Il-Vantaġġi ta’ Pajjiżna


Fl-artiklu tiegħi tal-ġimgħa l-oħra tkellimt dwar il-kompetittività u kif din taffettwa lil kull pajjiż f’diversi oqsma, bħall-pagi, is-suq tax-xogħol, l-investiment, x’tip ta’ riżorsi għandu dak il-pajjiż u kif titkejjel il-klassifika tal-pajjiżi skont il-kompetittività tagħhom.

Aparti dan kollu, hemm aspett ieħor tal-kompetittività li huwa importanti għal pajjiżna, jiġifieri li fl-strateġija tiegħu juża dawk is-setturi fejn huwa l-aktar b’saħħtu u jevita dawk fejn huwa dgħajjef. Jiġifieri inutli li pajjiż li ma jkollux numru qawwi ta’ xjenzjati, jipprova jwaqqaf industrija bbażata fuq ix-xjenza meta jaf li ma’ jistax ikabbar f’din l-industrija minħabba l-fatt li m’ għandux ammont qawwi ta’ nies interessati fix-xjenza. Ara għall-kuntrarju jekk f’pajjiżek qed jiggradwaw iktar tobba jew inkella iktar accountants mill-Università jew inkella għandek iktar nies fin-negozju, inti għandek tmur għal dik l-attività fejn ser issib l-aktar riżorsi jew inkella fejn hemm l-iktar vantaġġi.

Pajjiżna x’għandu? X’inhuma dawn il-vantaġġi? U allura għal liema mod strateġiku u għal liema setturi għandu jimmira u fil-fatt diġà immira pajjiżna?

 

orizzont thumbnail

 

L-iktar ħaġa ovvja meta pajjiż ikun gżira, u allura jkun separat minn artijiet oħra, huwa s-settur marittimu. Dan is-settur jinkludi attivitàjiet bħad-dockyard, u negozju relatat mal-attività fil-port, bħal transshipment. Din l-attività ma’ tieqafx hawn. Magħha iġib ukoll attività oħra bħal pereżempju l-irreġistrar tal-vapuri, ir-regolatur innifsu li jirregola u jesigi dwar l-għamla tal-vapur u jekk hux double jew single hull, jiġifieri regola dwar il-qoxra tiegħu u dak kollu li għandu x’jaqsam mal-istandards li jġib miegħu dan is-settur. Barra minnhekk hemm ukoll il-bejgħ, xiri, chartering u kwalunkwe attività oħra li tenħtieġ issir permezz ta’ kuntratt. Dan ifisser li l-pajjiż ikollu bżonn l-avukati li huma speċjalizzati fix-shipping.

Bl-istess mod, meta pajjiżna mar għall-manifattura, kellu jixtarr x’inhuma d-dgħufijiet tiegħu. Ejjew inkunu ċari, għalkemm m’għandniex riżorsi għall-manifattura u rridu nimpurtaw kollox, xorta għarafna x’inhuma l-vantaġġi tagħna. Kien għalhekk li pajjiżna uża l-pożizzjoni strateġika tiegħu hekk kif jinsab qrib lejn l-Ewropa. Huwa minnu li hemm il-baħar bejn Malta u Sqallija pero ż-żewġ artijiet ma’ jinsabux il-bogħod ħafna minn xulxin u mhux bħal per eżempju ċertu pajjiżi fl-Afrika. Dan allura jagħmel l-ispiża tat-trasport waħda raġonevoli li tippermeti ċertu importazzjoni u anke esportazzjoni ta’ dawn l-affarijiet użati fil-manifattura.

Għalkemm dak li semmejt affarijiet li ħallew il-ġid għal pajjiżna,mingħajr ebda dubju, l-vantaġġ tagħna bħala pajjiż huwa fis-settur tas-servizzi. Dan għax is-servizzi jiddependu mill-att uman, mill-bniedem.  Huwa l-bniedem li jagħti dak is-servizz u allura iċ-ċans li s-settur jikber huwa marbut direttament mal-kapaċità tan-nies li jaħdmu fis-settur, allura hemm iktar ċans li l-pajjiż jikber permezz tas-servizzi milli fil-manifattura.

Meta nitkellmu dwar is-servizzi, nkunu qed nitkellmu fost l-oħrajn dwar is-settur tat-turiżmu, settur li juża s-sbuħija u l-istorja ta’ pajjiżna bħala l-iprem riżorsa. Barra s-settur tat-turiżmu, nistgħu nitkellmu wkoll dwar is-servizzi finanzjarji u anki l-igaming u l-backoffice administration. Dawn huma setturi li jiddependu minn kwantità kbira ta’ persuni li lesti li jaħdmu f’dan is-settur għax għandhom il-ħiliet neċessarji, bħall-għarfien fil-kummerċ, u l-informatika, li ma tridx kapital kbir għalihom għajr għarfien u t-tagħmir.

Dan m’humiex setturi li jinvolvu importazzjoni u esportazzjoni għax jiddependu mill-komunikazzjoni permezz tal-internett, kemm bħala konnessjoni fiżika permezz ta’ cable tal-internet jew l-WIFI.

Is-settur tas-servizzi jgħodd ħafna għal Għawdex. Kif nafu Għawdex għandu xi żvantaġġi perà li l-fatt jirnexxielu jattira settur bħal dan, jidher li qed jirnexxilu jpatti għall-iżvantaġġi li ġġib dik li ngħidulha insularità doppja.

Fattur ieħor li huwa ta’ vantaġġ, bla dubju ta’ xejn, hija l-lingwa. Il-fatt li aħna, għal raġunijiet storiċi, għandna nużaw l-Ingliż u l-Malti bħala lingwi uffiċċjali jagħtina vantaġġ enormi għax l-ebda pajjiż fil-Mediterran ma jista’ jagħmel bħalna. Il-fatt li l-Ingliż inzerta l-lingwa internazjonali tan-negozju ifisser li kull kumpanija li tiġi Malta m’ għandiex għalfejn toqgħod titraduċi d-dokumenti tagħha. Jekk wieħed iżid ma’ dan il-fatt li l-liġijiet tagħna huma miktuba wkoll bl-Ingliż wieħed jista’ jara kemm nagħmlu ħajjet dawn il-kumpaniji faċli. Għax dawn jistgħu jifhmu l-liġijiet tagħna mal-ewwel u jwettqu ħidmiethom, fosthom l-affarijiet legali u aċċess għall-qrati, reġistrazzjonijiet u board meeting u minutes bl-Ingliż. Dan jagħmilna ċentru internazzjonali f’nofs il-Mediterran.

Mill-banda l-oħra, l-ilsien Malti, li huwa semitiku u jixbah ħafna lill-Għarbi, jnissel ċertu affinità mal-popli tal-Lvant Nofsani u l-Afrika ta’ Fuq. Meta dawn  jikkumerċjaw ma’ pajjiżna jew iżuruna, iħossuhom at home. Dak huwa verament il-pont bejn l-Ewropa u l-Afrika; il-fatt li aħna Ewropej u Nsara però fl-istess ħin għandna ċertu affinitajiet mal-poplu Għarbi.

Meta tara dawn il-vantaġġi kollha, tara illi jagħmlu sens għal ċertu setturi li għandna, u oħrajn li ser nissaħħu fihom fil-futur. Għalhekk il-gvern qiegħed jgħin biex dan l-investiment li ġej minn barra fis-saħħa u fl-edukazjoni terzjarja għall-barranin jagħmel sens, għax huwa settur tas-sevizzi, settur immirat għal studenti mid-dinja kollha. Però sintendi dan joffri vantaġġ għal dawk li ġejjin minn pajjiżi ġirien tagħna għax id-distanzi huma qosra u jkunu kuntenti li joqgħodu f’pajjiżna għal, pereżempju sakemm idum il-kors tal-edukazjoni jew inkella il-kura mediku li qed ifittxu.

Mela dan huwa investiment illi jagħmel lil Malta kompetittiva għax inkunu qed nużaw dawk ir-riżorsi u dawk il-faċilitajiet li pajjiżna l-iktar li hu b’saħħtu fihom. Għalhekk ma jagħmilx sens li mmorru għal industriji li jagħmlu aktar sens li jinvestu fihom pajjiżi kbar, inħallu fl-idejhom l-industriji kbar li jħammġu u l-manifattura ġoffa li ma tagħmilx sens għal pajjiżna.

Għalhekk huwa importanti li nissaportjaw dan it-tip ta’ investiment, naraw li t-tfal tagħna jirċievu t-taħriġ minn issa għax dan huwa investiment għall-futur. L-attività f’pajjiżna f’dawk l-oqsma bhal ma huma s-saħħa, l-edukazzjoni u t-turiżmu ser tkun qawwija biex b’hekk nilħqu l-għanjiet tagħna illi fuq kollox huma dejjem l-istess; illi l-familji tagħna jgħixu aħjar milli kienu jgħixu fil-passat u li sena wara l-oħra, kulħadd jara lil familtu  tmur għall-aħjar.

14_ORZ

Il-Ġimgħa 14 ta’ Ottubru 2016

 

,

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *