Fost l-isfidi li għandu pajjiżna hemm dik tal-early school leavers, żgħażaġħ li jkollhom seba’ mitt sena sakemm jilħqu l-età obbligatorja tal-iskola, 16-il sena, biex itiru mill-klassi. Sfortunatament ikun hemm għadd sostanzjali minnhom li kemm kemm ikunu jafu jaqraw imqar bil-Malti u bl-Ingliż minkejja li jkunu ilhom fis-sistema edukattiva ta’ pajjiżna mill-inqas 12-il sena.
Din mhix l-unika kategorija ta’ school leavers. Hemm oħrajn li għal xi raġuni jkunu komplew l-istadju sekondarju kollu u anke jiksbu ċertifikati, imma xorta jieqfu f’dak l-istadju. Xorta ma jkomplux għal xi forma ta’ edukazzjoni post-sekondarja. Xorta jkunu waqfu kmieni, aktar u aktar meta tqis li llum donnu li l-proċess edukattiv ma jieqaf qatt.
Qiegħed insejjaħ din iċ-ċirkostanza bħala waħda mill-isfidi li għandu pajjiżna minħabba li ċ-ċifra hija waħda għolja. Iweġġgħek il-fatt li għandna madwar 19% taż-żgħażagħ tagħna, kważi wieħed minn kull ħamsa, li jispiċċaw mill-iskola mingħajr ma jiksbu ċertifikat tal-ħiliet tagħhom. L-uġiegħ jiggrava meta tqis li f’dan ir-rigward qegħdin fuq in-naħa t’isfel fil-klassifika tal-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea.
Hemm ħaġ’oħra li tqanqal kurżità, apparti li toffri sfida. Iż-żgħażagħ ta’ kull pajjiż ieħor membru tal-Unjoni Ewropea huma bħaż-żgħażagħ tagħna. Bħal tagħna jħobbu l-mużika. Bħal tagħna jħobbu jiddevertu. Bħal tagħna jħobbu jsiefru. Allura mbagħad għaliex dawn l-istess żgħażagħ huma differenti minn tagħna fejn tidħol skola? Għaliex iż-żgħażagħ tagħna ma jissaportux fl-iskola daqs żgħażagħ oħrajn?
Din hija mistoqsija importanti u rridu inweġbuha. Il-fatturi għal tali sitwazzjoni jistgħu jkunu ħafna. Irridu nidħlu fil-fond kemm jista’ jkun biex naraw x’qiegħed idejjaq liż-żgħażagħ tagħna fejn tidħol skola. Żgur li mhux għax huma Maltin! Ikollok tasal għall-konklużjoni li hija s-sistema li ddejjaq liż-żgħażagħ tagħna fl-istadju edukattiv, li tgerrixhom u tinkoraġġihom joħorġu minnha.
Ma rridx li niġi interpretat ħażin meta nirreferi għal sistema. Għax mhux bilfors tkun biss is-sistema edukattiva tagħna. Tista’ tkun is-sistema tal-familja. Is-sistema kulturali. Is-sistema li jkunu jaġixxu biha l-ħbieb. Huma x’inhuma r-raġunijiet is-sitwazzjoni hija waħda serja mhux biss fuq livell ta’ individwu imma wkoll fuq livell ta’ pajjiż.
Pajjiżna aktar m’hu qiegħed jiżviluppa aktar se jkollu bżonn nies b’ħiliet ta’ kompetenza għolja. Jekk dawn ma jsibhomx minn ħdanu, min-nies tiegħu, nispiċċaw biex ikollna nirrikorru fuq ħaddiema barranin li ma narax għala għandhom ikunu kompetenti aktar min-nies tagħna. Ir-riżultat ta’ sitwazzjoni bħal din ikun li ż-żgħażagħ tagħna, almenu dawk li jitilqu kmieni mill-iskola, jispiċċaw ikollhom jikkuntentaw b’impjiegi b’salarji baxxi, b’kundizzjonijiet mhux daqstant attraenti.
Żgħażagħ li sa ċertu punt ‘jweġġgħu’ anke lill-familji tagħhom għax jirrendu lilhom infushom f’sitwazzjoni li ma jkunux jistgħu jtejbu l-livell ta’ għixien ta’ familthom stess almenu għal livell medju. Nuqqas ta’ livell edukattiv tajjeb ikun ifisser tbatija u din hija ħasra peress li tkun tfisser li ma jkunux jistgħu jiċċaqilqu minn dil-pożizzjoni ħajjithom kollha. Sitwazzjoni li jkollha effett anke fuq id-dħul finanzjarju attwali li jkollhom u allura li tkun riflessa aktar ‘il quddiem fir-rigward ta’ pensjoni li ma tkunx daqstant għolja.
Nuqqas ta’ livell edukattiv tajjeb, jew addirittura livell baxx ħafna, jikkontribwixxi għall-faqar jew għar-riskju tiegħu. Apparti li jkun hemm effett ukoll fuq il-produttività ekonomika għax huwa ċar daqs il-kristall li l-ekonomija tal-pajjiż tkun b’saħħitha aktar ma l-pajjiż ikollu ħaddiema kompetenti, ħaddiema b’ħiliet għall-bżonnijiet tal-lum.
F’dan is-sens rridu nkunu ġusti magħna nfusna u ma nistgħux ma nirrimarkawx li morna ħafna ‘l quddiem fejn jirrigwarda tħejjijiet ta’ ħaddiema għal-livelli tal-lum. Tieħu gost tara l-prodott ta’ istituzzjonijiet edukattivi bħalma huma l-Università ta’ Malta, l-MCAST u skejjel terzjarji oħrajn. Huwa ferm pożittiv li tara kemm opportunitajiet għandhom iż-żgħażagħ tagħna u allura aktar tweġġgħek l-attwalità li jkollok madwar wieħed minn kull ħames żgħażagħ li jitilqu, jieqfu, qabel iż-żmien mill-iskola.
Il-mistoqsija kruċjali: għaliex qiegħed jiġri hekk? Jista’ jagħti l-każ li s-sistema edukattiva tpoġġi wisq pressjoni fuq it-tfal, xiħaġa li sfortunatament hija mgħejjuna wkoll mill-ġenituri. Moħħna l-ħin kollu fuq l-eżamijiet. Lit-tfal niġru bihom minn lezzjoni privata għal oħra wara biss ftit ħin li jkunu ħarġu mill-iskola. Lil uliedna bilkemm ma rridux narawhom jiktbu u jaqraw minn mindu jkollhom tliet snin. Sadattant ftit li xejn nagħtu importanza lill-attivitajiet sportivi, lil suġġetti bħalma hija l-mużika. Sessjonijiet bħal dawn huma ħafna dawk li jqisuhom bħala ħela ta’ żmien, kuntrarjament għal pajjiżi oħrajn, bħalma hija l-Awstralja fejn ġurnata minn kull ħamsa hija dedikata għall-attivitajiet sportivi.
Huwa fatt li ma jista’ jmerih ħadd li hemm wisq pressjonijiet fuq it-tfal, pressjonijiet li sfortunatament hemm minnhom ġejjin mill-mentalità li la darba “tal-ġara tiegħi jmur il-privat allura tiegħi m’għandux inkun inqas minnu”. Pressjonijiet li f’pajjiż żgħir bħal tagħna jistgħu jkunu l-kaġun biex it-tfal, iż-żgħażagħ tagħna, jitnaffru mill-iskola.
Aħna rridu li s-sistema edukattiva tagħna tkun waħda li tnissel pjaċir fost uliedna waqt li jkunu għaddejjin minn kull fażi u livell tagħha. Irridu li t-tfal tagħna jkunu kuntenti fl-iskejjel tagħhom. Irridu inrawmu fihom il-konvinċiment li ħadd minnhom m’hu għar-rimi. Ħadd m’hu inqas mill-ieħor. Fejn kulħadd jimxi u jitqabbad triq bażata fuq il-ħiliet tal-individwu.
Sadattant għandu jkun immarkat li ċ-ċifra negattiva f’dan ir-rigward bdiet nieżla, imma aħna rriduha tinżel aktar. Ma ninsewx li l-edukazzjoni qegħda hemm biex tipprepara lill-bniedem biex jaħseb, biex jgħix, biex irabbi familja minn sfond sod. L-edukazzjoni trid tippreparak għall-ħajja kumplikata li qegħdin ngħixu fiha. Trid tippreparak kif tuża bank. Kif tixtri l-aħjar u l-irħas, kif tikkompara. Ħiliet li kultant ma narawhomx inkwadrati fis-sistema edukattiva tagħna. U allura jista’ jkun li jekk dawn il-ħiliet ikunu huma wkoll enfasizzati fl-iskejjel tagħna, it-tfal, iż-żgħażagħ tagħna jkunu mgħejjunin fl-attirazzjoni tagħhom lejn l-iskola.
Huwa importanti li meta l-Ministru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol jitkellem fuq ir-riformi fis-sistema edukattiva, nagħtu kas għal dak li jkun qed jingħad dwarhom, nipparteċipaw billi nagħtu l-opinjonijiet tagħna, xiħaġa li l-Gvern jenfasizza fuqha għax finalment ma rridux nikkunsidraw biss kemm it-tfal jiksbu ċertifikati imma wkoll kemm ikunu kuntenti fl-iskejjel li fihom jattendu.
Il-kuntentizza fuq il-bank tal-iskola hija strumentali fil-preparazzjoni ta’ wliedna fil-konfront tal-ħajja kumplikata tal-lum biex b’hekk iċ-ċifra xejn pjaċevoli li rreferejt għaliha aktar ‘il fuq f’din il-kitba narawha tkompli nieżla biex inkunu fl-istess livelli ta’ pajjiżi li f’dan ir-rigward illum jistgħu jiftaħru ferm aktar minna.
Il-Ħadd 22 ta’ April 2018
One response to “L-early school leavers: sfida edukattiva”
Your article helped me a lot, is there any more related content? Thanks!