Inqas taxxi fuq ix-xogħol, iktar flus fil-but


Il-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna, u l-Ministru għall-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Żgħar Chris Cardona qalu li dak li ġie ppreżentat nhar it-Tnejn kien baġit ieħor ippreżentat minn dan il-Gvern li se jwassal biex ikompli jonqos il-piż tat-taxxi fuq ix-xogħol u biex il-familji jibqagħlhom iktar flus fil-but. Huma kienu qed jindirizzaw konferenza tal-aħbarijiet flimkien il-Ġimgħa filgħodu bit-tema ‘Malta: Ekonomija b’Saħħitha’ fil-Kamra tal-Gvern fil-Parlament.

Il-Ministru Scicluna spjega kif fil-baġit għall-2016 il-Gvern daħħal miżuri biex inaqqas il-piż tat-taxxi minn fuq id-dħul mix-xogħol. Is-sisa li ġiet imħabbra fil-biċċa l-kbira tagħha qed tissostitwixxi l-eco-contribution, partikolarment fuq prodotti li jagħmlu dannu lill-ambjent jew lis-saħħa. B’hekk, il-flus li jidħlu minn dawn it-taxxi jagħmlu tajjeb għall-ispejjeż tal-Gvern fuq is-saħħa u fuq it-tindif tat-tniġġis.

 

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FINANZI U L-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, L-INVESTIMENT U L-INTRAPRIŻI ŻGĦAR

 

Fl-istess ħin, qal il-Prof. Scicluna, fil-baġit il-Gvern ħa wkoll miżuri biex iwieżen lil min jinsab ’l isfel. Ġie aċċertat li fuq il-pensjoni sħiħa ħadd ma jkollu pensjoni ta’ inqas minn €140 fil-ġimgħa. L-iskema ta’ min jixtri l-ewwel proprjetà tiegħu (First Time Buyers’ Scheme), li permezz tagħha jingħata solliev lill-koppji li jkunu se jixtru l-ewwel dar tagħhom biex jiffurmaw familja, se tiġi mtawla sa tmiem l-2016.

Il-Ministru għall-Finanzi qal li l-Gvern huwa kontra l-ħlas tal-bolol ġodda mill-ħaddiema u minn min iħaddem.

 

pr152284a featured

 

“Ir-reazzjoni pożittiva li kien hemm għall-baġit min-naħa tal-korpi kostitwiti kienet aktar milli wieħed kien jistenna,” irrimarka l-Ministru Scicluna. “Dan juri kemm dan huwa tabilħaqq gvern li tista’ ma taqbilx miegħu u xorta waħda taħdem miegħu. Għalkemm baqa’ x’nagħmlu biex neqirdu l-burokrazija, qed jirnexxilna nwettqu għadd kbir ta’ proġetti. Fil-fatt, l-għadd ta’ proġetti li kellna lanqas seta’ jidħol kollu fid-diskors tal-baġit. Fis-snin li ġejjin il-Gvern se jibqa’ impenjat li mhux biss ikompli joħloq il-ġid imma wkoll li jqassmu b’mod ekwu bejn is-saffi differenti tas-soċjetà u bejn l-inħawi kollha tal-pajjiż.”

 

 

Min-naħa tiegħu, il-Ministru Cardona saħaq li l-istess nies li se jkunu qed jibbenefikaw mid-diversi miżuri u inċentivi mħabbra f’dan il-baġit, ibbenefikaw u jistgħu jibbenefikaw ukoll minn sensiela ta’ mizuri oħra li ħa dan il-Gvern fl-aħħar sentejn u nofs, fosthom ir-roħs fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma, iċ-child care centres b’xejn, ir-roħs fl-income tax u l-in-work benefits.
“Dawn huma lkoll miżuri li wasslu għal żieda fil-bejgħ mill-ħwienet u rekord ta’ importazzjoni għall-konsum privat. Aktar flus fil-bwiet tal-familji tagħna jfissru attività kummerċjali akbar u, konsegwentament, aktar investiment u aktar opportunitajiet ta’ impjiegi,” qal il-Ministru Cardona.

 

[nggallery id=276]

 

Huwa qal li s-suċċess ekonomiku li qed jikseb pajjiżna għandu diversi protagonisti: il-familji bieżla, l-investituri Maltin u barranin li qed jesprimu fiduċja fl-ekonomija Maltija, kif ukoll gvern li kapaċi jieħu d-deċizjonijiet. Permezz tal-inizjattivi mħabbra fil-baġit, il-Gvern se jkomplu jwettaq il-viżjoni ekonomika tiegħu li titkattar klima li tagħti serħan il-moħħ u tattira lil min irid jinvesti. Huwa rrefera, fost l-oħrajn, għas-Seed Investment Programme, fejn l-investituri jieħdu tax credit sa 250,000 ewro fis-sena li jkunu investew fi start-up, kif ukoll għal skemi ta’ għajnuna għan-negozji, bħal Microinvest, Investment Aid, Get Qualified, Certify u Gozo Transport.

Id-direzzjoni ekonomika tajba ta’ pajjiżna hija riflessa wkoll fil-fatt li qiegħed jirnexxilna niddiversifikaw l-ekonomija u għall-ewwel darba qed naraw tkabbir pożittiv fis-setturi kollha tal-ekonomija, inkluż fis-settur tal-manifattura, fejn f’Awwissu Malta kellha t-tieni l-ogħla żieda fil-produzzjoni industrijali minn fost il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea.

“B’ekonomija b’saħħitha nistgħu nkomplu ngħollu l-istandards ta’ pajjiżna, nindirizzaw in-nuqqasijiet serji li kien hemm u nkomplu nsaħħu l-qasam tas-saħħa, is-settur edukattiv, l-infrastruttura u l-ambjent ta’ pajjiżna,” temm jgħid il-Ministru Cardona.

govmt_logo   MI_logo   maltatoday2_logo   tvmnews_logo   newsbook_logo

– Friday, 16th October, 2015

 

,

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *