Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li l-figuri tal-performance finanzjarja tal-Gvern għas-sena 2014 u t-targets tal-budget għall-istess sena ġew milħuqa. Dan joħroġ mill-istatistika maħruġa mill-NSO u kkonfermat mill-Eurostat. Waqt konferenza tal-aħbarijiet fil-Berġa ta’ Kastilja, il-Prim Ministru qal li meta dawn il-figuri kienu ssemmew għall-ewwel darba fid-diskors tal-budget, ħafna esprimew dubju kemm huwa possibbli li jintlaħqu.
L-inqas defiċit fl-aħħar 20 sena
Joseph Muscat sostna li minkejja li fl-istess budget tnaqqsu t-taxxi u l-kontijiet, tkabbret ekonomija filwaqt li tnaqqas id-defiċit għal 2.1% kif kien previst. Qabel l-2012 id-defiċit ta’ Malta kien ‘il fuq minn 3% u dan poġġiena darbtejn taħt l-Excessive Deficit Procedure f’perjodu ta’ ħames snin.
Il-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna qal li dan ir-riżultat ikabbar il-kredibilità tal-Gvern u tal-pajjiż. Din hija l-inqas rata ta’ defiċit fl-aħħar 20 sena, xi ħaġa li ma kienet faċli xejn. Huwa qal li dan it-target intlaħaq billi l-ekonomija ma nqatlitx. Il-Gvern qed jikkonsolida l-finanzi tiegħu pass pass billi jinċentiva l-ekonomija minflok idaħħal miżuri ta’ awsterità. Ir-riżultati milħuqa mill-Gvern huma pożittivi ħafna, anke meta tqabbilhom ma’ ta’ pajjiżi oħrajn.
Id-Deputat Prim Ministru Louis Grech qal li r-riżultati tal-budget huma t-twettiq tal-wegħdiet fil-manifest elettorali. Huwa qal li pajjiżi oħrajn ippruvaw jilħqu dawn it-targets permezz tal-awsterità. Iżda l-Gvern Malti laħaq dawn ir-riżultati fl-istess ħin li kabbar in-numru ta’ impjiegi f’pajjiżna, kiber l-investiment, niżlet l-inflazzjoni u tnaqqsu t-taxxi u l-kontijiet tad-dawl u tal-ilma. Huwa qal li fil-budget li ġej, l-ekonomija se tkompli tingħata spazju biex tikber filwaqt li ma ninsew qatt l-element soċjali biex il-ġid li jinħoloq jitqassam b’mod ġust.
Il-Prim Ministru temm billi rringrazzja n-nies tekniċi fil-Ministeru tal-Finanzi għall-ħidma tagħhom. Huwa sostna li minħabba dawn ir-riżultati finanzjarji, naqas ukoll id-dejn pubbliku. Waqt li t-target fil-budget kien li d-dejn jinżel għal 70.1%, fil-fatt id-dejn niżel għal 68%. Huwa qal li fadal aktar xi jsir u dis-sena rridu nerġgħu innaqqsu r-rata tad-defiċit b’deċiżjonijiet ċari u fil-ħin.
– Tuesday 21st April 2015