SAĦĦA PERIT!


“Ġgant politiku”. “Mexxej b’viżjoni”. “Grazzi perit ta’ dak li għamilt”. “Bdilt wiċċ Malta”. “Patrijott ta’ veru”. “Il-mexxej li tana l-identità”. “Missier Malta Ħielsa”.

Dawn kienu l-kummenti li spikkaw tard ilbieraħ filgħaxija hekk kif tħabbret il-mewt tal-eks-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista, Dom Mintoff. Hu miet fir-residenza tiegħu f’Ħal Tarxien fl-età ta’ 96 sena. Il-Perit Dom Mintoff, serva fil-Parlament Malti għal 50 sena sħaħ bejn l-1947 u s-sena 1997.

“Mintoff was a skilful and confident administrator and a tough negotiator; short in physical stature and fond of pipe-smoking and horse-riding, but with an enormous capacity for hard work”
– BBC News

F’Bormla, il-belt li fiha twieled Mintoff, immedjatament kif inħarġet l-aħbar mill-ewwel saru s-sinjali tal-vistu fosthom ċfuf suwed mal-bibien ta’ postijiet pub­­bliċi. Illum il-bnadar madwar il-pajjiż se jkunu qed jittajru mezza lasta. F’Bormla, bdew ukoll preparamenti dwar l-aħħar tislima li l-Bormliżi se jagħtu lil dan il-mexxej minn din il-Belt, liema preparamenti mistennijin jitħabbru fis-sigħat li ġejjin.
Bormliżi li tkellmu ma’ l-orizzont, ilbieraħ filgħaxija kienu diġà qed isemmu l-idea li għandu jsir mafkar ­għalih. Bdiet fil-fatt tinġabar petizzjoni biex isir monument li jfakkar lil Dom Mintoff.

Ftit wara li tħabbret il-mewt, kienu diversi dawk li bdew jistaqsu jekk hux se jingħata funeral statali.
l-orizzont tkellem mal-avukat Emy Bezzina – li għal ħafna snin ħadem mill-qrib miegħu. Hu qalilna li “funeral statali jingħata lil min ikun President tar-Repubblika. Peress li l-perit Mintoff qatt ma serva bħala President tar-Repubblika, id-deċiżjoni dwar jekk għandux isir funeral statali jew le għandha tittieħed mill-Gvern b’konsultazzjoni mal-President tar-Repubblika. M’għandi ebda diffikultà ngħid li dan il-bniedem se jingħata funeral statali għax hemm il-preċedent li l-eks Prim Ministru Ġorġ Borg Olivier kien ingħata funeral statali”.

Aktar tard inħarġet stqarrija mid-Dipartiment tal-Informazzjoni li qalet li “f’isem il-Gvern u l-poplu Malti, il-Prim Ministru Lawrence Gonzi jsellem il-memorja tal-eks Primn Ministru Duminku Mintoff”. Il-Prim Ministru qal li l-perit Mintoff hu personalità ewlenija fil-ħajja pubblika Maltija minn wara t-Tieni Gwerra Dinjija sa tmiem is-Seklu Għoxrin. Il-ħidma kbira tiegħu immarkat profondament l-istorja riċenti ta’ pajjiżna fuq il-livelli politiċi, ekonomiċi u soċjali. L-impenn u d-determinazzjoni tiegħu wasslu għal żviluppi u bidliet profondi li jimmarkaw lil Malta u Għawdex.

Wara li ta’ l-kondoljanzi tiegħu lil uliedu, il-Prim Ministru Gonzi offra u l-familja aċċettat, li l-Gvern jagħti funeral statali lill-eks Prim Ministru Mintoff.

Folla ta’ nies tinġabar quddiem ir-residenza tiegħu.

Għal xi ħinijiet tard filgħaxija fir-residenza tal-Perit Dom Mintoff f’Ħal Tarxien kien hemm ħuh, Patri Dijonisju Mintoff u diversi qraba oħra tiegħu. Quddiem ir-residenza tiegħu inġabru għadd ta’ persuni, li damu hemm għal ħinijiet twal. Fost dawn kien hemm xi wħud minnhom jgħidu r-rużarju, oħrajn jitkellmu fuq il-faqar li neħħa u oħrajn bid-dmugħ f’għajnejhom ma jafux x’se jaqbdu jgħidu. Ir-residenza kienet qed tkun mgħassa minn żewġ Pulizija.

Ftit wara li tħabbret il-mewt tal-Perit Mintoff, is-sit soċjali ‘Facebook’ kien litteralment invażaw b’għadd ta’ kummenti mingħand ammiraturi tal-Perit Mintoff, Bormliżi, Laburisti u anke minn persuni li ddikjaraw li għalkemm m’humiex Laburisti jirrikonoxxu l-ġid bla qies li għamel il-perit Mintoff.

Twaqqfet ukoll paġna fuq is-sit soċjali ‘Facebook’ biex tibqa’ tfakkar lil dan il-bniedem kbir. Fost id-diversi kummenti li spikkaw kien hemm dak tal-idrologu Marco Cremona li qal li “bla dubju ta’ xejn kien ġgant. Iltqajt miegħu għal 45 minuta xi tlieta jew erba’ snin ilu. Ħalla impressjoni fuqi li ħadd qabel ma kien ħalla”.
Glady’s Camilleri tikkummenta li “għandi l-unur ngħid li lħaqtek sew fis-sebgħinijiet meta neħħejt it-tallaba, meta neħħejt il-faqar mill-pajjiż, meta ħdimt għall-ħaddiem biex iqum fuq saqajh. Qatt ma kont nixba’ niġi l-meetings tiegħek.”

Oliva Casa tgħid li “jekk int student li għandek skola b’xejn, jekk int għandek saħħa b’xejn, jekk int mara li għandek dritt tal-vot u paga daqs raġel, jekk xi darba ħadt iċ-childrens allowance jew xi tip ta’ servizz soċjali iehor, jekk tirċievi l-minimum wage, jekk inti gay illum ma tikser l-ebda liġi… illum ieqaf u għid grazzi lil Perit Mintoff ta’ dak kollu li għamel”.
Dalgħodu mistenni jitpoġġew fjuri mad-dar f’Bormla fejn twieled Bormliżi li lbieraħ għamlu kuntatt ma’ l-orizzont qalulna li dalgħodu fid-9.00, għandha ssir attività u din se tkun tikkonsisti billi l-Kap tal-Oppożizzjoni, Dr Joseph Muscat ipoġġi fjuri mad-dar fejn twieled il-Perit Mintoff.

Is-sindku ta’ Bormla, Joe Scerri f’kumment li għadda qal li “perit bid-dmugħ f’għajnejja niżżilt ritratt li tant hu għal qalbi, għalkemm għandi bosta ritratti miegħek. Grazzi ta’ dak kollu li għamilt għalina ‘l ħaddiema. Kemm ħdimt għal qalbi meta kont issejħilna biex induru miegħek fid-distrett. Kont inħossni onorat li naħdem għalik”.

 

 

 

 

– l-orizzont : It-Tlieta, 21 ta’ Awwissu, 2012

,

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *