Il-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna qal li se jkun qed jikteb lill-Awtorità għall-Kompetizzjoni u l-Affarijiet tal-Konsumatur (l-MCCAA) u jitlobha tinfurmah kif se tkun qed timplimenta r-rakkomandazzjonijiet li għamlet hi stess wara l-investigazzjoni li għamlet dwar il-prattiċi tal-banek lokali fir-rigward tas-self lin-negozji ż-żgħar.
Il-Ministru kien qed iwieġeb għall-mistoqsijiet ta’ imprendituri żgħar u medji waqt seminar konsultattiv organizzat mill-GRTU dwar il-miżuri mħabbra fil-Baġit għall-2016. Il-laqgħa saret it-Tnejn, 2 ta’ Novembru fil-lukanda Corinthia San Ġorġ, San Ġiljan.
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FINANZI
“Huwa importanti li ċerti servizzi, fosthom is-self lid-ditti ż-żgħar, jingħataw bi prezzijiet raġonevoli,” qal il-Prof. Scicluna. “Kont għidt li kont se nitlob lill-MFSA u lill-MCAA jinvestigaw, u issa għandna ż-żewġ dokumenti li ħejjew. Huwa minnu li li l-banek għaddejjin minn żmien ta’ taqlib regolatorju kbir li qed jaffettwa l-profitti tagħhom. L-interess tagħna hu li l-aċċess għall-kreditu jkun aktar faċli u b’inqas kost.”
[nggallery id=280]
Mistoqsi dwar il-possibbiltà li l-eżenzjoni mit-taxxa li qed tingħata lill-kumpaniji li jagħtu donazzjonijiet lill-Malta Community Chest Fund titwessgħa biex tkopri wkoll lil min jagħti donazzjonijiet lill-organizzazzjonijiet nongovernattivi oħrajn, il-Ministru Scicluna qal li għalkemm fil-prinċipju din hi idea tajba, il-Gvern qed jimxi bi prudenza. Huwa qal li tal-MCCF huwa proġett pilota ta’ sena u wieħed irid jevalwa kif mar qabel ma jgħaddi għall-passi li jmiss.
– Monday, 2nd November, 2015