Il-Kompetittività ta’ Pajjiżna


Ta’ sikwit nisimgħu min jgħid li pajjiżna għandu bżonn ikun aktar kompetittiv, imma l-kompetittività xi tfisser, u għaliex hija daqshekk importanti għal pajjiżna?

Jekk inħarsu lejn id-dinja tan-negozju naraw li ħanut ikun kopetittiv jekk joffri prodotti ta’ kwalità għolja bi prezzijiet li jkunu baxxi. Meta jiġri hekk, jirnexxielu jiġbed ferm aktar klijenti u jbiegħ ferm aktar minn dawk li ma jagħmlux bħalu, bir-riżultat li d-dħul tiegħu jikber u l-qagħda tiegħu u ta’ familtu tkun ħafna aħjar minn ħaddieħor li għandu ħanut iżda li m’huwiex daqstant kompetittiv.

Ori_7TN

L-istess jiġri meta nitkellmu dwar il-kompetittività bejn il-pajjiżi. Jekk pajjiż ikun kompetittiv, jirnexxilu jiġbed aktar turisti, jesporta iktar manifattura, iġib vapuri ikbar, aktar jottijiet u jagħti aktar servizzi finanzjarji. Meta jiġri hekk, il-pajjiż jirnexxielu jagħti aktar xogħol lil aktar nies u b’riżultat ta’ hekk, il-pajjiż imur tajjeb għax ikun qed jogħlli l-livell tal-għixien tan-nies u tal-familji li jkollhom dħul akbar.

 

logo orizzont

 

Biex naraw kemm pajjiżna huwa kompetittiv meta mqabbel ma’ pajjiżi oħra, nistgħu nirreferu għall-fondazzjoni ta’ fama internazzjonali li jismha World Economic Forum, li hi stabbilita fl-Iżvizzera u tagħmel diversi attivitajiet matul is-sena. Però l-aktar biċċa xogħol mistennija tiegħu hija l-World Competitiveness Report. Permezz ta’ dan ir-rapport, il-World Economic Forum tkejjel il-kompetittività ta’ 140 pajjiż madwar id-dinja skont ċertu kriterji.

Bi pjaċir kbir ngħidu illi Malta telgħet tmien postijiet f’din il-klassifika mis-sena l-oħra u hija l-40 pajjiż l-aktar kompetittiv fid-dinja. Aħna nixtiequ li nkomplu ntejjbu dan ir-riżultat, u għalhekk, irridu nindirizzaw dawk il-problemi li qed ixekkluna milli nkunu aktar kompetittivi. Però, bħal student li għadu kemm irċieva r-riżultat ta’ eżami, irridu nsaqsu lilna nfusna, liema mistoqsijiet morna tajjeb fihom u mil-liema stajna morna aħjar?

Biex tasal għal din il-klassifika, il-World Economic Forum tagħmel diversi surveys fil-pajjiżi li tkun qed tinvestiga, inkluż Malta. Dan is-survey jibbaża ruħu fuq 12-il pilastru li ser insemmihom wieħed wieħed, għax dawn ser jgħinuna nifhmu sew x’inhuma dawk il-karatteristiċi li jgħinu pajjiż biex ikun kompetittiv jew inkella jxekkluh milli jkun kompetittiv.

L-ewwel pilastru huw dak li għandu x’jaqsam mal-qasam legali, l-indipendenza tal-qrati u r-rispett lejn il-propjetà tal-individwu. Pajjiż li għandu sistema legali li tippermetti li dak li jkun li jiddefendi d-drittijiet tiegħu quddiem qorti imparzjali u li din tgħaddi ġudizzju skont liġijiet miktuba magħrufa minn kulħadd, huwa pajjiż li juri li għandu istituzzjonijiet b’saħħithom. Din hija xi ħaġa ta’ importanza kbira għal min jinvesti u allura hija l-ewwel pilastru ta’ dan ir-ranking. Fil-fatt naraw kif pajjiżi mifnija bil-gwerrer u rivoluzjonijiet, fejn in-nies jisirqu bl-addoċċ għax m’hemmx kontroll ma jirnexxielhomx jiġbdu l-investiment u allura jġibu anqas punti f’dan il-kriterju.

It-tieni pilastru hu l-infrastruttura tal-pajjiż. Biex pajjiż ikun wieħed kompetittiv, irid ikollu toroq tajbin, linji tat-telephone li jaħdmu, ammont sostanzjali ta’ nies għandhom mobile phone u fejn ikun hemm provvista adegwata ta’ elettriku. Ilkoll niftakru kemm kien jinqata’ d-dawl f’pajjiżna fil-passat. F’pajjiżi sottożviluppati il-qtugħ tad-dawl u l-ilma huma xi ħaġa li tiġri ta’ spiss, anke darbtejn jew tlitt darbiet kuljum. Il-fabbriki li jridu jaħdmu f’pajjiż bħal dan isofru minn żvantaġġi kbar, għaldaqstant, l-infrastruttura hija komponent ieħor ta’ dak li jagħmel pajjiż kompetittiv.

Fit-tielet pilastru insibu l-aspett makro ekonomiku, jiġifieri kif inhu miexi l-pajjiż. Allura nistaqsu domandi bħal, kif inhu miexi l-pajjiż? Qed ikollu tkabbir b’saħħtu jew dgħajjef? Jekk id-defiċit huwiex għoli jew baxx, nieżel jew tielgħa u jekk id-dejn huwiex f’livell li jkun ta’ periklu għall-ekonomija. Dawn il-fatturi kollha jikkontribwixxu biex jagħmlu pajjiż iktar kompetittiv jew inqas kompetittiv.

Għandna wkoll pilastri li jmissu l-oqsma tas-saħħa u l-edukazzjoni. Hawnhekk nistħarrġu aktar dwar il-kwalità tal-ħajja tal-poplu u tal-ħaddiema. Aktar mal-ħaddiem ikun b’saħħtu, akter ser ikollu produttività għolja. L-istess meta jkollok ħaddiem li jkun mgħallem u jkollu ċertfikitati f’dak li għandu x’jaqsam ma’ ħiliet tekniċi u professjonali. Għaldaqstant, f’dan il-qasam qed nitkellmu dwar il-ħiliet tal-ħaddiema, dwar kemm għandna nies letterati, kemm huwa l-persentaġġ tal-istudenti li jmorru l-università jew l-MCAST u kemm għandna nies li jafu b’aktar minn lingwa waħda. Dan kollu huwa parti mill-infrastruttura tas-suq tax-xogħol.

Insibu wkoll pilastru dwar l-edukazzjoni terzjarja, speċjalment b’rabta mar-riċerka u x-xjenza. Nafu li pajjiż ikun ‘il quddiem iktar ma jagħti importanza lir-riċerka u l-innovazzjoni. Hawnhekk naraw pajjiżi bħall-Ġermanja u l-Ġappun, kif ukoll anke ċ-Ċina li qed tipprova  tagħmel l-almu tagħha biex tirnexxi f’dan il-qasam. Insibu wkoll bosta pajjiżi Ewropej li qegħdin minn ta’ quddiem, speċjalment fil-farmaċewtika. Ir-riċerka u xjenza huma wkoll barometru ta’ kemm il-pajjiż jista’ jkun kompetittiv.

Il-klassifika dwar il-kompetittività tagħti każ ukoll tas-suq tax-xogħol u l-effiċjenza tiegħu, jiġifieri l-produttività tal-ħaddiema. Dan ifisser li fl-istħarriġ, wieħed jieħu in konsiderazzjoni aspetti bħal kemm ittieħdu ġranet ta’ sick leave, il-flessibilità fir-reklutaġġ tal-impjiegi u l-pagi, il-professjonalità tal-management u l-ammont ta’ nisa fuq il-post tax-xogħol.

Imbagħad, ngħaddu għal dak li nistgħu inqisuh bħala ż-żejt tal-magna, jiġifieri l-finanzi. Dan huwa pilastru li janalizza l-banek, il-bank ċentrali u kemm hu faċli, jew diffiċli, għan-negozjant jissellef mingħand bank. Għax inutli li jkollok bank sbieħ bl-uffiċini fi skyscrapers jekk meta tmur biex  tavviċinhom issib li jkun diffiċli ħafna biex tikseb self.

It-teknoloġija hi pilastru ieħor tal-kompetittività. Kemm pajjiż huwa moħħu u lest li jilqa’ t-teknoloġija ġdida, kemm irnexxielu jdaħħal l-internet fid-djar tan-nies u kemm in-nies tuża l-mobile phone biex iffittxu, jirriċerkaw u jixtru minn fuq l-internet, kif ukoll kemm hemm negozji li jużaw l-internet biex joperaw minn fuqu u jbiegħu online huma kollha kriterji important.

Il-pilastru li jmiss huwa li fih Malta ssofri ċertu żvantaġġi. Dan huwa s-suq u Malta hija żvantaġġata fih minħabba li għandha suq lokali li huwa limitat għax zgħir wisq u allura negozjant li jopera biss għas-suq lokali ma jkunx jista iwaqqa prezzijiet. Din hija l-isfortuna li nġorru minħabba fiċ-ċokon ta’ pajjiżna,  però dan l-istess ċokon għandu vantaġġi oħra. Ma’ dan, nistgħu inżidu wkoll il-pilastru li jkeljjel kemm hu sofistkat in-negozju. Fid-dinja tal-lum in-negozju sar sofistikat ħafna u allura l-livell ta’ sofistikatezza titkejjel għall-kull pajjiż u tingħadd mal-kumplament tal-pilastri l-oħra.

Fl-aħħarnett, insibu l-innovazzjoni. Pajjiż jistaġna jekk ma jkunx hemm innovazzjoni u tiġdid. Hawnhekk tidħol l-importanza tal-kollaborazzjoni bejn l-università u l-industrija, xi ħaġa li qegħdin nimbuttaw ħafna f’pajjiżna. Fost l-oħrajn inkejjlu kemm pajjiż ifaddal flus sabiex jinvestihom fl-innovazzjoni.

 

Minn dak li rajna aktar ‘il fuq nistgħu nifhmu xi tfisser il-kelma kompetittività billi naraw xi jkun fiha l-karta tal-eżami tal-‘World Economic Forum’ li tagħmel lil kull pajjiż. Din il-‘karta’ hija mezz biex aħna nifhmu aħjar kif ngħinu lill-pajjiż ikun kompetittiv. Jekk il-pajjiż ikun kompetittiv ikun b’saħħtu, jgawdi mis-suċċess tat-tkabbir tiegħu u fl-aħħar u l-aktar ħaġa importanti, il-familji tagħna jkunu jistgħu igawdu minn livell ta’ għixien aħjar.

 

Il-Ġimgħa 7 ta’ Ottubru 2016

,

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *