Il-Ministru għall-Finanzi, Edward Scicluna, saħaq fuq l-importanza li l-burokrazija li bilfors irid ikun hemm biex tinġabar id-data uffiċjali essenzjali, ma tgħabbix lin-nies u lin-negozji b’piżijiet li jistgħu jiġu evitati. Huwa kien qed jagħmel id-diskors tal-ftuħ waqt seminar organizzat mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika llum it-Tlieta 20 ta’ Ottubru 2015 fl-okkażjoni tal-Jum Dinji tal-Istatistika, bit-tema ‘Better Data, Better Lives’, li sar fis-Sala Vassalli ta’ Dar il-Mediterran għall-Konferenzi.
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FINANZI
Il-Ministru qal li l-qasam tal-istatistika għamel qabżiet kbar ’il quddiem, speċjalment fil-puntwalità ta’ meta toħroġ. Statistika li ma toħroġx fil-ħin issir storika u allura irrelevanti u bla utilità għal dawk li jridu jieħdu deċiżjonijiet illum biex jippjanaw għal għada – mill-Gvern, għas-settur privat, għall-organizzazzjonijiet nongovernattivi. Importanti wkoll li nkomplu ntejbu l-modi kif inżommu d-data fuq tul ta’ żmien, biex ikollna quddiemna x-xejriet. Barra minn dan, in-nies għandhom ikunu mgħarrfa minn qabel dwar meta tkun se toħroġ l-istatistika differenti, u din l-istatistika trid tkun tinftiehem.
“Huwa importanti li d-data tinżamm, u l-NSO hekk qed tagħmel. Il-kalendarju tal-pubblikazzjoni tal-istatistika tal-NSO jafu kulħadd u l-NSO iżomm miegħu,” qal il-Ministru Scicluna. “In-nies fin-negozju jridu li jkollhom il-garanzija li r-rata tal-inflazzjoni, ir-rata tal-qgħad u figuri oħrajn inkunu nafu x’effett ikollhom fuq is-swieq.”
Il-Ministru esprima x-xewqa tiegħu li f’pajjiżna tibda tintuża wkoll statistika aktar sofistikata bħat-tabelli input-output, li jiddeskrivu r-relazzjonijiet tal-bejgħ u x-xiri bejn il-produtturi u l-konsumaturi f’ekonomija. Huwa qal li din it-tip t’ analiżi statistika tgħin lil min ifassal l-istrateġiji, speċjalment fil-Malta Enterprise u lill-industrija, biex jevalwaw l-impatt ta’ industrija partikolari fuq l-ekonomija. Qal li llum ninsabu fis-sitwazzjoni fejn kull industrija tiftaħar bil-kontribut tagħha għall-ekonomija mingħajr ma dan jiġi vverifikat fattwalment, tant li meta tgħodd il-figuri differenti mogħtijin minn setturi differenti, jaqbżu l-200 fil-mija. Bis-sistema tat-tabelli input-output, ikun hemm informazzjoni preċiża dwar min qed jixtri mingħand min.
Wednesday 21st October 2015