X’ser jieħdu l-pensjonanti is-sena d-dieħla


L-anzjani ser ikunu fost l-aktar faxxa ta’ membri tas-soċjetà tagħna li ser jibbenefikaw mill-baġit li ħabbart nhar it-Tnejn li għadda, grazzi għal pakkett ta’ 20 miżura intiża biex jiżdiedilhom id-dħul, fosthom permezz tal-qtugħ ta’ taxxa, kif ukoll għajnuna estiża għall-carer u għajnuna oħra. Dan kollu ser jidħol fis-seħħ fl-2017.

 

Nixtieq nispjega aktar fil-fond dan il-pakkett, li qed jintwera f’forma ta’ tabella wkoll.

Nibda billi nispjega t-tibdil li seħħ fit-taxxa tad-dħul.

Koppja ta’ pensjonanti mis-sena d-dieħla ser ikollhom l-ewwel €13,000 mill-pensjoni tagħhom ħielsa mit-taxxa. Barra minn hekk, mhux ser jiġu intaxxati fuq l-ewwel €500 fuq dħul ieħor, li ser jogħla għal €1,000 għall-2018. Pensjonanti li jikkwalifikaw għar-rati ta’ taxxa fuq id-dħul ta’ ġenituri, ser igawdu ukoll minn din il-miżura, b’dan li għas-sena d-dieħla ma jħallsux taxxa fuq l-ewwel €11,500 filwaqt li ma jħallsux taxxa fuq l-ewwel €13,000 għall-2018.

 

orizzont thumbnail

 

Fil-każ ta’ pensjonanti single, matul l-2017 mhux ser iħallsu taxxa fuq l-ewwel €10,500 mill-pensjoni tagħhom, fil-waqt li dan il-limitu jitla’ għal €13,000 fl-2018.

Grazzi għal din il-miżura, il-pensjonanti ser jifdlilhom sa massimu ta’ €585 fil-but fi ffrankar ta’ taxxa fuq id-dħul.

Għal darb’oħra l-anzjani ser jibbenefikaw b’mod sħiħ mill-kumpens għall-għoli tal-ħajja għall-2017, li ser ikun ta’ €1.75 fil-ġimgħa.

Wara għas-sena li qegħdin fiha għollejna l-pensjoni minima għall-koppji miżżewġa għall-ewwel darba f’25 sena, u ġibniha €140 fil-ġimgħa, mill-ewwel  ta’ Jannar 2017, dan il-gvern  ser jerġa’ jgħolli l-pensjoni minima b’€4 fil-ġimgħa, liema żieda tinkludi ż-żieda tal-għoli tal-ħajja. Bl-istess mod, il-miżżewġin li għandhom ftit aktar mill-pensjoni minima, ser jibbenefikaw minn din iż-żieda pro-rata.

Mis-sena d-dieħla wkoll, pensjonanti li jirċievu pensjoni waħda ser jibbenefikaw minn għajnuna supplimentari għola li ser titla’ għal massimu ta’ €9.62, li tinkludi l-kumpens għall-għoli tal-ħajja.

L-anzjani li għandhom 75 sena u aktar li jgħixu fid-dar tagħhom, ser jerġgħu jirċievu pagament ta’ €300 matul l-2017.

Dan il-baġit, qed jara li l-ġid li qed jinħoloq, jasal għand kulħadd. Dan qed jagħmlu mhux biss billi jżid il-pagamenti lill-pensjonanti, iżda wkoll li jwieżen lil dawk li għal xi raġuni jew oħra, spiċċaw bla pensjoni.

Wara li s-sena l-oħra ntroduċejna bonus ta’ €100 lil dawk li ħadmu inqas minn ħames snin u €200 lil dawk li ħadmu għal aktar minn ħames snin iżda xorta mhumiex eliġibbli għall-pensjoni, matul is-sena d-dieħla, dan il-bonus ser jiżdied b’€50. Il-pensjonanti li jieħdu pensjoni tas-servizz Ingliż, matul is-sena d-dieħla il-pensjoni tas-sigurtà soċjali tagħhom ser terġa’ tiżdied b’ €200. Barra minn hekk, neħħejna d-diskriminazzjoni abbażi tal-ġeneru. Grazzi għal din ir-riforma, il-pensjonanti nisa li għandhom rata fissa ta’ pensjoni ser igawdu minn żieda ta’ massimu ta’ €20 fil-ġimgħa.

L-anzjani li jixtiequ jfaddlu u jinvestu, ser ikunu eliġibbli għal Government Savings Bonds b’rati aktar attraenti għal-pensjonanti.

Dawk il-pensjonanti li jirċievu dħul minn fuq dividendi mogħtija minn kumpaniji llistjati fuq il-Borża ta’ Malta, ser jibbenefikaw minn tnaqqis ta’ taxxa minn fuq dan l-istess dħul li jitqassam is-sena d-dieħla.

Ser inwaqqfu fond li minnu ser jibdew jitħallsu persuni li sofrew minn anomaliji fil-pensjoni li kienu intitolati għalihom; l-ex-ħaddiema tal-korpi tas-snin sebgħin, ex-impjegati tal-Malta Electricity Board, il-każ tal-overtime tal-pulizija, ex-ħaddiema tax-xatt, u oħrajn. Għas-sena d-dieħla, il-gvern ser jalloka €8 miljun għal dan il-fond.

Konxji mill-fatt li pensjonanti li għandhom kundizzjoni medika li tirrikjedi għajnuna, fosthom anke ta’ carer, f’dan il-baġit ħadna ħsieb li nżidu l-allowance li tingħata lill-carers. Barra minn hekk, qed nirrikonoxxu li l-miżżewġin jistgħu ħsieb lil xulxin u jieħdu allowance ta’ carer. Anke individwi li jieħdu ħsieb familjari tagħhom bi grad għoli ta’ dipendenza, ser ikunu qed jirċievu żieda fl-allowance. Anzjan li jimpjega careworker biex idur bih, ser ikun qed jingħata lura parti mill-paga li jħallas sa massimu ta’ €5,200 fis-sena.

 

12_ORZ

 

Konxji ukoll mill-fatt li persuni li jagħmluha ta’ carer informali iżda direttament fid-dar ta’ persuni bi grad għoli ta’ dipendenza, jistgħu ibgħatu minn esklużjoni soċjali, permezz ta’ dan il-baġit, il-gvern ser ikun qed joffrilhom perijodu ta’ ġimgħa mistrieħ kull sitt ġimgħat, sabiex igawdu minn massimu ta’ tlett perijodi mistrieħ fis-sena.

Saret reviżjoni tal-means test sabiex il-pensjonanti jgawdu minn firxa usa ta’ mediċini b’xejn. Fost l-oħrajn ser jikber il-formularju ta’ mediċini għal min ibgħati mill-kanċer u d-dijabete u ser nestendu l-benefiċċji relatati mal-kura tad-dijabetiċi

Il-gvern jagħraf wkoll li minħabba l-avvanz ekonomiku tal-pajjiż, kien hemm żieda fil-kirjiet li qed jaffettwaw b’mod negattiv lill-pensjonanti. Għaldaqstant, mll-bidu tas-sena d-dieħla, ser nirduppjaw is-sussidju li jingħata lil min jikri mill-privat, filwaqt li sejrin ukoll innaqsu l-aġġustament tal-kera fejn jidħlu postijiet tal-gvern għar-rata li kienet fis-sena 2010.

Dan il-pakkett ta’ 20 miżura favur il-pensjonanti huwa prova tanġibbli tal-kuxjenza soċjali ta’ dan il-gvern. Wara li kiseb riżultati storiċi rikonoxxuti mill-Kummissjoni Ewropea u l-aġenziji ta’ credit rating, il-gvern qed jara li kulħadd igawdi minn dan il-ġid. Dan huwa xiehda tat-twemmin fil-ġustizzja soċjali ta’ dan il-gvern li qed jiżgura li l-ġid li jasal għand kulħadd.

 

Is-Sibt 22 ta’ Ottubru 2016

,

One response to “X’ser jieħdu l-pensjonanti is-sena d-dieħla”

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *