Avvenimenti marittimi li qed iwasslu biex tkompli tikber l-ekonomija


F’konferenza tal-aħbarijiet li saret fuq il-bastiment navali Shabab Oman II, il-Ministru Edward Scicluna rrimarka fuq il-fatt li permezz ta’ żjarat bħal dawn, mhux biss il-poplu Malti ser ikollu l-opportunità li jitla’ fuq dan il-bastiment, iżda huwa mezz ta’ riklamar għal pajjiżna li żgur ser ikompli jgħin sabiex aktar turisti jżuru pajjiżna.

 

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FINANZI

Id-dħul ta’ dan il-bastiment, li hu twil 85 metru u wieħed mill-akbar bastimenti navali ta’ dan it-tip li qatt daħal fil-Port il-Kbir, immarka il-bidu ta’ għadd ta’ avvenimenti li sejrin jittellgħu minn Yachting Malta, liema attivitajiet sejrin ikunu mifruxa fuq medda ta’ tliet snin.

L-avveniment ewlieni jintlaħaq fis-sena 2020, fejn hu mistenni li sejrin ikunu qegħdin iżuru l-Port il-Kbir numru ta’ bastimenti kbar, simili ta’ Shabab Oman II, fejn ser ikunu qed joffru spettaklu mill-aqwa li se jkun qed jattira numru ta’ turisti li jsegwu dawn it-tip ta’ avvenimenti marittimi.

“Avvenimenti bħal dawn ipoġġu lil pajjiżna fuq il-mappa ta’ kwalunkwe avvenimenti oħra marbuta mas-settur marittimu, fejn f’pajjiżna diġà għandna l-Middle Sea Race u l-attività tat-Tall Ships Regatta li ser issir fl-2020, li se tkun attività oħra li twassal għal tkabbir ekonomiku permezz ta’ niċċa ġdida ta’ attività ekonomika u tkompli tattira aktar turisti lejn pajjiżna”, temm jgħid il-Ministru Scicluna.

Il-Kaptan Kmandant ta’ Shabab Oman II, Ali Al Hossni, irrimarka kif huma baqgħu msaħħrin bis-sbuħija naturali tal-Port il-Kbir u jittamaw li jerġgħu iżuru Malta.

 

 

  • Saturday 23rd September 2017
,

One response to “Avvenimenti marittimi li qed iwasslu biex tkompli tikber l-ekonomija”

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *