Mudell ta’ tkabbir ekonomiku li hu sostennibli hu wieħed li jinfirex, hu l-mod kif inti tista’ tqassam il-ġid b’mod ġust. Ħafna qed isaqsu dwar dan il-mudell, u jien se niddefendih bis-saħħa tiegħi kollha, għax hu l-mod li aħna tgħallimna minn pajjiżi oħra x’ma ghandniex nagħmlu, u tinsewx dan twieled fi żmien meta l-Ewropa kellha mudell ta’ awsteritaˋ, mudell Ġermaniż, fejn inti l-ewwel trid taqta’ d-djun u taqta’ d-defiċits akkost ta’ kollox fosthom anke t-tkabbir. Kulħadd jaf x’ġara f’pajjiżi bħal Greċja, l-Italja u l-Portugall.
Għal kuntrarju ta’ dawn il-pajjiżi, aħna qagħdna attenti li t-tkabbir ma noqtluhx, iżda nippruvaw insibu bilanċ, fejn konna qed nitgħallmu mill-affarijiet li bdew iseħħu quddiemna. Konna u bqajna konsisteni sa mill-2011, fejn il-Prim Ministru Joseph Muscat dak iż-żmien Kap tal-Oppożizzjoni kien jaċċenna biex nibqgħu hekk. Jien dak il-messaġġ fhimtu u emmint fih. Hekk għamlu wkoll sħabi, biex wasalna għal dan is-suċċess.
Is-suċċess ma jiġix mix-xejn, iżda mill-ippjannar bi ħsieb, u l-istess nistgħu ngħidu għall-finanzi pubbliċi, li se nitkellem dwarhom aktar ‘l quddiem.
L-ewwelnett nagħtu daqqa ta’ għajn lejn it-tkabbir ekonomiku. It-tkabbir ekonomiku li f’dawn l-aħħar sitt snin kellhu medja ta’ 7.1%, kien wieħed qawwi u sar malajr. Jiġifieri sar fi żmien qasir ta’ sitt snin u allura ħasad lil ħafna nies li ma kinux preparati għalih. L-infrastruttura wkoll ma kinetx preparata għalih u lanqas il-psikoloġija, l-aspettattivi u anke l-‘aftermath’ li jitfa’ fuqek responsabilita’. Ċertu responsabilita’ speċjalment anke meta nxebbħuh ma’ pajjiżi oħra.
Nixtieq ngħid ukoll li f’dawn il-jiem qed nirrevedu ‘l fuq it-tbassir tagħna biex nibagħtuh lill-Kummissjoni Ewropea. Qed naraw li għas-sena d-dieħla nċeknu t-tkabbir daqsxejn għax hu l-mod prudenti li bih dejjem mexxa l-Gvern. Aħna nieħdu gost li nieħdu s-sorpriżi pożittivi milli sorpriżi negattivi. Fil-passat kien isir tbassir sabiħ ħafna, iżda li ma kienx irendi, fejn id-dħul ma kienx jasal, imbagħad il-Gvern jaqa’ f’defiċit.
Għal kuntrarju bi prudenza, għas-sena d-dieħla dak is-6% tkabbir li konna qed inbassru, se nniżluh għal 5.7% B’ hekk qed innaqsu t-tbassir tad-dħul u niżguraw li l-ispiża tagħna se tkun vijabbli. Mhu se jkun ġara xejn b’daqshekk għax se nkunu preparati għalih. Meta tqis li hemm 28 pajjiż u qegħdin fit-tieni post, jiġifieri għandek 26 pajjiż warajk, titfa’ fuqek ċertu responsabilita’. Għax jekk l-ekonomija tkun għaddejja tajba, jitilgħu ‘l fuq l-aspettativi.
Ma ninsewx l-Irlanda, nistgħu u ma nistgħux inqabblu ruħna magħha għax għaddiet minn kriżi tremenda. Għadni niftakar lill-Ministru Irlandiż jgħidli, la skola ma nistgħu nibnu, la ‘roundabout’, u lanqas triq. Dan minħabba l-awsterita’ li ġiet imposta fuqhom minħabba l-kriżi u l-‘bailout’.
Huwa normali li meta inti sejjer ’il quddiem, tibda taħseb f’ċertu ideat. Iżda l-ekonomisti dejjem tgħallimna li inti trid tagħżel u ma tistax tagħmel kollox. Lanqas l-aktar pajjiżi sinjuri bħall-Amerka ma jista’ jagħmel kollox, iżda jrid jagħżel dik jew l-oħra. Trid taħseb u ssaqsi, il-flus li qed niġġeneraw, fejn nixtiequ li jmorru? Aħna bħala Gvern nixtiequ li jmorru f’investiment li jsaħħaħ lil pajjiżi milli fuq spejjeż li jitilqu u ma jerġgħux jiġu. Irridu wkoll li nġemmgħu u nwaqqgħu d-dejn. Permezz tat-twaqqigħ ta’ dejn, tkun diġaˋ qed iġemma’. Fil-passat żgur ma konniex inġemmgħu, iżda għall-kuntrarju konna nżidu d-dejn. Hawnhekk mhux biss tirealizza li aħna l-aqwa fl-Ewropa, iżda wkoll tara x’responsabilitajiet ipoġġi fuq il-Gvern għall-futur.
Huwa tad-daħk li hawn minn jaħseb li l-ekonomija mixja fuq l-iskema tal-passaporti u dan kollhu. Jippruvaw jikkondizzjonaw ħafna nies tal-affari tagħhom, inkluż dawk ewropej. Imbagħad int trid toqgħod tfehemhom li l-ekonomija tagħna hi ‘highly diversified, and that’s how we survive’. Importanti li inti tkun diversifikat ħalli jekk jogħtor xi settur, għandek 18 oħra jpattu u jvarjaw. Kull settur għandu l-valur addizzjonali tiegħu, u apparti l-igaming, il-biċċa l-kbira tas-setturi huma kollha daqs xulxin, jiġifieri t-trasport, l-edukazzjoni, is-saħħa, l-akkomodazzjoni, il-propjeta’ u l-kostruzzjoni, fost oħrajn.
Dan hu s-sabiħ tal-ekonomija tagħna li bdiet mill-manifatura, l-agrikultura u t-turiżmu, imbagħad infirxet fis-servizzi finanzjarji, marret fl-igaming u għamlet suċċess. Issa qed niddevirsifikaw fil-marrittimu, it-transhipment’, yachting, u anke t-tonn. Malta kull meta jgħaddulha ballun, taqbdu u tiġri bih. Dak li qed nagħmlu aħna, qed isservi ta’ mudell għal pajjiżi oħra. Eżempju meta barra minn xtutna nitkellmu fuq il-‘blockchain’, dak hu mudell tagħna, u mhux rajna x’għamlu pajjiżi oħra. M’aħniex nirraġunaw b’tali mod li nħallu pajjiż ieħor jipprova hu l-ewwel sabiex ma nagħmlux żbalji! Jekk nemmnu fih dak is-settur u l-Prim Ministru Joseph Muscat emmen ukoll fil-‘blockchain’, fil-‘fintech’ u f’affarijiet oħra, nidħlu għalih. Għalhekk issa qegħdin fuq il-mappa tad-dinja fejn jidħlu dawn it-teknoloġiji.
Dan l-aħħar kont parti minn delegazzjoni tal-Borża ta’ Malta fi New York. Hawnhekk indunajt kemm Malta hi magħrufa bħala l-gżira tal-‘blockchain’. Iżda issa madankollu rridu niddeliverjaw. Il-punt hu li aħna konna hemmhekk l-ewwel, li ġejna f’dak il-post u hawn tidħol id-diversifikazzjoni. Dan hu l-mod ta’ kif pajjiż li m’għandux riżorsi jista’ jimxi ‘l quddiem, billi jkun diversifikat.
Niġi issa għall-indikatur tal-faqar. Nisimgħu diversi stejjer ta’ kemm hawn faqar u għax il-pajjiż għadu bil-faqar. Jien ma naf bl-ebda pajjiż li jista’ jgħid li m’għandux faqar f’pajjiżu. Iżda l-Gvern irrid jiġi ġġudikat fuq kemm irnexxielu jwaqqa’ r-rata tal-faqar. Wieħed jista’ jieħu wkoll rati u ndikaturi differenti li jkunu jvarjaw, imma bħal ma għidna fil-konferenza tal-aħbarijiet dwar is-surplus, aħna noqgħodu fuq dik tal-Eurostat. Dan biex ikollna l-istess indikatur, anke jekk l-istatistika tkun negattiva.
Il-Eurostat tuża l-‘AROPE’ li hi taħlita ta’ tliet indiċi għandek il-‘median’, ‘material deprevation’ u l-‘work intensity. F’Malta, f’dawn l-aħħar ħames snin, din ir-rata qiegħda dejjem niżla li jfisser li r-rata ta’ nies f’riskju ta’ faqar qiegħda tonqos b’mod konsistenti sena wara sena.
Il-Ġimgħa 3 ta’ Mejju 2019
One response to “Ekonomija b’Saħħitha u Diversifikata”
Your point of view caught my eye and was very interesting. Thanks. I have a question for you.