Bilanċ Ekonomiku biex il-Ġid jitqassam fost Kulħadd


Din il-ġimgħa ħarsa lejn il-Ministeru tagħna, issibna għaddejjin b’ħafna attivita’ relatati mal-Baġit.  Għall-kuntlarju ta’ ħaddieħor li bħalissa qiegħed jaħseb biex jipprepara għall-vaganza tiegħu; aħna qegħdin naraw pass pass kif ser naslu minn hawn sal-Baġit.

Preżentament, bħalissa għaddejjin bil-laqgħat bilaterali fejn niltaqgħu mal-Ministri u magħhom iġibu l-uffiċjali tagħhom sabiex flimkien ninnegozjaw u naraw kemm wieħed jista’ jonfoq, u fuqiex; u liema huma l-prioritajiet.  Għalhekk, tkun ħidma sfieqa b’rabta mad-dokument ta’ qabel il-baġit (Pre-Budget Document).

Il-Pre-Budget Document 2020 jagħti rendikont ta’ fejn tkun waslet l-ekonomija, fejn bi ħsiebha tmur is-sena d-dieħla għaliex fuq kollox il-baġit huwa għas-sena d-dieħla u għalhekk, jiġi ddeterminat mill-andament ekonomiku.

Kemm ikun hemm tkabbir ekonomiku jirriżulta fi tkabbir tad-dħul għall-Gvern u għalhekk jipprova jinkwadra l-baġit għas-sena d-dieħla, kemm nistgħu nonfqu u fuqiex. Din hija xi ħaġa li jrid jiddeċidieha l-Gvern.

Fil-laqgħat li jkolli mal-Prim Ministru, dawn huma d-diskussjonijiet li jkollna.  Dawn jittrattaw il-prioritajiet preżenti.   Illum il-ġurnata dawn il-laqgħat huma ferm differenti minn dawk ta’ minn fejn tlaqna sitt snin ilu għaliex il-prioritajiet kienu differenti.  Waqt il-laqgħat konna nistaqsu dwar kemm din il-miżura ser taħdem u l-effetti tagħha f’dak li għandu x’jaqsam mal-ħolqien tax-xogħol, mal-parteċipazzjoni tan-nisa’ fid-dinja tax-xogħol.  Konna nistaqsu wkoll “imma din ser toħroġ in-nies mid-dar? Dawk dipendenti fuq il-benefiċċji soċjali ser ikunu konvinti biex jidħlu fid-dinja tax-xogħol?”; dawn kienu l-mistoqsijiet. Dak iż-żmien konna għadna qegħdin nippreparaw, wieħed jesperimenta. Iżda issa llum qegħdin bilqegħda nħarsu lura u ngħidu b’suċċess li dawn ir-riformi u tibdiliet kellhom l-effett pożittiv li llum wieħed qiegħed igawdi permezz ta’ tkabbir ekonomiku.

Ħafna qegħdin jipprovaw iċeknu dan it-tkabbir u qegħdin ipenġuh li jispiċċa fi sfreġju fuq l-ambjent. Fil-verita’ dan mhuwiex il-każ għaliex it-tkabbir ekonomiku iżid il-ġid u jiddependi minna li niddeċiedu il-ġid fejn irridu nonfquh.  Jekk inti trid tinvesti biex tippurifika l-arja, biex ikollna baħar isbaħ, dan jiddependi minna u l-investiment li nagħmlu fuqu.

Nieħdu eżempju mit-tindif mit-toroq: huwa minnu li t-tkabbir iġib aktar attivita’ li minnha nfisha tipproduċi aktar skart pero l-ekonomija ittik riżorsi biżżejjed biex tnaddfu, tippjana, tgħallem għaliex fuq kollox it-tagħlim, għax ma jistax ikun li l-Gvern m’għandux jibqa jsefter wara min huwa traskurat u wara min huwa maħmuġ u li jħalli diżastru minn fejn jgħaddi.  L-edukazzjoni tiġi minna u mill-familja u huwa importanti għaliex pajjiżi avvanzati tarahom nodfa minħabba li huma mgħalmin mill-familja u mill-iskejjel biex ma jħamġux.

Il-prioritajiet tagħna huma fattibbli u nistgħu ngħidu li bil-ġid li qed jinħoloq, nistgħu nippjanaw biex  jkollna ħajja aħjar.  Mhuwiex minnu li aħna skjavi tat-tkabbir ekonomiku u li ma nistgħu nagħmlu xejn.  Le, dan jiddependi minna.  Ir-regolamenti iktar iridu jkunu iebsin, irid ikun hemm inqas nies li jipprovaw jiskartaw biex jagħtu l-kontribut tagħhom, irridu naraw li dawk is-setturi li qegħdin igawdu, jikkontribwixxu għal dawk li qegħdin igawdu inqas speċjalment dawk li huma sfortunati fis-soċjeta tagħna minħabba problemi ta’ saħħa jew minħabba li qegħdin fi snin ta’ irtirar mix-xogħol.  Huwa għalhekk li dan il-Gvern, l-ewwel priorita’ tiegħu hija li jħares lejn il-pensjonanti u  jindrizza l-bżonnijiet tagħhom.  Il-pensjonijiet jiġu mill-kontribut ta’ dawk il-ħaddiema li llum qed jaħdmu u jħalsu l-bolla.  Jekk iżżid dan il-piż fuqhom, l-ekonomija ma tibqax tikber daqs kemm qed tikber illum u allura trid iżżomm il-bilanċ. Huwa dan il-bilanċ fil-baġit fejn dejjem urejna li kapaċi nżommuh.  Minkejja li jkun hemm min ikun xettiku u jipprova jgħid li wasalna fit-tarf jew minħabba l-inflazzjoni, dan mhu minnu xejn għaliex ir-rating agencies, kull min jevalwana, li għandna ħażin jgħidu u dak li huwa tajjeb ukoll.  Huwa għalhekk li għandna nisimgħu b’min hu b’mod oġġettiv iħares lejn l-ekonomija; is-sabiħ u l-ikrah tagħha.

L-impenn tal-Gvern huwa li nsibu bilanċ, li nfittxi l-ġid tal-pajjiż kemm jista’ jkun biex jinxterdu fuq il-familji Maltin u Għawdxin. Fil-ġimgħat li ġejjin ser  nispjega f’aktar fid-dettall dwar fejn tkun waslet il-preparazzjoni għall-Baġit 2020.

9 t’ Awwissu 2019

 

,

2 responses to “Bilanċ Ekonomiku biex il-Ġid jitqassam fost Kulħadd”

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *