Soluzzjonijiet għall-emigrazzjoni


Il-kwistjoni tal-emigrazzjoni tidher li qiegħda tikber u mhux tiċkien. Dan minħabba l-politika li hemm madwarha. Mhix kwistjoni ta’ numri. Kemm qed jitilqu numri mil-Libja jew inkella minn pajjiżi oħra .

Fil-fatt kull min iżomm l-istatistika jurik li dawn in-numri tbaxxew b’mod konsiderevoli. Iżda l-kwistjoni politika qiegħda dejjem tikber. Hija din il-kwistjoni li tolqot lil kulħadd speċjalment lil Malta.

Il-kwistjoni l-aktar qrib tagħna fil-fatt hija li l-Italja għandha Gvern ġdid, b’Ministru, illi tela’ bl-għajta li jrid ineħħi l-immigranti minn pajjiżu u li wiegħed li jagħmel minn kollox biex jibagħthom lura minn fejn ġew. B’hekk ma jarahomx iżjed b’għajnejh, biex ngħidu hekk. Dan jagħmlu mhux billi jinnegozja bil-kwiet iżda billi jagħmel ħafna dikjarazzjonijiet, jikteb fuq facebook u fuq twitter. Jagħmel dak li jgħidulu bullying ma’ pajjiż bħal Malta illi fil-passat dejjem ħadmet id f’id mal-Italja biex naraw kif bl-aħjar mod possibli nippruvaw, nimmaniġġjaw il-problema li sibna ma’ wiċċna minħabba l-fatt li aħna qrib ħafna l-pajjiżi tal-Afrika ta’ Fuq.

Dan l-aħħar il-Prim Ministru tagħna tela’ għal żewġ summits. Wieħed kien mini-summit li kien b’mod informali sabiex il-Kummissjoni u l-Kunsill jaraw ftit l-opinjoni ta’ ċertu kapijiet tal-pajjiżi fuq l-immigrazzjoni, bi preparazzjoni għas-summit li għadu kemm sar dan l-aħħar fejn il-protagonista kienet Il-Kanċillier Ġermaniża Merkel li kellha problema politika.

Biex nippruvaw nifhmu dan kollu ejja naraw daqsxejn xi trid Merkel? X’hemm bżonn isir? Naraw ukoll xi ksibna f’dan is-summit u jekk is-soluzzjoni hix permanenti.

Ħalli nibdew minn Merkel. Merkel għandha gvern ta’ koalizzjoni jiġifieri gvern mhux ta’ partit wieħed. Imma ta’ aktar minn wieħed. Biex inti jkollok dan il-ftehim trid kultant tappunta nies li jkunu l-avversarji tiegħek u li dawn biex ikunu parti mill-koalizzjoni jagħmlu kundizzjonijiet li jkunu jridu xi ministri tal-gvern jkunu appuntati mill-partit jew partiti tagħhom. Mhux bilfors li kulħadd jaqbel fuq kollox. U huwa għalhekk li ħadu xhur twal qabel ma ġie ffurmat il-gvern Ġermaniż għaliex ried ikun hemm ftehim fuq ċerti prinċipji. Wara dawn ix-xhur kollha l-gvern Ġermaniz twaqqaf bl-opinjoni li issa hemm ftehim bejn il-partiti l-oħra tal-koalizzjoni u għalhekk wieħed iħares ’il-quddiem. Però mhux hekk ġara dan l-aħħar fir-rigward tas-Seehofer li huwa ministru tal-intern u membru ta’ partit li mhuwiex ta’ Merkel. Dan ħass illi qed jagħmilha tassattiva fuq Merkel li jew ikollha taghmel, biex ngħidu hekk, liġijiet jew inkella prattiċi biex immigranti li jkunu ġew mibgħuta f’pajjiż ieħor, ngħidu aħna, Malta jintabgħtu lura.

Jiġifieri meta l-immigranti jaslu Malta jew inkella jaslu l-Italja jiġu finger printed, joħdulhom ir-ritratti u allura dawn jiġu  abbinati ma’ Malta jew inkella mal-Italja. Dawn qegħdin jgħidu li jekk jidħlu l-Ġermanja  għandhom id-dritt li jibagħtuhom lura. Dan f’kuntest tal-Unjoni Ewropea fejn għandek il-libertà li wieħed jitlaq minn pajjiż għall-ieħor u m’hemmx fruntieri. Għandna l-ftehim ta’ Schengen li permezz tiegħu dan huwa diffiċli li jsir. Però Seehofer qed jinsisti li jsir jew inkella jisfratta l-gvern u għalhekk Merkel kellha paniku kbir f’dan is-summit u xtaqet li jkun hemm ċertu ftehim li għall-anqas dawn il-pajjiżi jagħtu l-kelma tagħhom illi kemm jista’ jkun jaċċetaw emigranti li kienu f’pajjiżhom u ħarbu jew telqu jew sabu x-xoghol jew inkella raw il-familja f’pajjiż ieħor pereżempju l-Ġermanja u dawn jekk jinqabdu jerġgħu jintbagħtu lura.

Dan kollu sar biex kemm jista’ jkun isalvaw u jagħmlu pjaċir lill-Kanċillier Merkel u ma jisfrattax il-gvern Ġermaniż għaliex inkella l-affarijiet kienu ser jibdew imorru lura. Ħafna mill-ftehim li kien sar jew inkella wasal biex isir, sfratta. Dwar l-ewro u l-affarijiet tal-Unjoni Ewropea fil-qosor kien jisfratta kollox iżda ppruvaw jgħinuha.

Iżda min-naħa l-oħra kellek imbagħad il-problema li l-Italja riedet bir-raġun tagħmel l-allarm tagħha. Malta ukoll qiegħda fl-istess sitwazzjoni tal-Italja li mhux ġust  kif fil-fatt hu l-ftehim tal-konvenzjoni ta’ Dublin li jgħid li kull min jinzerta jkun hu li l-immigranti jaslu f’pajjiżu jkollu jżo , fil-każ tar- refuġjati speċjalment. Fil-każ ta’ i  ekonomiċi wieħed forsi jista’ jirranġa biex jintbagħtu lura. Iżda ħadd ma jaf kif, għaliex sfortunatament ħafna emigranti qed jiġu mil-Libja u nafu li dan huwa pajjiż diżorganizzat, għadu fi stat lura ħafna biex jerġa’ jkun hemm id-demokrazija, l-paċi u s-sigurtà. Allura hemm mistoqsijiet kbar dwar wieħed jibagħthomx lura l-Libja. Għalkemm, jekk hu emigrant ekonomiku u għalhekk illegali dan jista’ jsir.

Kwistjoni oħra hija dwar dawn il-vapuri tal-għaqdiet mhux governattivi. Wieħed jifhem illi meta ssalva l-ħajja ta’ persuna li tkun qed tgħereq hija xi ħaġa nobbli. Meta tagħmilha darba, tagħmilha darbtejn, tagħmilha kemm-il darba jiġri li permezz tal-prattika tiegħek tkun qiegħed tistieden iktar nies li jissugraw ħajjithom. Għalhekk wieħed jibda jagħmel ċertu mistoqsijiet. Mhux ser nidħol fil-mertu ta’ dawn il-vapuri jekk għandhomx il-liċenzja u l-bandiera. Din issa qiegħda għand il-qrati. Il-qrati Maltin iridu jiddeċiedu fuqha. Qegħdin jagħmlu xogħlhom b’mod regolari.

Il-kwistjoni  hija delikata ħafna għaliex filwaqt li qed jagħmlu xogħol nobbli huwa prinċipju li biex tagħmel xogħol nobbli mhux biss li ssalva imma li tikkopera mal-awtoritajiet sew Taljani kif ukoll Maltin. Tikkopera mal-pajjiż minn fejn ġbarthom li huwa il-Libja. Jiġifieri jekk inti ma tirrispettax lil dawk l-awtoritajiet iżda meta imbagħad tispiċċa ssalva n-nies teħodhom fl-ewwel port tiegħek, tibda toħloq il-problemi. Kwistjoni oħra hija dwar dawn il-kampijiet. Mhux faċli. Iżda l-idea hija li l-kampijiet ikunu fl-Afrika u mhux fl-Ewropa. Jistgħu jkunu wkoll  fl-Ewropa. Fil-fatt kien hemm ftehim illi jekk hemm xi ħadd li jivvolontarja iwaqqaf dawn l-kampijiet fejn inti tilqagħhom u tiddeċidi jekk humiex refuġjati jew le ħalli imbagħad b’mod regolari tkun tista’ tipproċessa l-applikazzjoni tagħhom. Però l-idea hija li dawn ikunu fl-Afrika mhux għax ma rriduhomx wara biebna imma għall-fatt illi hemm ma jidħlux f’dak is-sogru li jaqsmu l-baħar u jissugraw ħajjithom.

Intlaħaq ftehim? Bl-Ingliż ngħidu of some sorts jiġifieri għal mument, iva. Il-fatt li l-Prim Ministru ħadem bi sħiħ biex l-inċident ta’ emigranti li ma riduhomx it-Taljani rranġajna li jaċċettaw tmien, disgħa pajjiżi ħbieb tagħna u b’hekk aċċettaw li jieħdu numru minnhom. Din hija importanti. Hija rebħa sabiħa u li tal-anqas turi l-prinċipju tas-solidarjetà.

Nisperaw illi meta jkun hemm ftehim aħħari dan ma jkunx biex insalvaw lil Merkel jew li biex nirranġaw dan il-każ imma li jkun wieħed permanenti. Hekk għandu jkun. Illi kull pajjiż fl-Ewropa għandu jilqa’ r-refuġjati. Nirrepeti illi r-refuġjati li qegħdin jaħarbu mill-mewt u mill-gwerrer inti għandek id-dmir li tilqagħhom però b’mod solidari għandhom jinfirxu mal-Ewropa kollha. L-Ewropa hija pajjiż li għandu bżonn in-nies.

Dwar emigranti ekonomiċi realment għad naslu fejn waslu l-Awstralja, il-Kanada u l-Amerika, li b’mod regolari jkollok il-kwoti, ikun hemm l-intervisti u b’mod paċifiku u b’mod regolari l-familji jkun jistgħu jsibu xogħol fl-Ewropa fejn nafu li għandna bżonnhom f’ħafna setturi.

Iżda l-ftehim dwar dan huwa ferm diffiċli. Wieħed jittama illi dan iseħħ għall-ġid sew tal-Ewropa u sew tal-kontinent Afrikan.

 

il-Ġimgħa 6 ta’ Ġunju 2018 

,

3 responses to “Soluzzjonijiet għall-emigrazzjoni”

  1. Different steroids have different half- lifes indicates the time a substance diminishes in blood, and Clomid administration should be taken accordingly buy priligy in uae At that point, she began a series of paintings about the disease, some of which are included in the Santa Monica College show

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *