Ninsab ċert li issa kulħadd jaf sew li Malta qed tmexxi l-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea. Bħala Ministru għall-Finanzi, jiena għandi l-Presidenza tal-Kunsill għall-Affarijiet Finanzjarji u Ekonomiċi, magħruf bħala l-ECOFIN, u fost id-dmirijiet li għandi, il-ġimgħa li għaddiet iltqajt mal-Kumitat għall-Affarijiet Monetarji u Economiċi tal-Parlament Ewropew, magħruf bħala l-ECON.
Dan il-kumitat jiena nafu sew, għax fiż-żmien li jiena kont Membru Parlamentari Ewropew, servejt bħala Viċi President ta’ dan il-kumitat. Hija l-prassi li l-Presidenti l-ġodda ta’ kull kunsill, jiltaqgħu mal-kumitati tal-PE fejn jispjegaw il-programm ta’ ħidma tagħhom għas-sitt xhur tal-Presidenza. Għalhekk, jiena tlajt Brussell biex nirrapreżenta l-Presidenza Maltija fl-ECON u biex infisser il-programm li għandna dawn is-sitt xhur.
Bħal ma tafu, l-Unjoni Ewropea għandha sistema fejn il-Kunsill u l-Parlament Ewropew huma separati minn xulxin. Il-Kunsill huwa magħmul mill-ministri tal-istati membri tal-UE, fil-każ tal-ECOFIN, mill-ministri għall-finanzi kollha. Minn naħa l-oħra, l-Parlament huwa magħmul minn membri eletti direttament miċ-ċittadini Ewropej, dawk li ngħidulhom Membri Parlamentari Ewropej, jew MPEs.
Il-Kunsill u l-Parlament għandhom poteri ta’ kodeċiżjoni, jiġifieri il kull abboz ta’ liġi li joħroġ mill-Kummisjoni jiġi emendat u diskuss sew fil-Parlament Ewropew u jiġi approvat hemmhekk. Imbagħad jiġi ukoll diskuss separatament u approvat mill-kumitati fl-isfond tal-Kunsill. Meta dawn jiġu approvati miż-żewġ istituzzjonijiet, niltaqgħu ukoll mal-Kumissjoni biex nagħmlu dak li ngħidulhom trialogues sabiex nippruvaw insibu kompromess fejn ikun hemm nuqqas ta’ qbil, sabiex finalment issir liġi, direttiva jew regolament skont il-każ.
Irridu nammettu li r-relazzjoni ta’ bejn iż-żewġ istituzzjonijiet hija sensittiva ħafna. Kulħadd huwa kburi bil-pożizzjoni tiegħu u jixtieq li din dejjem tkun l-iktar waħda fuq quddiem. Kultant ikun hemm żminijiet fejn ir-relazzjonijiet ma tantx ikunu tajbin, u l-fatt li jiena għamilt erba’ snin membru tal-Parlament Ewropew u ħafna mill-Membri Parlamentari Ewropej li huma fil-kumitat huma sħabi. Dan għen ħafna biex din il-preżentazjoni ta madwar siegħa u nofs kienet suċċess. Ma jfissirx li l-opinjonijiet tagħhom fuq ħafna files u kwistjonijiet ma baqgħux b’saħħitom, speċjalment f’dak li għandu x’jaqsam mat-taxxa.
It-taxxa hija materja delikata, mhux minħabba l-pożizzjoni ta’ Malta, imma sempliċiment għax il-Parlament Ewropew m’għandu l-ebda poter f’dak li għandu x’jaqsam mat-taxxa. Il-Parlament Ewropew m’għandux il-poter li jilleġiżla fuq affarijiet ta’ taxxa, għax huma gvernijiet tal-pajjiżi fil-kunsill li għandhom il-poter aħħari f’dan il-qasam. U allura dan il-fatt, biex ngħidu hekk, aktar jirrabja lill-membri parlamentari li għandhom opinjonijiet b’saħħithom ħafna dwar it-taxxa, anzi ħlief jitkellmu fuqha u fuq affarijiet relatati magħha u l-miżuri kontra l-ħasil tal-flus ma jgħamlux, speċjalment mal-media. Għaldaqstant, wieħed irid jitratta dan il-qasam delikat billi juri li qiegħed tisma’ b’attenzjoni kbira, jinnota kwalunkwe punti li qed isiru, sabiex dawn l-affarijiet jitqajjmu fil-Kunsill u eventwalment jissolvew.
Fil-fatt, meta inħarsu lejn il-programm kollu ta’ taxxi fuq is-servizzi finanzjarji, fuq iz-zona ewro, fuq l-ewro innifisha u kif ukoll fuq l-investiment, nistgħu ngħidu li għandna programm interessanti ħafna.
Għalkemm it-taxxa hija materja importanti, m’hijex l-unika komponent tal-programm tal-Presidenza Maltija! Aħna sejrin naħdmu sabiex insaħħu l-governanza ekonomika permezz ta’ politika fiskali soda, riformi strutturali u l-investiment. Għalhekk, il-Presidenza Maltija hi lesta sabiex tibda t-trialogues b’rabta mal-EFSI 2 hekk kif il-Parlament jadotta pożizzjoni definittiva. Barra minn hekk, tixtieq tara aktar progress fil-qasam tal-investiment permezz tal-Programm ta’ Sapport għar-Riformi Strutturali (SRSP) u r-revizjoni tal-Mandat għas-Self Estern (ELM) tal-Bank Ewropew għall-Investiment (EIB). Ta’ min wieħed jinnota wkoll li Kunsill ma qabilx mal-Kummissjoni dwar politika fiskali iktar espansiva u li r-rakkomandazzjonijiet dwar iz-zona ewro għadhom għaddejjin.
Nixtiequ nkomplu nsaħħu l-Unjoni Bankarja fl-UE, allura ser naraw li l-European Deposit Insurance Scheme (EDIS) toħloq l-aħjar bilanċ f’dak li għandu x’jaqsam mat-teħid u l-qsim tar-riskju u t-tnaqqis tiegħu, għalhekk ser tissokta l-ħidma fuq livell tekniku dwar din l-iskema. Fl-istess waqt, ser inkomplu naħdmu sabiex naslu għal Unjoni tas-Swieq Kapitali wara li x-xogħol dwar id-Direttiva dwar il-Propsectus ġie ffinalizzat.
Dwar is-Servizzi Finanzjarji, nemmnu li għandna nsaħħu l-ġlieda tagħna kontra t-terroriżmu u l-mod ta’ kif it-terroriżmu jiġi ffinanzjat, għalhekk inħossu li f’dan l-ambitu r-raba’ Direttiva kontra l-Ħasil tal-Flus (AMLD) hija kruċjali.
Meta inħarsu lejn il-programm kollu ta’ taxxi fuq is-servizzi finanzjarji, fuq iz-zona ewro, fuq l-ewro innifisha u kif ukoll fuq l-investiment, nistgħu ngħidu li għandna programm interessanti ħafna.
Jiena tajt l-assigurazjonijiet kollha li stajt nagħti lill-Parlament Ewropew, illi l-Presidenza Maltija beħsieba twettaq dan il-programm u sintendi pajjiżna għandu jiġi ġġudikat mhux issa, imma fuq ix-xogħol li jkun wettaq matul is-sitt xhur tal-Presidenza.
– Saturday, 4th February, 2017