Benjamin Franklin, wieħed mill-fundaturi ta’ l-Istat Uniti, xjentist u filosofu kbir, kien jgħid illi fid-dinja ma hemm xejn żgur ħlief il-mewt u t-taxxi. Għandu raġun, imma ma xtaqtx nitratta fuq tal-ewwel. Nippreferi nitkellem dwar it-taxxi, aktar fil-linja tiegħi.
It-taxxi huma xi ħaġa żgura għax fir-realtà ebda Gvern ma jista’ jaħdem mingħajrhom. Mingħajr ġbir ta’ taxxi ebda Gvern ma jista’ jaħdem u jiffunzjona fl-interess tal-poplu li jkun eliġġih. Jekk Gvern ma jiġborx taxxi mingħand il-poplu l-Gvern ma jkunx jista’ jiggarantixxi lill-istess poplu l-aktar affarijiet bażiċi bħalma huma l-ordni pubblika u d-difiża tal-pajjiż.
B’riżultat tal-ġbir tat-taxxi l-istat imbagħad ikun jista’ jiżviluppa u jdaħħal servizzi esenzjali oħrajn b’risq il-poplu bħalma huma l-edukazzjoni u s-saħħa. Huwa aċċettat li t-taxxi huma importanti, huwa aċċettat li jitħallsu t-taxxi sakemm min iħallashom ikun jaf li bl-istess taxxi tkun qegħda ssir ġustizzja mal-individwu bħal meta tinħareġ pensjoni.
Il-prinċipju ta’ l-income tax huwa taxxa fuq id-dħul. Hija taxxa illi f’ħafna pajjiżi hija progressiva jiġiefieri mhux taxxa b’rata waħda imma qegħda b’rata li tikber mad-dħul tal-persuna. Aktar ma ikollok qligħ kbir aktar tiżdied it-taxxa. Fil-każ tagħna għandna tliet rati: 15 fil-mija; 25 fil-mija u 35 fil-mija. Hemm pajjiżi oħrajn li għandhom rati differenti minn tagħna.
Imma l-idea hija li inti iktar ma għandek qligħ, aktar m’għandek dħul mhux biss tħallas iżjed, imma b’rata li hi progressiva kif spjegata fit-tliet rati imsemmija ftit qabel.
L-effet ta’ dan jaħdem b’lura wkoll. Fis-sens li xiħadd jgħidlek: għaliex ma teżentax xi tip ta’ dħul mit-taxxa? Kull tant ma jkunx ġustifikat eżentar bħal dan. Meta l-Gvern jiġi biex jeżenta t-taxxa jkun irid jikkunsidra x’se jkun l-effett fuq id-distribuzzjoni, jigiefieri fuq it-tqassim tal-ġid li jkun għamel il-pajjiż. Għax meta taqta’ t-taxxa tkun qed tagħti lura ħafna li min għandu ħafna, u ftit lil min għandu ftit, u xejn liż-żgħir li ma jħallasx taxxa.
Fis-sistema tat-taxxi tagħna hemm it-taxxi diretti, jiġifieri taxxa fuq id-dħul bħal pagi jew fuq il-profitti u hemm taxxi indiretti bħalma huma t-taxxa tal-VAT u t-taxxa tas-Sisa.uq il-konsum.
Hemm imbagħad rati ta’ taxxi esklussivi bħalma hija t-taxxa fuq l-imgħax fejn wieħed jista’ jagħżel li jħallas bil-15% u mhux bil-25% jew 35% għax il-Gvern qed jagħtih dik l-għażla, bil-bank konċernat jaqta’ dik li tissejjaħ Withholding Tax. Qtugħ ta’ taxxa li jsir mal-mument li jinħareġ l-imgħax, flus li filfatt ma jaslux għand l-individwu għax jitnaqqsu mill-ewwel. L-istess rata ta’ 15% hija fuq dħul minn renti, dħul minn kirjiet. La darba dawn ikunu dikjarati allura hemm r-rata ta’ taxxa stabbilita ta’ 15%.
Hemm imbagħad l-eżenzjonijiet minn ħlas ta’ taxxa. Jekk int tkun persuna singola għandek capping, ceiling li fuqu ma tħallasx taxxa. Għandek ċifra stabbilita li jekk ma tilħaqhiex int ma tħallasx taxxa fuq dak l-ammont. Malli taqbeż dik iċ-ċifra allura mbagħad tibda tħallas bir-rati normali li semmejt aktar ‘il fuq. L-istess prinċipju jitħaddem fil-każ ta’ koppja miżżewġa fejn ovvjament il-capping, is-ceiling huwa ogħla. L-istess għar-rata magħrufa bħala parental rate fejn iċ-ċifra hija aktar għolja għax qed titratta familja.
Minkejja dawn ir-rati maħdumin fuq bażi ta’ prinċipji xorta se ssib min iħoss li miegħu personali tkun qed issir inġustizzja. Eżempju ta’ dan jiġi min-naħa tal-pensjonanti li jilmentaw għax ikun hemm min minnhom jkollu jħallas anke fuq id-dħul mill-pensjoni.
Fil-fatt il-Gvern wieġeb għal dan l-ilment. Mill-baġit għal din is-sena l-Gvern ddeċieda li jingħata tnaqqis mit-taxxa fuq dħul mill-pensjonijiet. Persuni fuq rata singola se jingħataw tnaqqis mit-taxxa fuq dħul mill-pensjoni ta’ €10,500 din is-sena li titla’ għal €13,000 is-sena d-dieħla. Għal koppji kemmxejn għola. Din hija miżura li daħħal Gvern Laburista u li ma kinetx teżisti qabel.
Xorta tibqa’ l-imma li għandek penzjoni fuq diżabilità, għandek ukoll allowances u childrens allowances. Għandek ħafna benefiċċji soċjali li għalkemm wieħed forsi ma jaċettahiex dan huwa kollu dħul. Jekk wieħed jemmen fil-progressività, li jekk wieħed qiegħed minn dawn il-benefiċji u affarijiet oħra d-dħul tiegħu jaqbeż is-ceiling allura għandu jħallas it-taxxa. Ma hemm xejn inġust f’dan kollu. Il-prinċipju qiegħed hemm għal kulħadd. Ħadd ma jħallas taxxa jekk id-dħul ma jkunx aktar mill-ammont stabbilit. Ħafna mill-ilmenti wieħed irrid jeżaminom minn dan is-sens.
Hemm ħafna ċirkostanzi li wieħed ikun iħossu imweġġa bit-taxxi, imma rridu nifhmu li t-taxxi “iweġġgħu” għax it-taxxi huma flus li trid tgħaddi lill-Gvern. jkun hemm dak li jkun li jista’ jħoss li hija inġustizja. Imma l-verità hi li t-taxxi qegħdin hemm għal kulħadd. Qegħdin hemm fuq kull dħul u qegħdin b’rati li huma trasparenti. Fis-sens illi għandek is-ceiling u imbagħad għandek ir-rati ta’ taxxi li semmejt aktar ‘il fuq.
Fuq kollox it-taxxi huma bżonjużi biex il-pajjiż jimxi ‘l quddiem, biex il-Gvern ikun jista ikollu l-apparat, l-istrumenti biex jagħti servizzi minn meta nitwieldu sakemm immutu. Ħajjitna kollha bis-servizzi mingħand il-Gvern u għalhekk huwa fid-dmir tagħna li nħallsu taxxi. Ta’ min meta aktar dakinhar li nkunu qegħdin nimlew il-formola tat-taxxa nieħdu dan kollu fil-komsiderazjonijiet tagħna.
2 responses to “Waqt li timla’ l-formola tat-taxxa”
I don’t think the title of your article matches the content lol. Just kidding, mainly because I had some doubts after reading the article.
Your point of view caught my eye and was very interesting. Thanks. I have a question for you.