Wegħdiet fiergħa ta’ qabel l-Elezzjonijiet


Dan l-aħħar ir-Repubblikani fl-Istat Uniti, imbuttati ħafna il-President Donald Trump, mexxew bil-qawwa il-leġiżlazzjoni ġdida bl-iskop li jkissru u jarmu r-riforma li kien għamel il-President ta’ qablu Obama dwar is-saħħa, li r-Repubblikani stess kienu laqqmuha Obamacare.

 

orizzont thumbnail

 

Permezz ta’ din is-sistema, il-Gvern Amerikan immexxi minn Obama kien ħa miżuri sabiex jestendi s-servizz tas-saħħa lill-Amerikani fqar u pprova jilqa’, kemm jista’ jkun, kontra l-kumpaniji ta’ l-assikurazjoni li kienu dejjem jaraw kif jagħmlu l-profitti a skapitu tal-pazjenti. Dan, sintendi dejjem skont il-fehma tal-ex-President Obama. Lil din is-sistema, ir-Repubblikani kienu seħtuha, joboduha u l-ewwel wegħda tagħhom kienet illi malli jitilgħu fil-gvern iqaċtuha min-nofs mal-ewwel u jagħmlu xi ħaġa oħra minflokha. Fil-fatt, ippruvaw jagħmlu dan, però fl-aħħar minuti rtiraw din il-liġi l-ġdida li kienu qed jipproponu għax ma kellhomx biżżejjed sapport.  Dan ifisser li minkejja li r-Repubblikani qegħdin fil-maġġoranza kien hemm numru kbir minnhom li reġgħu ħasbuha.

Jidher li ma kienx hemm preparazzjoni tajba biżżejjed biex l-Obamacare toħdilha postha sistema li hi aħjar minnha. L-iktar ħaġa kważi xokkanti hi li ma nstabitx sistema aħjar, minkejja gvern, anzi l-Presidenza Amerikana li li għanda dik is-saħħa u dawk ir-riżorsi li jinkludu rebbieħa tal-Premju Nobel u xjenzati tal-iprem kwalità. Dan ifisser li kien hemm ħafna duħħan politiku u rieda soda li titneħħa, però ħadd ma ħadem fuq pjan tajjeb li huwa aħjar milli kien hemm u tajjeb biżżejjed biex jiġi aċċettat.

 

ori_trump

 

L-istess ġara fil-kaz ta’ Brexit, fejn ftit wara li dawk il-partiti populisti illi dejjem emmnu li jkun aħjar għar-Renju Unit li jkun barra mill-Unjoni Ewropea, irnexxielhom jikkonvinċu lin-nies rebħu r-referendum, mill-għada stess irrealizzaw li ma kellhomx pjan alternattiv. Irrealizzaw li ma kinux jafu -istimi ta’ kemm se tiswa’ Brexit, ma kinux jafu l-konsegwenzi, ma kinux jafu x’hinu l-impatt fuq il-banek, l-impatt fuq il-kumpaniji, l-impatt fuq il-kwistjoni ta’ passporting ta’ servizzi u allura issa qed jipruvaw ilaħħqu ma’ din is-sitwazzjoni.

Huwa tassew xokkanti u kważi kważi ma tistax temmen li filwaqt li għandek kampanja daqshekk qawwija ma kienux qegħdin jistudjaw l-impatt u x’inhi l-alternattiva. Dawn kienu mingħajr road map, pjan illi teżegwih mal-ewwel hekk kif titla’ fil-gvern jew tirbaħ referendum. Dan jidher li ma sarx.

U allura wieħed jistaqsi; dawn il-partiti populisti li meta tismagħhom jinżlulek għasel donnhom mużika ħelwa fis-sens illi jgħidu affarijiet sbieħ bħal li jridu l-ġid, li jkun hawn it-tqassim tal-ġid u jridu li l-affarijiet ikunu ħafna aħjar, daw imma għandom pjan serju illi dan kapaċi ikunu jistgħu jimplimentawħ meta jitilaw fil-gvern?

Għalhekk, l-elettorat irid jagħrbel bis-sħiħ meta jiġi biex jivvota. Fil-kas ta’ Malta, meta naslu għal-elezzjoni ż-żewġ partiti jridu jippreżentaw lill-elettorat dak li ngħidulu l-programm elettorali. Wieħed irid jara kemm hu kredibbli, kemm daħal fil-fond, kemm huwa kwantitattiv, kemm jista’ jiġi implimentat u kemm huwa programm kredibbli.

Qabel l-aħħar elezzjoni, meta konna fl-Oppożizzjoni, konna għamilna dan il-pjan u issa nistgħu ngħidu x’hinuma l-vantaġġi li jkollok pjan li jkun maħdum sew u bir-reqqa. Dan il-pjan ma jistgħax ibassar kull m’hu ser jiġri mija fil-mija. Imma għallinqas fil-maġġoranza tal-miżuri li tkun wegħedt, jekk inti tkun ħdimthom sew, tkun f’pożizzjoni li twettaqhom, bħal ma fil-fatt qiegħed jagħmel dan il-gvern.

Dak li ġara fl-Istat Uniti ta’ l-Amerika u fir-Renju Unit għandu jġiegħlna naħsbu. Meta jiġi xi ħadd qabel l-elezzjoni u jwegħdek, biex ngħidu hekk, il-ġenna ta’ l-art, wieħed għandu jagħrbel kemm dak li qed jgħid huwa minnu, kemm huwa il-pjan huwa maħdum sew, kemm huwa kredibli. B’hekk, wieħed ikun jista’ jagħmel ġudizzju tajjeb meta jidħol fil-kamra żgħira biex jivvota.

 

Il-Ġimgħa 31 ta’ Marzu 2017

,

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *