Il-partit li hu fil-Gvern fil-kampanja tiegħu kellu programm elettorali li permezz tiegħu fil-fatt ħa l-fiduċja ta’ daqshekk voti u b’maġġoranza daqshekk kbira. Wieħed jista’ jitkellem fuq l-għadd ta’ miżuri ekonomiċi, jista’ jitkellem ukoll fuq dawk il-miżuri li jappartjenu lis-saħħa, l-edukazzjoni, benefiċċji soċjali. Bħal programm li sar erba’ snin ilu l-Gvern wera bil-miżuri tiegħu, mhux biss li jkompli jistimula l-ekonomija imma jqassam il-ġid u jara li dan jitqassam b’mod ekwu lil kulħadd.
Iżda jekk wieħed jistaqsini: jekk ikollok tagħsar dawn il-miżuri kollha, il-pajjiż x’għandu bżonn għall-ħames snin li ġejjin? X’hemm speċjali bejn l-erba’ snin ta’ qabel fejn jirrigwardjaw il-bżonnijiet tal-pajjiż? It-tweġiba tiegħi tkun: illum il-pajjiż huwa differenti.
L-ekonomija hija ferm, ferm differenti minn dik li kienet erba’ snin ilu. Erba’ snin ilu konna f’sitwazzjoni fejn l-ekonomija kienet kajmana ħafna. Il-finanzi kienu ħżiena ħafna minħabba id-defiċit eċċessiv. Kellna l-instabilità macro ekonomika. Kellna l-qgħad ħafna ogħla milli hu llum. Kellna d-defiċits li huma ogħla kontra s-surplus li għandna llum u l-iktar importanti li t-tkabbir tax-xogħol kien insinifikanti.
Illum qegħdin f’pożizzjoni differenti. L-ekonomija kibret għal erba’ snin wara xulxin b’rati kbar ħafna iżjed minn ta’ pajjiżi oħrajn fl-Unjoni Ewropea. Dan iffiser li l-ġid meta int tkun qiegħed iżżdu bi tmien mitt miljun ewro fis-sena, sena wara sena wara l-oħra, l-ekonomija tikber u għalhekk il-familji Maltin u Għawdxin iħossuhom ħafna aħjar milli kienu erba’ snin ilu. Anke nies fin-negozju jgħidulek l-istess ħaġa u allura l-ekonomija kibret.
Allura issa x’għandna bżonn? Għandna bżonn bħal libsa, irid ikollna d-drapp skont il-liobsa. L-infrastruttura hija d-drapp għal-libsa tal-ekonomija. L-infrastruttura li għandna bżonn tirrikjedi t-toroq, l-elettriku, il-komunikazjoni, it-trasport, id-djar, l-uffiċini. Għax dak li jiġrilha l-ekonomija li bħal żagħżugħ jew żagħżugħa li kibru, u kibru b’pass mgħaġġel, fejn il-ġenituri tagħhom mill-ewwel jindunaw, bħal ma jindunaw it-tfal stess illi mal-libsa tagħhom, iż-żarbun tagħhom qed jiġihom isikkat, il-libsa tagħhom bdiet ma tiġihomx u allura jkun wasal iż-żmien biex tixtri libsa ġdida, ikbar u li tkun adattata għall-persuna li issa żviluppat. Inti ma togħqodx tbeżża u tgħid kemm kemm it-tifel jew it-tifla żviluppaw malajr! Ma toqgħodx tgħid issa jmisshom jieħdu xi marda!
Kien hemm min jgħid hekk għall-ekonomija, min jaf jiġrix hekk u min jaf jiġrix l-oħra! Le, aħna l-mod ta’ kif naraw l-ekonomija huwa li l-ekonomija kibret b’mod tajjeb u b’mod sostenibbli u m’għandna l-ebda biża. Ir-riskji li għandna fl-ekonomija huma xejn iżjed differenti minn ta’ pajjiżi oħrajn.
Iżda bogħod minn dawn ir-riskji l-ekonomija kibret u hekk se tkompli tagħmel. Bdiet ħafna inqas minn sebgħin fil-mija tad-dħul tal-medja Ewropea u llum qegħda ħamsa u disgħin fil-mija, li jfisser tkabbir sostanzjalment kbir.
Issa bħala ekonomija li hija kbira, li bdiet tersaq u tikkonverġi lejn il-medja Ewropea, jixirqilha infrastruttura aħjar. Irridu li t-toroq tagħna jkunu jixirqu lil ekonomija żviluppata u kbira. Ekonomija li jixirqilha li jkun hawn biżżejjed spazju ta’ uffiċini, parkeġġi u strutturi moderni bħalma nsibu barra minn Malta. Inkunu irridu li d-djar ukoll ikunu disponibbli għal kulħadd, għall-familji biex jgħixu b’mod diċenti. Sintendi mbagħad nibdew naħsbu ukoll f’investiment ġdid, bħal investiment fis-servizzi finanzjarji bħal Fintech, Blockchain u oħrajn għax issa għandna bażi soda minn fejn nistgħu nagħmlu qabża ‘l quddiem.
Dawn huma l-ħsiebijiet u l-pjanijiet għall-ħames snin li ġejjin u l-Gvern se jikkonċentra fuqhom. Se jkompli miexi fuq dan ir-ritmu, imma fuq kollox irid jara li l-infrastruttura ta’ pajjiżna tkun tixraq ħalli mbagħad ikun konsistenti. Ikollok armonija u mhux ikollok li hemmhekk ‘il fuq u hemmhekk ‘l isfel.
Tkun tista’ tgħid li għandek pajjiż modern meta jkollok is-setturi kolha tiegħu sinkronizzati, mexjin u jiżdiedu kollha bl-istess ritmu. Lejn din id-direzzjoni qegħdin issa nimmiraw. Din hija d-direzzjoni li lejha rridu, u se nkunu qegħdin immexxu lil pajjiżna. Bil-koperazzjoni ta’ kull qasam u settur. Bil-ħidma ta’ kull wieħed u waħda minna, nistgħu naslu. L-ingredjenti qegħdin kollha hemm.
Orizzont 30 ta’ Ġunju