Naħseb li fost l-aktar argumenti politiċi kollha f’pajjiżna, l-aktar wieħed sħun u li jqanqal l-għajjat u r-rabja tal-Oppożizzjoni fil-Parlament, huwa l-pjan tal-Gvern dwar l-enerġija u dak kollu marbut miegħu bħall-Enemalta u l-Electrogas.
Jekk wieħed jikkalma ftit u jħares lejn dan kollu b’mod kemmxejn iddistakkat, wieħed jista’ jifhem li t-tariffi għolja tad-dawl u l-ilma kienu fost l-aktar raġunijiet, jekk mhux ir-raġuni ewlenija, għat-telfa elettorali tal-gvern preċedenti. U peress li telfa ta’ gvern tissarraf f’rebħa tal-oppożizzjoni, il-wegħda li la darba fil-gvern il-Partit Laburista kien ser jindirizza din is-sitwazzjoni, kienet raġuni ewlenija għar-rebħa kbira elettorali tiegħu.
Il-Partit Laburista kien wiegħed lill-familji li dawn it-tariffi taħt gvern ġdid ma jibqgħux għoljin u jorħsu b’ħamsa u għoxrin fil-mija, sew għall-familji u anki għan-negozji. Wegħda li ma twemnitx, għall-inqas mill-oppożizzjoni tal-lum meta dakinhar kienet fil-gvern. Madanakollu, bħal ma nafu din il-wegħda saret realtà u bil-mod il-mod qegħdin naraw ukoll ir-raġuni li wasslet għal dan ir-roħs. Fil-fatt wasalna fl-ewwel fażi tal-proġett fejn qed niġġeneraw l-elettriku bil-gass u aktar tard nilħqu l-aħħar fażi tal-proġett fejn l-impjant jiġġenera l-massimu tiegħu.
Meta wieħed jixtarr ftit ir-raġunijiet għalfejn kellna kontijiet tad-dawl daqshekk għoljin fiż-żmien il-gvern preċedenti, dlonk nindunaw li r-raġuni ewlenija kienet li kien hemm lobby, jiġifieri grupp ta’ nies, fosthom uffiċjali għolja li kellhom interess, biex ma ngħidux affarijiet oħra, li jaraw li ma jsirx investiment f’sorsi aktar nodfa ta’ enerġija bħal ma hu l-gass. Ilkoll niftakru kif taħt il-gvern ta’ qabel tlifna okkażjoni unika meta l-Italja offritilna li naqbdu ma’ fergħa mill-pipeline li kien ġej mil-Afrika ta’ Fuq għall-Italja u Sqallija.
Jien ma ngħidx li din l-offerta kienet assolutament b’xejn għax kif nafu tajjeb, xejn ma hu b’xejn. Imma tal-inqas nippretendi li gvern responsabbli kellu jevalwa din l-offerta, jixtarr il-vantaġġi u l-iżvantaġġi u jiddiskutiha. Imma sfortunatament, dak il-gvern ħaseb xort’oħra, u b’riżultat t’hekk bħala pajjiż tlifna okkażjoni unika u spiċċajna bi impjanti qodma. Impjanti li qieshom magna ta’ karozza antika li tagħmel biss ftit mili fil-gallun u twaqqa’ ż-żejt fit-triq. Dan wassal biex l-għoli fil-prezz taż-żejt affetwa lil pajjiżna ferm aktar minn pajjiżi oħra. Għax meta int tkun qed taħli ż-żejt, meta jgħola l-prezz tiegħu, ser ibgħati kulħadd, imma min jaħli jsofri l-aktar.
Kien għalhekk li fl-aħħar il-ministru ta’ dak iż-żmien Austin Gatt kellu immur għand il-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali (MCESD) biex jgħid lill-imsieħba soċjali li kellhom tliet għażliet quddiemhom. L-għażla kienet bejn tliet tipi ta’ tariffi li kollha kemm huma kienu jsarffu fi tbagħtijiet kbar għall-familji, xokk kbir għan-negozji u għall-pajjiż, li wassal biex l-ekonomija waqgħet iktar ‘l isfel u għamlet lil pajjiżna inqas kompetittiv. Bħal ma nafu l-konsegwenzi kienu wkoll politiċi, għax il-poplu b’rabja kbira ddeċieda li jagħżel partit ieħor biex imexxih.
Għaldaqstant l-oppożizzjoni tal-lum għandha ferneżija kbira illi tipprova tisfiduċja lill-gvern minħabba fil-wegħda tiegħu. Għax ir-realtà ta’ dan il-gvern hi li huwa għamel wegħda qabel l-elezjoni u żammha. U allura l-oppożizzjoni tinfexx f’ħafna argumenti tant li lanqas jafu x’ħa jaqbad jaqilgħu aktar minn żniedhom biex jippruvaw jisfiduċjaw lil dan il-proġett.
Fost l-aktar ħleqjiet li qed nisimgħu, u li tolqot lill-Ministeru għall-Finanzi hija illi qatt ma kellha ssir il-garanzija bankarja fuq il-proġett għax qatt ma saret xi ħaġa simili qabel u li hija ħaġa li m’hix fuq bażi normali ta’ amministrazzjoni.
Irrid ngħid, li dan il-kunċett ma huwiex ġdid għhal pajjiżna. Biss biss infakkar li l-binja li llum tilqa’ fiha l-Kamra tar-Rappreżentanti, minn fejn tant membri parlamentari tal-oppożizzjoni qed jitkażaw b’dan l-arranġament u li nbniet fi żmien li l-partit tagħhom kien fil-gvern, ma nbnietx mill-gvern imma bnietha kumpanija permezz ta’ Special Purpose Vehicle.
Dan ifisser li l-gvern jidħol ma’ kumpanija biex jikri l-post għal numru twal ta’ snin mingħand kumpanija li tibnieh hi stess. Dak huwa l-kunċet kollu li minflok il-gvern jonfoq €80 miljun, iddeċieda li dawn il-flus jonfoqhom ħaddieħor jibni l-post hu, imbagħad il-gvern jikri l-post skont kirja li toffir rata ta’ ritorn normali kif wieħed jistenna.
L-istess arranġament sar fil-każ tal-Electrogas u tant ma kienx arranġament ħażin, li l-Kummissjoni Ewropea tat raġun lill-gvern għall-mod ta’ kif ħadem u kkonfermat li dan huwa mudell aċċetabbli fl-Ewropa u fid-dinja kollha. Għax il-gvern seta’ ssellef €480 miljun mingħand il-Bank ta’ l-Invesiment Ewropew (EIB), iżda minflok ħareġ sejħa għall-offerti, għażel il-kumpanija li għamlet l-aktar offerta vantaġġjuża u daħal fi ftehim biex jixtri l-enerġija mingħandhom għal numru ta’ snin.
Issa ejjew ma naħsbux li l-Kummissjon Ewropea kienet se tiddejjaq tgħid li xi ħaġa hija ħażina! Għax tajjeb li niftakru li d-Direttorat Ġeneral tal-Kummissjoni, li evalwa l-Electorgas, kienet l-istess entità li ma ddejqet xejn tixli lill-Irlanda dwar il-każ tal-Apple, li mmultat lill-Belġju u lill-Lussembrugu dwar każijiet speċifiċi. Jiġiefieri dawn mhux ħa jiddejqu la minn Malta u lanqas minn pajjiżi ikbar minna.
Tant ma nstab xejn ħażin x’wieħed jgħid fuq din il-kwistjoni, li l-Kummissjoni sabet li l-profitti u anke r-rata ta’ ritorn fuq l-investiment li qed taqla’ l-Elettorgas huma normalissimi, m’hemmx każ li dan il-gvern qed jaġevola lil xi ħadd u li kollox huwa skont id-direttivi Ewropej.
Dan kollu jixhed kemm dan il-gvern verament kien għaqli ħafna li jorbot parti mill-pjan ekonomiku tiegħu mal-enerġija nadifa u kif dan wassal għal aktar tkabbir fl-ekonomija Maltija hekk kif muri fir-rapporti li qed joħorġu mill-aġenziji internazzjonali tal-credit rating, minn istituzzjonijiet internazzjonali bħall-World Bank u l-Fond Monetarju Internazzjonali (IMF) u anke mill-Kummissjoni Ewropea stess.
Dak li wegħdna ma baqgħux wegħdiet, iżda saru fatti, għax huwa fatt li r-roħs mill-ispiża tal-enerġija qed issarraf f’roħs fil-kontijiet lill-familji u lin-negozjanti. U fl-istess ħin għandna finanzi iktar b’saħħithom, Enemalta iktar b’saħħitha u mhux falluta, tant li ġiet upgraded bħal ma ġie upgraded il-pajjiż.
Għandna enerġija irħisa u irħas milli kienet qabel. Iżda aktar minn hekk, u naħseb li dan huwa verament dak li huwa għal qalb il-familji tagħna, għandna enerġija nadifa għall-benefiċċju tagħhom u ta’ uliedhom.
– Friday. 24th February, 2017