L-istampa kollha


Fil-messaġġ tiegħu ta’ tmiem is-sena, il-Papa Franġisku tkaża xi ftit bil-midja, fis-sens illi l-aħbarijiet fil-ġurnali, fuq ir-radju, fuq it-televiżjoni, fuq l-internet u x’naf jien ikunu kważi dejjem negattivi. Jgħidulna dwar qtil, diżastri, bombi, gwerer, terroriżmu, kriminalità… iżda l-affarijiet sbieħ, li wkoll jiġru spiss fil-ħajja ta’ kuljum tan-nies, tal-pajjiżi u tad-dinja, spiss jiġu mwarrbin. Il-Papa appella lill-midja biex jagħtu aktar spazju lil stejjer pożittivi u li jispiraw lin-nies sabiex jikkontrobilanċjaw il-prevalenza tal-ħażen, tal-vjolenza u tal-mibgħeda fid-dinja.

logo orizzont

Aħbar trid tkun kapaċi tpoġġiha fil-kuntest tagħha biex tkun tista’ tagħmel il-ġudizzju tiegħek.

 

Sfortunatament, huwa minnu li l-midja tispekula u tħawwar l-istejjer. Iżda tagħmel dan għax hemm suq li jrid proprju dan. Is-suq jiddetta: dak li l-aktar li jfittxu li jaqraw, jisimgħu u jaraw in-nies huwa dak li l-midja tfittex li tagħtihom. Allura, fl-aħħar mill-aħħar, huwa aħna stess li qegħdin nitolbu lill-midja biex tagħtina ċerti aħbarijiet u mhux oħrajn.

Nisimgħu il-ħin kollu b’ajruplani li jiġġarrfu, karozzi li jaħbtu, u b’nies li jitilfu ħajjithom. Il-ħajja, iżda, m’hijiex hekk biss. Jista’ jagħti l-każ li l-periklu li jista’ jkun jeżisti nonfħuh f’moħħna iktar milli fil-fatt ikun fir-realtà. Barra minn dan, kultant meta tħares lejn dawn l-aħbarijiet “koroh” b’mod aktar oġġettiv, tirrealizza li fil-fatt ma jkunux koroh daqs kemm ikunu qed jiġu ppreżentati lilna. Bosta studji wrew li n-natura tagħna ta’ bnedmin tagħmilna aktar inklinati li ninteressaw irwieħna fit-theddida minn affarijiet ħżiena milli fi prospetti tajbin għall-ġejjieni.

orizzont

Il-midja għandhom ħabta jiffukaw fuq pajjiż jew avveniment sakemm ikunu qed jiġru affarijiet li huma attraenti biżżejjed għall-udjenza tagħhom. Malli l-affarijiet “jinnormalizzaw”, il-kameras u l-mikrofoni jduru fuq xi mkien ieħor. Skont it-teorija magħrufa bħala ‘agenda setting’, il-midja tal-massa jinfluwenzaw il-mod kif l-udjenza tipperċepixxi d-dinja skont il-mod kif il-midja jagħżlu x’jikkostitwixxi jew ma jikkostitwixxix aħbar, u skont kull aħbar partikulari kemm tingħata spazju u prominenza.

 

X’taqbad temmen?

Xi kultant insibu quddiem wiċċna aħbarijiet li jistgħu jidhru li jikkuntrarjaw lil xulxin, u kważi kważi wieħed tiġih it-tentazzjoni jistaqsi jekk il-midja humiex jgħixu fl-istess dinja. Jiġri hekk anki fil-qasam tal-finanzi u l-ekonomija. Nisimgħu, per eżempju, li s-suq azzjonarju fiċ-Ċina waqa’ b’ħamsa jew sitta fil-mija – diżastru kbir, b’effetti li jistgħu jinħassu mal-erbat irjieħ tad-dinja. Fl-istess ġurnata, il-Fond Monetarju Internazzjonali qal illi t-tbassir finanzjarju u ekonomiku għad-dinja huwa wieħed pożittiv. X’taqbad temmen: li riesqa lejna tempesta qalila jew li d-dinja qed tara raġġ ta’ tama? Ma jfissirx illi aħbar bilfors teskludi lill-oħra, iżda spiss ikun diffiċli għal min ikun qed isegwi l-aħbarijiet iżda li ma jkunx isegwi s-suġġett kontinwament biex jagħmel ġudizzju tajjeb.

Dan bħalma jiġrilna fil-konfront tal-prezzijiet. Meta l-affarijiet ikunu skarsi, il-prezz tagħhom jogħla. Iżda wieħed ikun irid jistenna li jgħaddi ftit taż-żmien biex ikun jista’ jagħmel ġudizzju dwar jekk ikunx hemmx inflazzjoni jew inkella jekk dak l-għoli fil-prezzijiet ikunx biss momentanju. L-istess storja meta niġu biex inħarsu fit-tul lejn it-tbassir ekonomiku. Min jgħid ħaġa u min jgħid oħra.

Huwa għalhekk important li wliedna jiġu edukati, li jmorru l-iskola u jibqgħu jistudjaw għax iktar ma tkun studjajt iktar tkun kapaċi tuża moħħok quddiem dak kollu li jkun qed iseħħ madwarek.

Din m’hijiex kwistjoni ta’ jekk temminx l-aħbarijiet jew le, imma li aħbar tkun kapaċi tpoġġiha fil-kuntest tagħha biex tkun tista’ tagħmel il-ġudizzju tiegħek. B’hekk tkun tista’ tieħu deċiżjonijiet infurmati tajjeb fix-xogħol, fix-xiri ta’ darek, u fl-investimenti li tagħmel. Huwa importanti li ma tiġix influwenzat bl-aħbarijiet ta’ dak il-mument biss, u li tħares iktar fit-tul b’mod oġġettiv ħalli fil-ħajja tiegħek tkun tista’ tieħu deċiżjonijiet aħjar fil-kuntest li tkun qed tgħix fih.

 

L-Orizzont tal-Ġimgħa, 15 ta’ Jannar 2015

,

One response to “L-istampa kollha”

  1. I’ve had my LAN running IPv6 for a while now, it’s great Proper end-to-end connectivity is how the internet is supposed to work Internally I’m running mDNS but I also put things into DNS, and then I can open up the relevant firewall ports and get to them from outside for cases when I want that The one place I differ from the document is that I would not recommend ULA if your ISP gives you a stable allocation, it’s just extra hassle I’m surprised to see so many people unwilling to try something new and increasingly necessary in these comments, doesn’t feel that it reflects the nature of a site like this Now if only my stupid mobile provider would get with the program and support v6…

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *