Soluzzjonijiet Ghall-Emigrazzjoni fil-Meditterran


Il-fenominu tal-emigrazzjoni mhux xi ħaġa ġdida. Ilkoll smajna bl-emigrazzjoni kbira ta’ nies li telqu minn Malta u ħafna pajjiżi mill-Ewropa lejn l-Awstralja, l-Istati Uniti tal-Amerika, l-Kanada u pajjiżi oħra wara l-Gwerra.

Illum għandna taħlita ta’ żewġ fatturi. Għandek ir- refuġjati u għandek l-emigranti illi jmorru f’pajjiż ieħor għal skop ekonomiku.

Ir-refjuġat huwa persuna li qed jaħrab mill-mewt li tkun ikkawżata ħafna drabi minħabba gwerra f’pajjiż ir-refugjat. Jaħrab mill-biza’ ta’ xi gvern jew ieħor għal raġunijiet politiċi u mhux kriminali. Qed jiġru warajħ biex joqtluħ u ħafna drabi jkun ra lil familtu tinqatel quddiem għajnejh u għalhekk jiddeċiedi li l-uniku triq li jkollu hi dik li jaħrab minn pajjiżu. Jitlob għal kenn u l-għażil f’pajjiż ieħor li jilqgħu u jipproteġih. Dan huwa dritt kemm umanitarju kif ukoll internazzjonali li jipproteġi lil dak li jkun qed jaħrab mill-gwerrer. Anke Malta kellna refjuġati waqt It-Tieni Gwerra Dinija. Nies mill-Belt Valletta u t-tliet ibliet tal-Kottonera kellhom jaħarbu minn dawn l-ibliet u marru jfittxu kenn f’positijiet oħra bħar-Rabat f’Malta jew inkella f’Għawdex bħala refjuġati sabiex jistkennu mill-attakki qerrieda tal-għadu.

Ta’ min wieħed isemmi li l-ebda pajjiż ma huwa obbligat li wara li jilqagħhom ġewwa l-pajjiż, iżommhom, mingħajr ma jikkonferma li dawn l-emigranti huma ġenwinament refjuġati  li qed jaħarbu mill-gwerrer u għalhekk mill-mewt.

Filkaż tal-Ewropa hu għalhekk obbligu li tilqagħhom lil dawn ir-refjuġati u dan independendement minn fejn jispiċċaw jidħlu, bħal Malta, l-Italja jew l-Awstrija. L-Ewropa għandha d-dmir bħala Unjoni li jilqgħu lil dawn ir-refjuġati u tallokhom skont il-ħtieġa u ċ-ċirkostanzi. Iżda ma hemm ebda dubju li l-ebda pajjiż ma jista’ jgħid biex iħalluhom barra.

Però l-biċċa l-kbira tal-emigranti fl-Ewropa illum mhumiex biss refjuġati imma aktar huma emigranti li qed jiġu għal raġunijiet ekonomiċi. Wieħed irid jifhem li hemm żewġ forzi ekonomiċi f’dan ir-rigward.   Dik li timbotta u dik li tiġbet. Aktar ma l-pajjiż ikun qed jikber u jibda jkun skars fix-xogħol aktar ikollu bżonn nies. Hekk ikun hemm l-effett tal-ġibda. L-istess fuq terminu fit-tul aktar ma pajjiż ikun qed jixjieħ ma tantx jkollu tfal u l-popolazzjoni dejjem tkun niżla. Hawn ukoll hemm Il-ġibda tal-bżonn.

Għalhekk, sabiex il-pajjiż ikun jista’ jkompli isostni l-ekonomija tiegħu aktar ikollu bżonn emigranti. Dan ma jfissirx li jiġu bid-dgħajjes imma li l-pajjiż jiftaħ il-bibien tiegħu. Joħroġ applikazzjonijiet u jirraġuna li kull sena jkollu bżonn numru ta’ ħaddiema, għoxrin elf, tlettin elf, mitt elf emigrant skont il-kobor tal-pajjiż u l-bżonnijiet tiegħu. Dan huwa fejn jirrigwardja n-naħa tad-domanda.

Minn naħa tas-supply biex ngħidu hekk  l-imbottatura  ġejja minn pajjiżi fejn hemm il-jasar, il-fejn hemm il-ġuħ, id-dwejjaq u n-nuqqas ta’ futur għaż-żagħżagħ.

M’hemmx dubju illi minn dak li rajna f’dawn laħħar snin u li qed inkomplu naraw, dawn in-nies jippreferu jissugraw ħajjithom u   jitilqu minn pajjiżhom biex jippruvaw jidħlu b’mod sew leġittimu jew klandestin f’pajjiż ieħor biex għall-inqas hajjithom tkun ftit aħjar jew inkella aħjar minn dik li hija illum. Dawn huma l-emigranti ekonomiċi jiġifieri għandek imbottatura. L-ikbar imbottatura ġejja mill Afrika dik li ngħidula sub-Sahara. Minn taħt id-desert ‘l-isfel tas-Sahara għandek pajjizi li huma b’faqar kbir u għad kbir ta’ nuqqas ta’ futur u tbatija kbira għal nieshom.

Min-naħa tal-Ewropa l-pajjiżi jagħmlu l-istima tagħhom b’mod li għandhom bżonn nies biex jaħdmu fil-pajjiżi peress illi l-popolazzjoni dejjem nieżla u żwieġijiet aktar jiġu posposti. It-tfal u l-familja fil-pajjiżi tal-Ewropa huma anqas numerużi u għalhekk il-popolazzjoni dejjem nieżla u għandna bżonn aktar u aktar nies biex tistabbilixxi ruha. Mela għandek pajjiżi bħal Ġermanja kif ukoll Malta illi qed ibagħtu minn dan in-nuqqas u ta’ popolazjoni dejjem tixjieħ, nuqqas ta’ nies u għallura ikollna bżonn dawn l-imigranti.

B’dan li qed ngħid wieħed jifhem illi għandu jkun hemm  mod ordnat kif dak li għandu ż-żejjed u l-ieħor għandu n-nieqes jinstab bilanċ b’mod regolari. Bħalma meta l-Maltin marru l-Awstralja u saru l-intervisti, l-awtoritajiet Awstraljani kienu b’hekk jafu l-kapaċitajiet tagħhom u poġġewhom dirett f’xogħol li kienu jaħsbu li huma l-aktar addatati għalih jew jigwidawhom u jagħtuhom direzzjoni biex imorru l-post fejn ikunu jistgħu isibu x-xogħol. Fejn hemm bżonn il-mastrudaxxa, il-welder jew il-bidwi skont il-kapaċitajiet u l-bżonnijiet.

Iżda meta l-affarijiet ma jkunux regolati jkun hemm kaos. Jiżdied is-sogru minn nies li jkunu ddisprati biex jaħarbu minn pajjiżhom u għalhekk jkollna l-kaos li għandna fil-Mediterran. Sfortunatament dan il-fenomimu qed jolqot ukoll lil pajjiżna. Is-soluzzjonijiet huma ċari u fejn tidħol l-emigazzjoni ekonomika din għandha tkun regolarizzata.

L-esperti, l-Ewropej kif ukoll aħna l-politiċi nafu illi l-ewwelnett għandna nnaqqsu kemm jista’ jkun il-pressjoni żejda billi ikun hemm aktar żvilupp f’dawn il-pajjiżi iżda xort għandna nirranġaw biex dan isir b’mod regolat.

L-Ewropej iridu jinvestu bil-kbir fl-Afrika ta’ Fuq f’ċentri kbar ta’ akkoljenza sabiex jilqgħu lil dawn in-nies u sabiex jaraw illi ma jibqgħux jissugraw ħajjithom u hemm jibdew jaraw min hu r-refjuġat u Min hu emigrant bi prospettiv ekonomiku biex l-affarijiet jkunu kif suppost fir-rigward ta’ dokumenti. Sintendi l-Unjoni Ewropea trid tinvesti bil-kbir f’dawn iċ-ċentri u ma tħallix l-organizzazzjoni ta’ dawn iċ-ċentri  f’idejn l-awtoritajiet nazzjonali peress li l-iżvilupp ta’ dawn il-pajjiżu għadu ħafna lura u b’hekk jkun hemm tbatijiet, sofferenzi u affarijiet anqas sbieħ minn hekk.

Fir-rigward tal-emigrazzjoni wieħed irid jittratha u jiddiskutiha. Mhux sew li xi Stati membri tal-l-Unjoni Ewropea jitħallew i dabbru rashom u jgħidu aħna ma rridux nidħlu f’xi skema ta’ solidarjetà u lanqas irridu niddiskutu. L-Ewropa tistenna soledarjetà minn kulħadd. U dan huwa wieħed mill-prinċipji bażiċi li fuqhom hija  mibnija l-Unjoni Ewropea. Aħna pajjiżna dejjem wera soledarjetà fejn jidħlu finanzi u fejn jidħlu l-bżonnijiet tal-emigranti u allura kull membru tal-Unjoni Ewropea għandu jerfa’ l-piż tiegħu ħalli dan il-piż jinqasam b’mod ġust bejn il-membri kollha tal-Unjoni

Il-Ġimgħa 22 ta’ Ġunju 2018

,

4 responses to “Soluzzjonijiet Ghall-Emigrazzjoni fil-Meditterran”

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *