Din il-ġimgħa attendejt għal Kunsill tal-Ministri għall-Finanzi fi Brussell. Is-suġġett l-iktar diskuss jirrigwardja t-taxxa, speċjalement dwar tipi ta’ taxxi ġodda. Għal poplu dan is-suġġett mhuwiex xi wieħed sabiħ, għax it-taxxa toqros in-nies. Huwa għalhekk li ma jkollniex ftehim fil-Kunsill dwar it-taxxa. Huwa ta’ sollev li tkun taf li jekk ma jkunx hemm qbil unanimu, t-taxxa jew id-direttiva ma tgħaddix. Dan ifisser li kull pajjiż jista’ juża l-VETO. Jekk pajjiż jara li din it-taxxa tagħmel il-ħsara lill-istess pajjiż, il-pajjiż inkwistjoni ma jaqbilx u jivvota kontra u hekk ma tgħaddix.
Madankollu taqbel jew ma taqbilx, xorta waħda trid tipparteċipa u tiddiskuti fuq it-taxxa. Dan għaliex it-taxxa hi xi ħaġa ħajja. Nispjega! Mela t-taxxi qegħdin hemm biex il-gvern jieħu porzjon tal-flus minn attivita’ ekonomika jew konsum jew fuq il-produzzjoni u l-profitti. Issa, li qed jiġri huwa li iktar ma’ l-pajjiżi jibdew jimmodernizzaw iktar qed jinbidlu l-prijoritajiet tal-poplu, u għalhekk qed jinbiddel il-basket tal-konsum. Qed jiġri li affarijiet li fl-antik kienu jintużaw illum ma għadhomx jintużaw u viċi-versa. Għalhekk maż-żmien trid tiġi aġġornata wkoll is-sistema tat-tasazzjoni.
Snin ilu wieħed kien ikun jaf fejn qiegħed, u anke seta jagħmel bħal baġit tat-taxxi li jkun se jiġbor. Dan il-gvern seta’ jagħmlu għax jaf li hemm dik il-kumpanija tagħmel hekk u l-oħra tagħmel mod. Illum il-folja nqalbet! Kumpanija fis-servizzi diġitali joperaw fis-sħab (“cloud computing”), jiġifieri l-istess kumpanija qiegħda l-Amerka, u fl-Ewropa, jiġifieri ma tafx fejn qiegħda eżatt din il-kumpanija. Jista’ jkollha indirizz post u l-attivita’ qegħda x’imkien ieħor. Hawnhekk tidħol ukoll il-kwistjoni ta’ fejn hi dovuta t-taxxa u jibda d-dibatitu’ tad-‘Digital Tax’. Il-pajjiżi qed jipruvaw jivintaw xi tip ta’ taxxa biex jindirizzaw din il-problema li l-Ewropej qed iħossu qed tolqothom b’mod negattiv.
Li qed jiġri hu li għandek pajjiżi bħal Franza, li għal raġunijiet politiċi ta’ pajjiżhom, jaqbdu u jdaħħlu taxxa li għadha ma’ ġietx studjata u jintaxxa lil dawk il-kumpaniji kbar Amerikani. Għal Franċizi din hija xi ħaġa faċli u popolari politikalment, li wieħed jintaxxa kumpaniji kbar bħal l-Amazon, Google, Apple u oħrajn li nafu li huma ġganteski. Kumpanija waħda ikbar mill-GDP ta’ pajjiż wieħed. Ilkoll nafu wkoll li jimmanipulaw il-profitti b’ċertu mod li jħallsu l-inqas jew ftit taxxa. Allura dak li jkun jgħid mela jien inħallas it-taxxa u kull ma għandi hi paga żgħira, u għax kumpanija kbira tispiċċa ma tħallasx.
Fi ħdan il-Kunsill Ewropew l-Ecofin l-argument ta’ ċertu pajjiżi nkluż Malta, mhux kontra li jkun hemm taxxi ġodda minflok l-antiki. L-ewwel li ma jrid jiġri iżda hu li jsiru studji mill-esperti dwar x’tip ta’ bidliet qed ikollna fiż-żmien tal-lum u l-aħjar mezzi kif wieħed jindirizzhom. Il-qbil li jrid jintlaħaq irid isir mhux biss fi ħdan l-Unjoni Ewropeja, imma mal-Amerika, maċ-Ċina, l-Indja, ir-Russja u oħrajn. Dan għaliex jekk wieħed se jipprova jintaxxa xi ħaġa li diġa qiegħda intaxxata banda oħra, jkun hemm dik li ngħidulha ‘double taxation’. Dan ifisser li kumpanija tispiċċa tħallas l-istess taxxa f’aktar minn pajjiż wieħed u b’hekk, tkun qed tħallas id-doppju jew it-triplu ta’ dak li suppost.
Hemm il-ħsieb ukoll li tiġi proposta taxxa fuq is-servizz finanzjarji, l-Financial Transaction Tax, l-FTT, li l-argument ta’Malta huwa, taf lil minn se tintaxxa? Jista’ jkun li int tkun qed tintaxxa xi ħaġa imbagħad tispiċċa qed tolqot xi ħaġa oħra, bħal pensjonijiet. Tista’ tolqot il-banek tal-iżvilupp li qed jipprova jagħmlu l-ġid. Ikun għalhekk li dejjem ikollna nuqqas ta’ qbil fil-Kunsill għal dawn ir-raġunijiet.
Aħna ma aħniex kontra dan kollhu, iżda kontra l-mod kif jiġu mposti u mbuttati b’raġunijiet politiċi partikulari ta’ xi pajjiż partikulari. It-taxxi mportanti, għax mingħajrhom la jkollna skejjel, sptarijiet, pulizija, suldati u lanqas isiru toroq. Jiġifieri t-taxxi u d-dħul tagħhom huwa mportanti u veru wkoll li jekk aħna qed ninbidlu maż-żminijiet; it-taxxi jridu jinbiddlu. Għax b’hekk niżguraw li jibqgħu jinabru l-istess ammont.
Ninsab persważ li fil-futur qarib u f’laqgħat oħra tal-Kunsilll se nkunu qed naraw żviluppi f’dan ir-rigward.
Il-Ġimgħa 15 ta’ Marzu 2019
.
One response to “Bżonn ta’ Soluzzjoni Globali għat-Taxxa Diġitali”
Thanks for sharing. I read many of your blog posts, cool, your blog is very good.