Il-Ħamis 19 ta’ Mejju f’ċerimonja fl-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, l-avukat Dr Reno Borg (BA Hons, MA, LLD) ħa l-ġurament tal-ħatra bħala l-ewwel Arbitru għas-Servizzi Finanzjarji fi ħdan l-Uffiċċju tal-Arbitru għas-servizzi Finanzjarji. Dan wara li fit-18 t’April daħal fis-seħħ l-Att XVI tal-2016 dwar l-Arbitru għas-Servizzi Finanzjarji.
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FINANZI
L-Uffiċċju tal-Arbitru għas-Servizzi Finanzjarji huwa organu mwaqqaf bil-liġi b’poteri biex jagħmel medjazzjoni, jinvestiga u jieħu deċiżjonijiet dwar ilmenti mressqa minn konsumaturi kontra kull fornitur tas-servizzi finanzjarji. L-Arbitru huwa totalment indipendenti u imparzjali mill-partijiet kollha relatati f’ilment.
Dr Reno Borg ilu jservi ta’ avukat għal dawn l-aħħar tnejn u tletin sena. Huwa gradwat mill-Universitá ta’ Malta u kompla bir-riċerki tiegħu fil-London School of Economics f’Londra kif ukoll f’ Oxford. Matul is-snin Dr Borg ħadem fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru u anke fl-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali fost karigi oħra importanti li kien okkupa. Kien ukoll chairman ta’ diversi entitajiet importanti lokali u anki serva ta’ arbitru taħt l-Att dwar is-Sigurtá Soċjali. Huwa ukoll lecturer fil-liġi dwar il-proċedura ċivili fl-Universitá ta’ Malta.
Preżenti waqt iċ-ċerimonja kien hemm l-Avukat Ġenerali, Dr Peter Grech u l-Ministru għall-Finanzi, Prof Edward Scicluna.
Friday 20th May 2016