RIO+20


Bħalissa fil-Parlament Malti qed jiġi diskuss abbozz ta’ liġi msejjaħ “Att ta’ Liġi biex jintegra l-iżvilupp sostenibbli fil-ħidma tal-Gvern u biex jippromwovi l-adozzjoni tiegħu”. Forsi wieħed jaħseb li qed inkun kattiv meta ngħid ‘about time too’.
Dan għax qed indaħħlu operat b’mod formali fil-Gvern sewwa sew 20 sena wara li kkommettejna ruħna li nagħmlu dan! Ħadd ma jieħu gost jgħidulu li qiegħed 20 sena lura. Però dan hu fatt.
Illum il-kelma żvilupp sostenibbli jużaha kulħadd, il-politiċi, l-ekonomisti, l-NGOs u oħrajn. Qisa kienet minn dejjem fid-dizzjunarju tagħna. Fil-fatt hija kelma li sa 20 sena ilu ma kinitx teżisti bil-mod kif nużawha llum. Ir-raġuni hi li din twaqqfet permess tas-summit globali li sar Rio di Janeiro, il-Brażil eżattament 20 sena ilu.
Wieħed ifakkar li wara l-gwerra, l-enfażi kollha kienet fuq l-iżvilupp industrijali. L-ambjent ħadd ma kien jiffoka fuqu. Kien fl-1972 (20 sena qabel Rio) wara inċidenti kbar li seħħew, bħal ta’ Minimata fil-Ġappun u l-Love Canal fl-Amerika fejn nies adulti bdew anke jagħmew u trabi jitwieldu b’diżabilitajiet tort tat-tniġġiż tal-baħar u t-tniġġiż tal-ilma tax-xorb. L-iskart tossiku ma kienx hemm kontroll sew fuqu u beda jsib ruħu f’postijiet moħbija li waslu biex ikunu ta’ theddida għas-saħħa u l-ħajja tal-bniedem.
Id-dinja bdiet tara l-periklu ta’ żvilupp bla ebda regoli u kontroll. Bdejna niddubitaw jekk ir-riżorsi naturali humiex se jservu lil l-popolazzjoni li dejjem baqgħet tikber. Fl-1972 saret l-ewwel summit fi Stokkolma dwar l-ambjent uman. Twaqqfet il-United Nations Environmental Program (UNEP) biex tibda tħares l-ambjent. L-NGOs f’dan il-kamp bdew jissaħħu.
Għaddew 20 sena u fl-1992 għall-konferenza ta’ Rio fejn instab li ftit jew wisq sar progress għar-raġuni li l-enfażi kien li ma jsirx żvilupp, jew li twaqqaf u jew timmodera l-iżvilupp. Li tikkonserva. Kien kważi impossibli.
Il-pajjiżi fqar kellhom raġun ma jaqblux ma’ din il-policy. Riedu jiżviluppaw. Riedu jitimaw il-popolazzjoni tagħhom. Riedu jsibulhom ix-xogħol. Ma kinitx toġgħobhom li l-Amerika u l-Ewropa mxew ’il quddiem u issa jridu lil pajjiżi ifqar minnhom jimmodera,u li jrażżnu l-iż­vilupp.
Kien għalhekk wara ħafna studji u dibattitu madwar id-dinja fosthom ir-Rapport tal-Prim Ministru Norveġiża Mo Harlem Bruntland u l-grupp tagħha li rnexxielhom iżewġu l-iżvilupp u l-ambjent permess tal-filosofija ġdid tal-iżvilupp sostenibbli.
L-enfażi tiegħu huwa favur u mhux kontra l-iżvilupp. Għandna nkunu favur l-iżvilupp ħalli xi darba naraw l-faqar jonqos. Però dan l-iżvilupp irid ikun sostennibli. Dan jiġifieri li filwaqt li jħares il-bżonnijiet tan-nies illum, ma jikkompremettix il-bżonnijiet tat-tfal tagħna għall-futur. Dan hu l-kunċett ta’ żvilupp sostenibbli li issa għalaq 20 sena din is-sena.
Jekk dan il-kunċett irid il-Gvern idaħħlu fl-operat tiegħu f’pajjiżna llum, ngħidulu ‘it is never too late’. Qatt mhuwa tard. Veru li għaddew 20 sena u veru wkoll li f’pajjiżna kellna Kummissjoni għall-Iżvilupp Sostenibbli li ma ħadmitx għax ma kinitx integrata mal-operat tal-Gvern.
Dan l-abbozz dan li qiegħed jipprova jagħmel. Fil-fatt se jipprova jibdel biex l-Awtorità tkun qrib l-Uffiċju tal-Prim Ministru. Però dan ma jfisser xejn jekk min iħaddem, jiġifieri l-kabinett kollu jkun ikkonverta u jemmen f’dan il-prinċipju. Mhux fil-fomm iżda bil-fatti. Mhix kwistjoni ta’ kemm tagħmel presidenti u kumitati u testmenti favur l-ġenerazzjonijiet futuri. Veru li l-indikaturi se jgħinu u li jkollok xi ftit riżorzi hu aħjar minn xejn. Però l-iżvilupp sostenibbli jfisser li meta naslu għal xi proġett, min jiddeċiedi, irid jagħżel l-aħjar alternattiva dik li l-inqas li tagħmel ħsara lill-ambjent. Dik l-alternattiva li l-inqas jkollha effetti ta’ ħsara fil-futur fuq it-tfal tagħna. Dan l-ewwel trid temmen fih u trid tipprattikah. Irid ikun fl-imġiba ta’ min jieħu d-deċiżjonijiet li jara li dawn ikunu proġetti ta’ żvilupp li fil-fatt veru jkunu sostennibli. Sintendi dan il-kunċett għadu magħna u fil-fatt fis-summit li se ssir f’Rio f’Ġunju ta’ din is-sena l-kunċett se jibqa’ hemmhekk. Is-summit fil-fatt se jissejjaħ Rio Plus Twenty (Rio+20). Dan għax dan huwa kunċett li issa ġie aċċettat mid-dinja kollha.
Però l-isfidi sew għal pajjiżna u sew għad-dinja għall-20 sena li ġejjin se jkunu xejn inqas diffiċli. Dan għax wieħed irid jifhem li l-problemi ambjentali marru għall-agħar. Fl-istess ħin l-għarfien tagħhom u r-rimedji għalihom żdied ukoll. In-nies qegħdin jaċċettaw li jkollhom iktar regoli iktar iebsin, u taxxi fejn ikun hemm bżonn fuq min iniġġeż.
Minn naħa waħda kibret il-problema u min-naħa l-oħra kiber l-mod kif niġġildulha. Però xejn mhu faċli. Għax bħal saħħitna mhux kemm nitfgħu pillola f’ħalqna. Irridu nbiddlu il-mod kif ngħixu. Fil-kuntest tal-ekonomija tagħ­na rridu nippjanaw għal żvilupp li jagħmel inqas u inqas użu mir-riżorsi. Trid tkun iktar effiċjenti u fl-istess ħin tniġġeż inqas. Aħna nafu li l-klima għall-futur jekk aħna nkomplu nniġġżu b’dan il-mod bil-power stations u bil-karrozzi u mezzi oħra wieħed ikun qed ikompli jkabbar il-problema.
Aħna żgur li f’din il-konferenza li ġejja, ir-Rio Plus 20, il-gvernijiet u magħhom l-NGOs u stakeholders oħra madwar id-dinja se jagħmlu aġenda ġdida. Aġenda għal 20 sena oħra. Żgur li t-tfal tagħna huma interessati li nagħmlu dan bil-għaqal u li nżommu kelmitna billi nwettqu dak li nwiegħdu.

 

L-Orizzont, it-Tnejn, 5 ta’ Marzu, 2012 

, ,

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *