Il-viżjoni tal-Gvern għal Għawdex qed tħalli l-frott


Il-Ministru għall-Finanzi, il-Prof. Edward Scicluna, il-Ġimgħa filgħaxija enfasizza l-viżjoni li qed iwettaq il-Gvern għal Għawdex, mhux bħala reġjun fil-periferija tal-pajjiż iżda bħala wieħed li jikkontribwixxi hu stess għall-prosperità u għall-iżvilupp tal-pajjiż kollu kemm hu. Meta kien qed jitkellem fil-Grand Hotel f’Għajnsielem, waqt laqgħa ta’ konsultazzjoni pubblika bi tħejjija għall-Baġit 2016, qal li din il-viżjoni diġà bdiet tħalli l-frott tagħha.

 

LAQGĦA PUBBLIKA TA’ KONSULTAZZJONI TA’ QABEL IL-BAĠIT

 

 

Filwaqt li nnota kif skont statistika reġjonali uffiċjali li għadha kif ġiet ippubblikata mill-Unità għall-Istatistika Reġjonali tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, fl-ewwel sena ta’ din l-amministrazzjoni l-Prodott Domestiku Gross ta’ Għawdex b’mod nominali kiber b’0.3 fil-mija aktar minn dak ta’ Malta, il-Ministru saħaq fuq l-importanza li dan jibqa’ jkun il-każ sena wara sena sabiex niksbu iktar konverġenza ekonomika bejn iż-żewġ gżejjer. “Għawdex irid jikber b’rata akbar minn Malta … Għalkemm ninsabu mexjin fid-direzzjoni t-tajba, għadna ma wasalniex,” qal il-Ministru Scicluna. Madankollu, esprima l-fiduċja tiegħu li din il-mira tista’ tintlaħaq.

DSC_6329 featured

Il-Ministru fakkar kif f’dawn l-aħħar sentejn u nofs ittieħdu numru ta’ inizjattivi biex jitwettqu l-viżjoni u l-pjan tal-Gvern għal Għawdex. Sar ħafna xogħol biex jiġi attirat l-investiment lejn pajjiżna, u biex jiġi żgurat li dan jinfirex mar-reġjuni kollha tal-pajjiż. B’hekk, il-ġid li jinħoloq b’riżultat ta’ dan l-investiment igawdu minnu l-Maltin u l-Għawdxin kollha. L-isptar ta’ Barts f’Għawdex bla dubju se jkollu impatt pożittiv fuq medda twila ta’ żmien fuq l-iżvilupp ekonomiku tal-gżira. Tali investimenti jħallu wkoll effetti konsegwenzjali f’oqsma oħra, u b’hekk ikomplu jinħolqu aktar postijiet tax-xogħol. Dan minbarra li aktar ma jirnexxilna nattiraw investiment lejn Għawdex, aktar jintbagħat qawwi s-sinjal li f’Għawdex ukoll jista’ jsir investiment produttiv li jirnexxi.

[nggallery id=270]

Fil-laqgħa ta’ konsultazzjoni tal-Ġimgħa pparteċipaw ukoll il-Ministru għal Għawdex, is-Sur Anton Refalo, u s-Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva, Dr Justyne Caruana. Il-proċess ta’ konsultazzjoni ta’ qabel il-Baġit huwa bbażat fuq dokument li nħareġ xahar ilu bit-titlu Delivering Our Vision, li jippreżenta u jispjega b’mod ġenerali d-direzzjoni li l-Gvern irid jagħti lil pajjiżna matul l-2016.

 

 

newsbook_logo  timesofmalta_logo  iNews_Logo   govmt_logo   gozonews

Delivering Our Vision – Pre-Budget 2016 Consultation Meeting – Gozo – 18th Sept 2015
– Friday, 18th September, 2015

, ,

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *