It-Trattat dwar il-patt fiskali


Il-Ġimgħa li għaddiet re­ġa’ beda jiltaqa’ l-Parlament Ewropew. Kif wieħ­ed jistenna fuq nett tal-aġenda hemm id-diskussjoni dwar iż-Żona Ewro. Din il-problema spiċċajna s-sena biha u erġajna sibniha ma’ wiċċna fis-sena l-ġdida.

Qabel il-Milied, il-Kum­mis­sarju Olli Rehn kien qal li jekk il-pajjiżi taż-Żona Ewro ma kinux se jsibu soluzzjoni għall-problema tal-ewro fi żmien għaxart ijiem, iż-Żona kienet se tisfaxxa. L-għaxart ijiem għaddew. Fis-Summit ta’ qabel il-Milied rajna lill-Ingilterra tħalli lis-26 pajjiż l-oħra tal-Unjoni Ewropja jilħqu ftehim bejn­iethom biex isir trattat ġdid iddedikat għal patt fiskali.
Sew bejn il-festi tal-aħħar tas-sena u l-avvenimenti li ġraw kmieni din is-sena, il-poplu aljena ruħu u nesa għal mument il-kriżi tal-ewro.
Iżda l-kriżi għadha magħna. Ħafna mill-pajjiżi li kell­hom id-djun u li qegħdin fi kriżi kellhom bidla fil-Gvern. Fil-każ tal-Greċja, il-banek Ewropej qablu li jaħfrulha nofs id-dejn li għandha magħhom. Dan xorta jfis­ser li l-Greċja għad baq­għalha ħafna snin qabel ma tkun tista’ tmur tissellef b’suċ­ċess fis-swieq internazz­jonali. U għalhekk il-Greċja se tibqa’ piż fuq iż-Żona Ew­ro għal ħafna snin.
Fil-każ ta’ Spanja għan­d­na sitwazzjonijiet fejn jum wara l-ieħor dejjem jiskopru djun akbar milli qatt kienu jobsru li kellhom. Dawn huma affarijiet li wieħed jiskanta bihom. Però dan hu dak li qed jiġri u għalhekk li fit-Trattat li qed jiġi diskuss qed jiġu proposti miżuri biex dan ma jirrepetix ru­ħu.
S’issa, l-unika ħaġa pożit­tiva li saret hi li l-Bank Ċentrali Ewropew l-aħħar tas-sena offra li kien lest li jsellef lill-banek kummerċjali Ew­­ropej kull somma li għand­hom bżonn bil-wieħ­ed fil-mija (1%). B’ri­żultat ta’ dan, il-banek s’issa ssellfu €500 biljun jew nofs triljun ewro. Dan kien ta’ ġid biex il-magna ekonomika Ewropea baqgħet tingrana.
Il-Parlament Ewropew issa għandu quddiemu l-abbozz ta’ trattat li però jridu jaqblu dwaru l-Gvernijiet tas-26 pajjiż tal-Unjoni Ew­ro­pea għax għadu mhux ċert jekk l-Ingilterra hux se tingħaqad mal-pajjiżi l-oħ­rajn biex it-trattat jiġi maq­bul bejn is-27 pajjiż. Wieħed għad irid jara.
Li qed jingħad hu li għandu jkun hemm kordinament aktar mill-qrib fil-kamp fiskali bħalma diġà qed isir fil-kaz tal-politika monetarja fejn il-Gvernaturi tal-Banek Ċentrali taż-Żona Ewro jiltaqgħu u jiddiskutu flimkien fi Frank­furt din il-politika. Qed jintalab li jsir l-istess ħaġa għall-Ministri tal-Finanzi tal-pajjiżi taż-Żona Ewro.
Se jintalbu jiddikjaraw minn qabel meta u kemm beħsiebom jissellfu. Iridu jinformaw lill-Kummissjoni kull meta jkunu se jdaħ­ħlu xi riforma importanti f’pajjiżhom, eżempju, fil-pen­sjonijiet jew fis-sigurtà soċjali. Iridu jgħidu dan qabel jitħabbar il-Baġit biex jiddiskutuhom mal-Kummissjoni. Jiġifieri li xejn ma jsir mil-lum għal għada jew bl-addoċċ. Dan li jfisser il-Patt Fiskali.
Sfortunatament l-Gvern Mal­ti dan ma fehmux u żbalja li injora t-twissija tal-Kummiss­joni biex issa kellu fi żmien jumejn jiddikjara minn fejn kien se jaqta’ l-ispiża kurrenti b’kemm jiswew €40 miljun.
Il-Patt Fiskali jitlob ukoll lill-pajjiżi taż-Żona Ewro jbidd­lu l-Kostituzzjoni tagħhom biex tidħol regola ġdida li l-Baġits tal-pajjiżi taż-Żona Ew­ro ma jistgħux ikunu b’defiċit. Anzi għandhom ikunu f’‘surplus’. Ikun peremss li jkollhom defiċit ta’ nofs perċentwal fil-mija jekk il-qagħda ekonomika tkun ħażina. Id-defiċit ikun jista’ jitħalla jitla’ għal wieħed fil-mija biss jekk il-pajjiż ikollu sitwazzjoni ħa­żi­na imma d-dejn ikun taħt is-60%.
Dawn huma affarijiet li wieħed għad irid jiddiskutihom għax mhux ċar kif din il-proposta fuq skala ta’ blokk sħiħ taħdem meta is-sitwazz­joni ekonomika teħżien bħalma ġara dan l-aħħar.
Wieħed bir-raġun ukoll jistaqsi kif se tintlaqat Malta mill-miżuri li hemm propost li jiddaħħlu fil-Patt Fiskali.
Il-Ministru tal-Finanzi ta’ pajjiżna jrid jagħmel bħal Ministri tal-Finanzi tal-pajjizi fiż-Żona Ewro jiġifieri jaħdem aktar fil-qrib mal-Kummissjoni Ewropea. Irid jitgħallem jara kif taħsibha l-Kummissjoni dwar Malta għax inkella jiġri bħalma ġara dan l-aħħar. Fl-aħħar Baġit il-Gvern ħaseb li dan se jkun aċċettatt mill-Kummissjoni Ewropea. Daħ­ħal rasu fir-ramel u minħabba hekk se jbatu l-ħaddiema.
Kien ikun ħafna aħjar li kieku l-Kummissjoni tkellmet mal-Gvern u insistiet miegħu qabel sar il-Baġit. Iżda s’issa dan il-mekkaniżmu għadu mhux qed jiġi applikat.
Dan il-kordinament li sfortunatament hu xi ħaġa ġdida għal kulħadd u allura wieħed jistenna li dan jissaħħaħ bil-mod il-mod matul iż-żmien.
Kulħadd jaqbel li l-kriżi kienet qawwija. Minħabba fiha qed isofru ħafna nies u ħadd ma jixtieq li dan jerġa’ jirrepeti ruħu.
Però minflok li l-Kunsill qed ifittex is-soluzzjonijiet eko­nomici moħħu hu li jorbot lil pajjiżi b’mod legali, mhux biss bil-liġijiet iżda saħ­ansitra bi bdil tat-Trattat Ew­ropew u bdil fil-Kostituzzjoni tal-pajjiż. Qed jipproponu li jdaħħlu l-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja biex tassigura l-inforzar ta’ dawn il-liġijiet.
Hi l-Ġermanja l-moħħ wara din il-mentalità legalistika. Il-pajjiżi l-oħrajn sħabha fiż-Żona qieshom ma jridux jitniffsu ħalli jekk din ir-triq ma tirnexxix, il-Ġermanja ddaħ­ħal idha fil-but u tħallas għall-iżbalji tagħha.

L-Orizzont, it-Tnejn, 16 ta’ Jannar, 2012 


Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *