Id-diskussjoni tal-baġit għaddiet ukoll. Jekk ngħidilkom li ntużat statistika skont il-konvenjenza minn min ried jikkritika l-baġit, żgur li m’intomx sa tkunu sorpriżi. Din id-darba però mhux biss l-interpretazzjoni ta’ statistika illi ġiet mgħawġa, iżda anke l-użu tal-metodoloġija li biha tinġabar. Ħa nkun ċar, fuq naħa waħda għandek oppożizzjoni li tgħid illi l-pagi minn sena għall-oħra waqgħu b’mod reali u l-istess anke għall-produzzjoni. Minn naħa l-oħra il-Gvern qed jgħid li l-manufattura marret ‘il quddiem, żdiedu l-impjiegi u l-paga medja tal-pajjiż kollu żdiedet bi 3.2% b’mod reali.
Meta nitkellmu dwar il-paga, hemm differenza kbira bejn li taqa’ u li tiżdied. Mela x’ġara? Fi kwalunkwe studju tintuża metodoloġija skont il-bżonn u r-rizorsi, inkluż il-ħin, li għandek disponibbli. L-istatistika taħdem billi tinġabar informazzjoni biex ngħidu hekk bieb, bieb jew azjenda, azjenda. Però, għal raġunijiet ta’ riżorsi jew ħin, ġieli jkun hemm bżonn li tagħmel sondaġġ fuq kampjun żgħir biex ikollok indikazzjoni tad-direzzjoni ta’ fejn ikunu sejrin l-affarijiet, jew kif ikun sejjer l-andament. Dan ma kienx każ differenti.
Bħal kull pajjiż ieħor membru tal-Unjoni Ewropea u tan-Nazzjonijiet Uniti, Malta għandha mezz ta’ kif tirraporta d-dħul tal-pajjiż, il-profitti u l-pagi, dak li ngħidulu valur addizzjonali. Dan ngħidulu n-National Accounts, li joħroġ kull tliet xhur. Grazzi għan-National Accounts, wieħed jista’ jkollu l-aktar stampa preċiża li jista’ jkollu pajjiż ta’ kemm qiegħed jipproduċi, idaħħal u jikkonsma, jesporta u jimporta, eċċ.
Minn naħa l-oħra hemm sondaġġi ta’ kampjuni żgħar li permezz tagħhom, wieħed ikun jista’ jbassar malajr qabel ma tingabar l-informazzjoni kollha aktar tard. Però dawn il-kampjuni jagħtu biss stampa żgħira ta’ x’jista’ jiġri, bħal meta wieħed jiftaħ tieqa żgħira biex jipprova jara kif ser ikun it-temp. Bħal ma nafu it-tbassir xi kultant ikun tajjeb u kultant ma jkun tajjeb xejn. Dan l-aħħar rajna kif minkejja li t-tbassir fir-Renju Unit kien jindika li l-votanti fir-referendum kienu ser jivvutaw biex jibqgħu fl-Unjoni Ewropea. L-istess ġara din il-ġimgha fl-Amerika. Iżda r-riżultat finali wera li l-maġġoranza, żgħira kemm hi żgħira, riedet il-Brexit. Bl-istess mod, nhar it-Tlieta rajna kif minkejja t-tbassir, l-Amerikani vvutaw biex Donald Trump isir il-President tal-Istati Uniti. Kull meta tuża t-tbassir, dejjem għandek probabilità ta’ żbalji u ta’ fatturi oħra li jistgħu iwasslu biex dak it-tbassir ma jkunx preċiż.
Fil-każ tas-salarji, l-aġenzija ta’ l-istatistika tibbaża l-andament fuq is-salarji minn għadd ta’ ftehim kollettivi. Bħal ma nafu. mhux kull azjenda għandha ħaddiema msieħba fi trade union fejn ikun hemm ftehim kollettiv. Iżda fejn isiru dawn il-ftehim kollettivi, dawn jinġabru u minnhom jaraw kemm qegħdin jiżdiedu s-salarji. Issa l-verità hi li minn din l-informazzjoni, wieħed ma jistax ikejjel kemm ħaddiem daħħal mis-sahra, bonuses, jew ħlasijiet oħra. Iżda ta’ lanqas wieħed ikun jista’ jiġbor informazzjoni dwar il-paga bażika, bħal kemm ħaddiem qed jitħallas ta’ kull siegħa xogħol.
Il-problema li tuża din l-informazzjoni sseħħ meta tiġi biex tikkumpara ċ-ċaqlieq fil-pagi minn sena għall-oħra. Dan għaxftehim kollettiv ma’ jsirx għal sena waħda. Dan ifisser li l-kampjun tas-sena l-oħra qatt ma jista jitqabbel ma’ ta’ din is-sena għax il-ftehim kollettiv tas-sena l-oħra għadu ma għalaqx u allura l-kampjun ta’ din is-sena huwa wieħed totalment differenti.
Għaldaqstant, ma tista’ qatt tikkumpara eżattament jekk il-pagi għolewx jew tbaxxewx jekk f’sena qed titkellem fuq mitejn ażjenda u s-sena ta’ wara għandek mitejn ażjenda totalment differenti! Li nistgħu ngħidu però huwa li din l-istatistika għandha ċertu valur għax ittik ftit idea ta’ x’fihom il-ftehim kollettivi li jkunu qed isiru matul sena partikolari.
Minn naħa l-oħra, jekk inti, wara li jgħaddu x-xhur u tilħaq toħroġ l-informazzjoni minn National Accounts, trid tkun taf informazzjoni dwar kemm intefqu flus f’pagi f’ kull azjenda ta’ kull settur tal-pajjiż, għandek tuża din l-informazzjoni. Tajjeb li ngħid li f’pajjiżna qegħdin jintefqu f’salarji u pagi, bejn wieħed u ieħor, €240 miljun aktar mis-sena ta’ qabel. Meta wieħed jikkalkulha n-nefqa tal-pagi fuq l-irjus issib illi f’pajjiżna s-salarji telgħu bi 3.8% b’mod nominali u meta tneħħi l-effet ta’ l-inflazzjoni dan jonqos għal 3.2% b’mod reali.
Allura, mingħajr ma noqgħodu nidħlu f’argument akkademiċi dwar it-teħid ta’ kampjuni, jibqa l-fatt li tbassir għandu l-vantaġġi tiegħu. Iżda dawn il-vantaġġi jissarfu qabel ma’ wieħed ikollu l-informazjoni kollha f’idejh.
Fil-każ tagħna, jekk qed nitkellmu dwar is-sitt xhur minn Jannar sa Ġunju 2016 u l-baġit ġie preżentat f’Ottubru, u għandna f’idejna n-National Accounts li jkopru dawk is-sitt xhur minn Jannar sa Ġunju 2016, allavolja għandek f’idejk it-tbassir għall-dawk is-sitt xhur, iċ-ċifri li għandek tikkwota għandhom ikunu dawk li huma finali u assoluti, jiġifieri dawk tan-National Accounts.
Din bħal ma jiġri fl-elezzjoni, fejn qabel l-elezzjoni inti tista’ tipprova tara fejn sejra l-elezzjoni u bili toqgħod fuq dak li jbassru l-gazzetti permezz ta’ sondaġġi zgħar ta’ xi 300 jew 500 ruħ. Però meta joħroġ ir-riżultat uffiċjali tal-elezzjoni, manaħsibx li hawn xi ħadd li joqgħod jirreferi għat-tbassir iżda jmur għar-riżultat uffiċjali.
Jiġifieri f’dan id-dibattitu li kien hemm bejn l-Oppożizjoni u l-Gvern jiena nikkontendi illi sew jekk tkun ekonomista u anke jekk ma tkunx, wara li r-riżultat uffiċċjali isir pubbliku, wieħed għandu juża lilu u mhux it-tbassir li jkun skadut, bhal ma ghamel il-kap tal-Oppożizzjoni. Li tibqa’ tibbaża argumenti fuq affarijiet skaduti ma tant jirriflettu tajjeb fuq min jagħmilhom.
Il-Ġimgħa 11 ta’ Novembru 2016