kinitx qiegħda tinftiehem tajjeb u insistiet li l-pożizzjoni tal-Gvern hija li tali estensjoni tkun aċċettabbli sakemm ikun hemm ‘level playing field’ għall-pajjiżi membri kollha tal-Unjoni Ewropea. B’‘level playing field’ f’kuntest bħal dan normalment wieħed jifhem li fil-kamp ta’ suq ħieles hemm bżonn li l-affarijiet għandhom ikunu ugwali għal kull pajjiz li jkun qed jikkompeti f’dak is-suq. Mhux sew li hemm pajjiżi li jħallsu tliet kwarti tal-paga u Malta tagħti ‘full pay’, paga sħiħa.
Dikjarazzjoni bħal din ma tistax ma taqbilx magħha.  Malta tiddependi b’mod kruċjali fuq kemm tkun kompetittiva fis-swieq internazzjonali speċjalment bejn il-pajjizi tal-Unjoni Ewropea, u għalhekk m’għandha qatt titħalla tiġi żvantaġġjata, iktar u iktar mill-Unjoni Ewropea stess. Fuq dan l-aspett, mill-ewwwl daqqa t’għajn, jidher li l-Gvern għandu punt. Però meta tibda tindaga u tistudja s-sitwazzjoni ssib li l-affarijiet huma mod ieħor. Tant li tiddubita jekk min qed jagħti l-pariri lill-Ministru għamilx il-‘homework’ mistenni minnu.
Fil-fatt meta ħsibt fuq dak li qalet il-Ministru ħriġt erba’ punti li huma ta’ importanza biex wieħed jifhem sew x’irid jgħid il-Gvern permezz ta’ din il-politika. Dawn il-punti jitolbu tweġiba sodisfaċenti min-naħa tal-Gvern.
L-ewwel punt. Veru li l-Gvern huwa favur estensjoni fis-sistema tagħna tal-‘leave’ tal-maternità, li kif inhi llum hija waħda unika fl-Unjoni Ewropea għall-mod ta’ kif tinħadem fejn il-piż kollu tal-ħlas għal tali ‘leave’ jrid jinġarr biss minn min iħaddem ħaddiema nisa? Huwa ferm mixtieq li l-Gvern jgħid jekk għandux il-ħsieb jirriforma l-iskema preżenti biex il-piż jinfirex kif suġġerit fi studju li għamilt jien f’isem il-Parrtit Laburista, jew jekk hux se jħalli kollox kif inhu. Ħaġa waħda hija żgura: il-Gvern qiegħed fid-dlam għax mhu qed jiġbor l-ebda statistika li turi kemm nisa u rġiel ħadu tali ‘leave’ wara li jkollhom wild fil-familja jew wara li jadottaw tarbija. Il-Gvern ma jafx kemm ommijiet jirritornaw għax-xogħol wara li jkunu ħadu l-‘leave’ tal-maternità, jew kemm jiddeċiedu li jitilqu mill-impjieg biex ikopru aħjar mal-bżon­nijiet tal-familja. Il-Gvern lanqas ma jaf b’xi każi fejn possibbilment ommijiet ikunu ġew skoreġġuti minn min jimpjegahom stess milli jirritornaw għax-xogħol. Li dan kollu mhux magħruf kien konfermat minn tweġiba li ta l-Ministru tal-Finanzi għal Mistoqsija Parlamentari li kie­net saritlu mill-Kap tal-Op­pożizzjoni numru ta’ xhur ilu.
Niġu issa għall-argument tal-Ministru Cristina  li jkun hemm “bażi u rati komuni” għal kulħadd. Minn din għandu joħroġ jekk il-pożizzjoni tal-Gvern hix studjata sew jew jekk hux sempliċiment bżar fl-għajnejn.
L-aħjar interpretazzjoni li wieħed jista’ jagħti lil “bażi komuni” jew ‘level playing field’ fil-oqsma tal-politika soċjali u fiskali hija li jkun hemm ‘armonizzazzjoni’, fis-sens li l-pajjiżi membri jkollhom l-istess bażi u rati ta’ tassazzjoni, jew f’dan il-każ l-is­tess politika soċjali. Issa għandu jkun magħruf li meta tħares lejn il-mod li bih jivvota l-Gvern Malti fil-Kunsill tal-Ministri ssib li Malta tiġi t-tie­ni wara r-Renju Unit u l-Irlanda għall-oppożizzjoni assoluta tagħha li jkun hemm armonizzazzjoni fiskali.
Ma rridux li l-Unjoni Ewropea ddaħħal imneħirha fir-rati tagħna ta’ tassazzjoni. Nikkontendu dan fuq raġunijiet ekonomiċi biex insostnu l-kompetittività tagħna. Ebda bażi komuni f’dan il-qasam. Allura minn meta ’l hawn bdilna l-pożizzjoni tagħna u fejn tidħol politika soċjali  qed nibnu l-każ fuq armonizzazzjoni mal-Unjoni Ewropea kollha?
Personalment ma rridx naħ­seb li l-Ministru Cristina, min­kejja  l-istqarrija vaga tagħha, probabbilment provduta mill-Kabinett jew mill-konsulenti tagħha, verament trid li Malta tlaħħaq mal-ġenerożità soċjali ta’ pajjiżi ferm aktar sinjuri minn Malta sempliċiment biex ikun hemm “bażi komuni”. Fuq punt ta’ kompetittività ċertament li qegħdin indgħajfu lilna nfusna, jew le?
Interpretazzjoni aktar ħanina li wieħed jista’ jagħti lil dak li jrid il-Gvern hija li dak li qed jipproponi l-Parlament Ew­ropew fir-Rapport tiegħu għandu jkun il-minimu, liema minimu, jekk hux ta’ 18 jew 20 ġimgħa għal mument immaterjali, għandu jingħata minn kullħadd u b’paga sħiħa. Min jiflaħ jagħti aktar ikun affari tiegħu jagħmilx hekk jew le. Imma dan huwa eżattament dak li l-kollega tiegħi fil-Grupp tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi, Edit Estrela, qiegħda tissuġ­ġerixxi fir-Rapport tagħha li kien approvat fil-Plenarja fl-Ewwel Qari li kien sar fl-20 ta’ Ottubru tas-sena l-oħra.
Bħal f’ħafna mid-direttivi tagħħa, l-Unjoni Ewropea tfittex li jkun hemm bażi komuni permezz ta’ uniformità fil-mini­mu li għandu jingħata u tħalli fil-libertà lill-pajjizi li jifilħu jagħtu aktar li jagħmlu dan biex jgħollu l-livell tal-politika ambjentali u soċjali.
Jista’ l-Gvern jispjega għaliex għandu jkun favur iż-żieda fil-‘leave’ tal-maternità u jkun kon­tra l-proposta tal-Parlament Ewropew għax din ma tipprovdix bażi komuni?
Niġi issa għall-aktar argument żbaljat tal-Gvern:  li min­kejja li Malta għandha l-iqsar perjodu ta’ ‘leave’ tal-maternità, il-pakkett Malti huwa sinifikament ġeneruż għax għall-kuntrarju ta’ pajjiżi oħ­rajn, il-pakkett Malti huwa fuq paga sħiħa għall-perjodu kollu tal-‘leave’ tal-maternità. Sadattant ebda studju, ebda ‘chart’, mhija sottomessa mill-Awtoritajiet biex issaħħaħ dan il-punt.
Issa l-Gvern jaf żgur li l-ekonomisti u l-aġenziji ekonomiċi internazzjonali, bħalma hija l-OECD, iqabblu bil-mod li l-Ingliżi jsejħulu ‘like with like’. Biex iqabblu sistemi li jitħadd­mu b’rati ta’ ħlas differenti u għal perjodi differenti ta’ żmien, jaħdmu fuq statistika li tkun ekwivalenti għal ħlas ta’ paga sħiħa. Fi kliem ieħor, it-tul tal-perjodu li jkun imħallas b’paga sħiħa. Nagħti ezempju: l-Irlanda tagħti 26 ġimgħa ‘leave’ tal-maternità imma mhux b’paga sħiħa. Jekk taħdem dan il-perjodu b’paga sħiħa jkun  ifisser perjodu ta’ 20.8 ġimgħa. Wieħed jista’ jqabbel dan ma’ Malta fejn il-‘leave’ tal-maternità b’paga sħiħa huwa ta’ 14-il ġimgħa. Sadattant wieħed m’għandux jinjora l-bilanċ ta’ ‘leave’ bla ħlas li huwa relevanti biex ikollna stampa sħiħa tal-benefiċċju tal-‘leave’ tal-maternità. Kontra pajjiżi oħrajn minn dan il-‘leave’ Malta m’għan­dhiex.
X’inhuma l-fatti bbażati fuq ‘databases’ tal-Unjoni Ewropea u l-OECD? Malta għandha l-inqas perjodu ta’ ‘leave’ tal-maternità fl-Unjoni Ewropea. Fuq bażi ta’ ‘leave’ ta’ maternità b’paga sħiħa hemm biss żewġ pajjiżi, il-Belġju u r-Renju Unit li jagħtu marġinalment inqas, bi 11.5 u 12-il ġimgħa rispettivament. Il-Ġermanja u Ċipru huma ekwivalenti għal Malta, imma mbagħad trid tqis li l-pajjiżi kollha huma ferm aktar ġenerużi minn Malta fejn jidħol ‘leave’ tal-maternità bla ħlas. Fir-Renju Unit jingħataw 52 ġimgħa ta’ ‘leave’ tal-maternità bla ħlas. Allura fejn hu l-argument li Malta qed titlef mill-preżunta ġenerożità ta’ politika soċjali? Għalija dan l-argument mhu xejn aktar minn bżar fl-għajnejn biex il-Gvern jibqa’ bil-pożizzjoni li effettivament tmur kontra l-leġislazzjoni proposta mill-Parlament Ewropew li tagħti aktar ‘leave’ tal-maternità.
Ċertament li jkun jaqbel ferm għal pajjiżna li l-Gvern jiżganċa mill-argument li jkun hemm “bażi komuni” u jistudja sew il-pożizzjoni li qed tirrendina bħala li f’dan il-qasam għandna l-inqas politika soċjali ġeneruża fl-Ewropa u li kawża tagħha għandna l-inqas rata ta’ nisa jaħdmu. L-impli­kazzjonijiet ekonomiċi sew biex naġevolaw il-livell ta’ għaj­xien Malti u nsaħħu l-pensjo­nijiet huma konsiderevoli. M’għandi ebda dubju li jekk il-kwistjoni tkun studjata b’mod verament professjonali l-Gvern jiddeċiedi li jirriforma din il-politika soċjali sinifikanti irrespettivament mill-konklużjonijiet tal-Unjoni Ew­ro­pea. Għax dan hu fl-inte­ress ta’ pajjiżna.l-orizzont – It-Tnejn, 22 ta Awwissu, 2011

 

,

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *