Riflessjonijiet fuq is-suċċess ekonomiku


Kull bniedem irid l-aħjar kemm għalih innifsu kif ukoll għal-familjari tiegħu. Għalhekk il-persuna tagħmel pjanijiet u taħseb kif ser twettaq dawk il-pjanijiet sabiex tikseb dawk l-affarijiet, il-miri li tkun daħħlet f’moħħa li twettaq u tikseb. U bla dubju ta’ xejn, l-ewwel kisba li persuna tkun trid li twettaq, hu dak li tidħol fis-suq tax-xogħol. Ix-xogħol hu iċ-ċavetta li jwassal sabiex jinkisbu xewqat oħra.

Jekk niġu biex inħarsu lejn pajjiż, wieħed jista’ jxebbħu mal-bniedem. Il-Gvern ta’ pajjiż jagħmel viżżjoni li jkun irid iwettaq ħalli il-poplu ikun jista’ jgħejx f’pajjiż fejn il-kwalita’ tal-ħajja tkun tal-ogħla livell.

Id-diffikulta’ għal persuna sabiex il-viżjoni titwettaq tkun tiddependi minn kemm tkun wirtet ġid u kemm tistinka u taħdem ħalli il-pjanijiet li jkollha jiġu implimentati.

Meta il-Gvern preżenti ġie fdat bit-tmexxija tal-pajjiż, ma tantx sab ġid. L-ekonomija tal-pajjiż kienet kajmana; il-qgħad kien għoli; il-ħolqien ta’ postijiet tax-xogħol kien f’livell baxx ħafna; l-investiment kien kważi ineżiżtenti. Dan kollu ssarraf għal sfidi ferm ikbar milli stennejna.

Ir-riżultati li qed jinkisbu fi żmien ferm qasir ta’ tlett snin, huma inkredibbli. Biżżejjed wieħed isemmi l-istatistika li ippubblikat din il-ġimgħa stess l-Aġenzija Ewropeja tal-iStatistika, il-Eurostat, fejn irrappurtat kif Malta irreġistrat l-ogħla rata ta’ ħolqien ta’ postijiet tax-xogħol ġodda minn fost it-tmienja u għoxrin pajjiż tal-Membri Stati tal-Unjoni Ewropeja, liema rata ta’ ħolqien tax-xogħol kien ta’ tlieta punt seba’ fil-mija fuq is-sena ta’ qabel.

Meta wieħed jikseb suċċess bħal dan, ikun hemm min jażżarda jgħid li dan is-suċċess ġie mingħajr l-ebda impenn mill-Gvern jew li ir-riżultat kien b’kumbinazzjoni. Kieku il-fatti huma dawn, allura il-pajjiżi l-oħra kollha tal-Unjoni Ewropeja kienu jirreġistraw l-istess rata ta’ ħolqien ta’ postijiet ġodda tax-xogħol. Wieħed irid isemmi ukoll li dawn ir-riżultati ma nkisbux għal perijodu tal-ewwel tlett xhur ta’ din is-sena, imma l-istess riżultat inkisbu anki fl-aħħar tlett xhur tas-sena l-oħra. Mhux biss, imma Malta qed tikseb suċċess anki f’dak li huwa tkabbir tal-ekonomija.

U allura wieħed bir-raġun isaqsi kif Malta qed jirnexxiela tikseb dawn ir-riżultati, liema riżultati huma l-għajra tal-pajjiżi l-oħra.

Ir-risposta żgur li m’hijiex li kollox ġie b’kumbinazzjoni. L-ingredjent ta’ dan is-suċċess għandu jkun attribwit għal-għaqal, il-bżulija, ix-xogħol li jsir sabiex noħolqu u jinstabu opportunitajiet ta’ investiment, ta’ ħolqien tax-xogħol, u li kull opportunita’ li tiġi krejata’ nimplimentawha. Wieħed irid isemmi ukoll li biex tirnexxi, trid ukoll tagħmel dawk ir-riformi neċessarji li jwasslu il-pajjiż jimxi mal-ħtiġijiet rejali taż-żmienijiet. Ir-riformi jkopru kull settur u kull qasam tal-ħajja.

Pero’ il-kawtela hija importanti. Wara kull investiment ġdid, ikun hemm xhur twal ta’ ħidma li ma jidhirx. Imma fl-istess ħin, is-serjeta’ titlob li il-Prim Ministru u il-Gvern għandu jħabbar investiment li jkun ser isir meta fil-fatt in-negozjati jkunu saru u jkun hemm ċertezza li l-investiment ser ikun qed jitwettaq.

Is-suċċess ma jasalx jekk wieħed joqgħod isib l-iskużi, joqgħod jara kif ser joħnoq u jfixxkel kull inizzjattiva ta’ progress.

Filwaqt li l-ħolqien tal-ġid huwa sfida enormi, hija sfida ukoll dak li tkun taf tamministra is-suċċess. Biex nerġa nagħmel paragun mal-bniedem, nisimgħu ħafna stejjer ta’ persuni li jkunu irnexxew u kellhom suċċessi fil-ħajja tagħhom, bħal ngħidu aħna atturi, kantanti, futbolers u oħrajn, li wara li jkunu stinkaw u ħadmu sabiex jilħqu dan is-suċċess, kif ikunu fil-quċċata u jaraw dan is-suċċess u ġid, jitfixxklu fil-ġid u jibdew jonfqu bl-addoċċ, ma jkunux kapaċi ikomplu jibnu fuq is-suċċess li jkunu kisbu. Tafu bħali li kien hemm każijiet fejn sitwazzjonijiet bħal dawn ġieli wasslu anki għal traġedji.

 

14_ORZ

L-istess jista’ jingħad għal pajjiż. Malta qegħda fis-sitwazzjoni li irnexxielha tikkreja il-ġid. Issa irridu naraw li dan il-ġid li lkoll flimkien irnexxielna noħolqu ma nberbquhx imma ngħużawh bl-aktar mod bil-għaqal.

Meta jkun hemm il-ġid, l-aspettattivi ta’ kullħadd jgħolew. Kullħadd jistenna li jmisssu xi ħaġa mill-ġid li jkun inkiseb, hi x’inhi il-qagħda finanzjarja tal-individwu.  Huwa id-dmir u d-dover tal-Gvern li jara li is-suċċess li qed jinkiseb ikompli billi jkun hemm tkabbir sostennibbli u moderat f’kull settur ekonomiku. Huwa ferm important li ma jkunx hemm tkabbir f’daqqa, dak li jissejjaħ boom, għax tkabbir b’dan il-mod jista’ jwassal għal riċessjoni. Eżempju ta’ dan hu il-boom li kien hemm fi Spanja ftit tas-snin ilu fil-qasam tas-settur tal-kostruzzjoni.

Bosta gvernijiet madwar id-dinja ħadu it-tagħlima u qegħdin ferm attenti li ma jiġrix l-istess ġewwa pajjiżhom. Il-Gvern Malti ipprepara ruħhu għal din is-sitwazzjoni.

Fl-aħħar sentejn ta’ din il-leġislatura, aħna qed naħdmu sabiex inkomplu naraw aktar investiment ġewwa pajjiżna, jibqa’ jkun hemm tkabbir ekonomiku ikkontrollat li għandu jwassal għat-tkattir ta’ aktar ġid, liema ġid ser ikun qed jiġi mifrux fuq il-poplu Malti u Għawdxi kollhu.

Hekk jimxi Gvern għaqli.

 

 

Artiklu għal L-Orizzont- Il-Ġimgħa 24 ta’ Ġunju 2016

 

 

 

 

 

,

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *