Life must go on


Wara mewta ta’ xi ħadd mill-qrib, wara n-niket u t-tifkiriet li ġġib magħha, jkun wieħed mill-familja li normalment jqajjem lil dawk kollha li jkunu mitlufa fil-ħsibijiet  u nostalġiji u jgħidilhom li issa hu dmir ta’ kulhadd li jistenbaħ u jibda jħares ’l quddiem, lejn il-futur, għaliex bħal ma ngħidu bl-Ingliż life must go on. Il-messaġġ tal-mexxej tal-Partit Laburista Dr Joseph Muscat għall-Kungress tal-Partit ma setax isir f’ħin aktar f’waqtu.

 

 

Imma nistgħu nħarsu lejn il-futur mingħajr il-passat? Kif u kemm għandna nħarsu lejn il-passat? Nisimgħu li l-passat mhuwiex mera tal-futur, iżda fl-istess ħin l-istoriċi jgħidulna li l-passat qiegħed hemm biex jgħallimna.

Tul dawn l-aħħar ħamsin sena l-ekonomija Maltija rat tibdiliet kbar. Strutturalment l-ekonomija tbiddlet għal iktar minn darba. Għalqu setturi u fetħu oħra. Sirna membri tal-Unjoni Ewropea u anke taż-żona ewro. Tbidlet s-sistemi ta’ kif nivvalutaw ir-rata tal-kambju. Iddaħħlet il-VAT. Neħħejna l-levies u neħħejna jew baxxejna t-tariffi fuq oġġetti u servizzi mpurtati. L-ekonomija saret iktar miftuħa, tħares il-barra iktar minn ġewwa. Saret ukoll iktar vulnerabbli għax-xokkijiet internazzjonali. Iżda fl-istess ħin bħal ma jiġri fil-ġungla, dik l-attivita’ ekonomika li tibqa ħajja tkun iktar b’saħħitha għax id-dgħajfa ma jkunux għadhom magħna.

X’ma tbiddilx?

Id-dipendenza fuq iż-żejt għall-użu tal-enerġija għadha llum bħal ma kienet il-bieraħ. L-iskarsita’ tal-ilma mhux biss ma tbiddlitx iżda marret għall-agħar. Il-ħolqien tax-xogħol għadu diffiċli daqs qabel, b’pajjiżna jkarkar fost l-aħħar pajjiżi fl-Unjoni Ewropea f’dak li hu proporzjon tal-popolazzjoni li taħdem.

Li ma tbiddilx ukoll hu l-bżonn tal-għaqal fit-tmexxijja tal-finanzi tal-pajjiż. Illum l-Unjoni Ewropea issejjħilha governanza ekonomika tajba. Il-prinċipji għadhom l-istess. Twegħidx iktar milli tiflaħ tqassam. Tonfoqx iktar milli għandek. Tiddejjinx għal proġetti fiergħa u li ma jirrendux. Iktar minn hekk. Tiddejjinx għal spejjeż kurrenti.

Dawn il-prinċipji ta’ tmexxija ekonomika għaqlija kienu, għadhom, u jibqgħu magħna.

Iblah hu dak il-gvern li jaħseb biss fil-lum qisu għada ma jiġix. Irresponsabbli hu dak il-gvern li biex jingħoġob jonfoq u jitfa’ l-piż tal-ħlas fuq ġenerazzjoni futura li għadha żgħira biex tifhem u titkellem, jew għadha ma twelditx. Il-poplu jkollu par idejn sodi fil-finanzi meta dawn l-affarijiet jieqfu jsiru.

Jekk gvern ġdid jiret biss dejn kbir, inutili jħares lejn il-passat u jisħet x’wiret. Irid irabbi l-kuraġġ u jħares ’l quddiem. U fejn hemm bżonn jibni mill-ġdid. Jibni kultura ġdida fejn il-pajjiż ma jibqax jemmen fil-ħolm u l-wegħdiet fiergħa. Huwa nsult, per eżempju, li kull elezzjoni għal dawn l-aħħar għoxrin sena l-poplu tiddendillu t-tama li jinstab iż-żejt. Il-ġid jiġi mix-xogħol u l-għaqal biss. Id-dejn inwaqqawh bil-mod permezz tat-tkabbir ekonomiku. Il-lotteriji jistgħu xi darba jintrebħu iżda ħadd ma jibbaża l-futur tal-familja fuqhom.

Meta jerfa’ rasu l-qgħad spiċċa ż-żmien li tipproteġih billi tipprojbixxi l-importazzjoni, għax dan imur kontra r-regoli tas-suq wieħed tal-Unjoni u lanqas hu aċċettabli internazzjonalment.

Diversifikazzjoni u kompettitivita’

Fis-sitwazzjoni ta’ Malta bħala membru tal-Unjoni Ewropea u taż-Żona Ewro u bil-qagħda ħażina ekonomika u finanzjarja internazzjonali wieħed jista jsaqsi gvern Malti x’jista jagħmel biex itejjeb il-qagħda ta’ pajjiżna?

Wieħed għandu jżomm f’moħħu li Malta kienet u għadha ekonomija miftuħa. Miftuħa tfisser illi meta tikkompara ma’ ekonomija oħra fl-Unjoni Ewropea jew fid-dinja ssib illi timporta proporzjon kbir, wieħed mill-ikbar fid-dinja. In-naħa l-oħra tal-munita tfisser illi biex inti tgħix u tkun ekonomikament indipendenti trid bil-fors tesporta.

Għandek tbiegħ kull ħaġa li tista tagħmel. Għalhekk ngħidu li l-pajjiż għandu jiddiversifika. Ibiegħ sew oġġetti manifatturati. Qatt ma nistgħu ngħidu li din ma tagħmilx sens u għalhekk irriduha li tagħlaq. Issaħħaħ l-industrija tat-turiżmu għaliex gżiritna għandha faċilitajiet u riżorsi għaliha. L-istess għall-industrija tas-servizzi finanzjarji li jħaddmu ħafna mill-gradwati tagħna. Fl-aħħar nett inkomplu nisfruttaw il-pożizzjoni strateġika tagħna billi mal-Freeport inwessaw l-industrija tas-servizzji marittimi.

Fuq kollox niftakru li dwar ir-riċessjoni li għandna fiż-żona u li qed taffetwana ħażin ma nistgħu nagħmlu xejn dwarha. Niftakru wkoll li billi qegħdin fiż-żona ewro b’munita waħda, r-rata tal-kambju hija fissa bejn il-pajjiżi taż-żona u l-bieb għal xi ċaqlieq favorevoli hu magħluq.

Għalhekk ma nifqux nisħqu fuq il-kompettitivita’?

L-unika ħaġa li baqa’ f’idejna huma l-prezzijiet ta’ dawk l-oġġetti u servizzi li nesportaw. Meta nkunu kompetittivi iktar minn ħaddieħor nesportaw iktar.

Futur

Għal din ir-raġuni l-inflazzjoni hi l-ikbar għadu ta’ pajjiżna mit-tieni gwerra ’l hawn u iżjed u iżjed minn mindu li dħalna fl-ewro. Bħalma nħobb ngħid ma tistax tmur tbiegħ fuq il-monti u tippretendi li tagħmel suċċess jekk jfettillek tgħolli il-prezz tal-jeans b’xi għaxra fil-mija għola mis-suq.

L-aħbar li r-rata ta’ inflazzjoni f’pajjiżna qegħda kważi d-doppju tal-medja fl-Unjoni hi ta’ ħsara kbira. Irridu nbaxxu r-rata tal-inflazzjoni ħalli nibqgħu kompettitivi. Il-gvern għadu l-anqas biss spjega għaliex l-inflazzjoni hi għola minn ta’ barra, aħseb u ara kemm bena strateġija biex iniżżilha. Baqa’ sieket. Mifxul bil-problemi interni tiegħu u għajnejh biss fuq l-elezzjonijiet li ġejjin.

Għall-kuntrarju bħala poplu Malti qed nitolbu li nkunu iktar magħqudin u ffukati fuq il-futur tagħna u ta’ uliedna. Huwa d-dmir tal-Partit Laburista li jgħin li jsir dan għal ġid tal-Maltin u Għawdxin kollha.

 

 

 

– l-orizzont : It-Tnejn, 3 ta’ Settembru, 2012


Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *