Il-‘Lobbying’


F’dawn l-aħħar jiem l-Unjoni Ewropea u partikularment Malta nħasdet mhux ftit bl-aħbar xejn mistennija tar-riżenja tal-Kummissarju tas-Saħħa u l-Konsumatur John Dalli. Inkun prużuntuż li nidħol fil-merti tal-akkuża jew riżenja. Pero’ s’issa smajt biżżejjed biex nikkonkludi li daqskemm kien hemm allegatament irregolaritajiet minn naħa tal-Kummissarju daqshekk ieħor hemm irregolaritajiet u mistoqsijiet minn naħa tal-investigazzjoni. Dan qed ngħidu b’ċertu responsabilita’ wara li attendejt  sagħtejn laqgħa tal-Budget Control Committee li sar in camera fi Strasburgu mal-Kap tal-OLAF Giovanni Kessler.

Nisperaw li dawn-il ħafna mistoqsijiet jiġu ċċarati għall-benefiċċju ta’ pajjiżna li qala’ daqqa ta’ ħarta kbira mhux mistennija. Fil-frattemp  għandna nħallu l-każ f’idejn l-awtoritajiet kompetenti jieħu l-proċess tiegħu.

Involuti fil-kwistjoni hemm l-industrija tat-tabakk fir-rwol tagħhom ta’ lobbyist. Il-lobbyist li jistgħu ikunu persuni jew organizazzjonijiet, xogħolhom hu li jinfluwenzaw il-leġiżlaturi biex l-liġijiet kemm jista jkun ma jweġġawhomx jew aħjar jaġevolawhomx. Fil-qafas tal-Unjoni Ewropea il-leġizlaturi huma ħolqa bejn il-Kummissjoni, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Ministri.

Kull liġi li ssir ser taffetwa lill-individwu, lill-familja jew lin-negozju żgħir jew kbir. F’demokrazija ma’ hemm xejn ħażin, anzi huwa importanti illi tingħata l-informazzjoni kollha lill-leġiżlatur dwar l-impatt li abbozz ta’ liġi jkun ser iħalli fuq xi settur jew is-soċjeta’. Hekk fil-qasam ekonomiku u soċjali għandna organizzazjonijiet bħal ma hi l-MCESD fejn il-unions u l-employers f’pajjiżna jiddiskutu u jaslu biex b’mod trasparenti u apert jinfluwenzaw lill-gvern fil-politika ekonomika tiegħu.

Għandna ħafna għaqdiet, assoċjazzjonijiet, federazzjonijiet u bodies oħrajn li xogħolhom huwa li jaraw li l-liġijiet ma jittrattawx ħażin l-attivita’ tal-membri tagħhom. Kull rapport, sottomissjoni, konferenza, laqgħa, u attivita’ simili tista’ issejjħilha lobbying. Dan huwa kollu leċitu u hu parti mill-proċess demokratiku ta’ pajjiż.

Maż-żmien dan il-lobbying qed isir iktar organizzat u ffinanzjat bil-kbir, b’uffiċji sħaħ u nies imħallsa tajjeb full time biex jipprattikaw dan il-Lobbying. Fi Brussell għandna madwar ħamest elef entitajiet reġistrati u wieħed jikkalkula li hemm tlett darbiet iktar oħra għadhom mhux reġistrati. Tista’ timmaġina aħna kif inkunu litteralment assedjati bit-talbiet għal laqgħat u eluf ta’ emails li nirċievu kull ġimgħa. Dan isir l-iktar meta tkun qed taħdem fuq xi rapport partikulari li jmiss ma’ xi industrija kbira bħal ma hi tal-farmaċewtika, tat-tabakk, taż-żejt, u tas-servizzi finanzjarji.

Dawn l-industriji kbar u enormi, għandhom saħħa qawwija. Huma jippruvaw jipperswadu billi jsibu l-aqwa xjentisti u ekonomisti li jibnulhom rapporti konvinċenti b’simpatija lejn l-attivita’ jew prodott tagħhom. Hawnhekk wieħed isaqsi, imma l-liġijiet eżattament min qiegħed jagħmilhom?

Huwa għalhekk li NGOs li huma speċjalizzati fit-trasparenza’ ta’ dan il-proċess huma inkwetati dwar abbużi li jistgħu isiru u l-biża’ li l-liġijiet huma influwenzati u monopolizzati  minn dawn l-industriji l-kbar għas-skapitu taċ-ċittadin iż-żgħir.

Għalhekk huwa tajjeb li dawn l-entitatijiet għandhom jkunu rregolarizzati billi jirreġistraw lilhom innifishom, u dan mhux biss b’mod volontarju kif inhu bħalissa. Kull laqgħa li MEP jagħmel fil-parlament jew barra huwa fl-interess tiegħu illi jinforma lill kullħadd dwaru u ma jkun hemm xejn ħabi dwar dawn il-laqgħat.

Importanti wkoll illi l-membri parlamentari ma’ jkollhomx konflitt ta’ interessi u meta dan iseħħ dan jiġi iddikjarat b’mod miftuħ. Ma’ tistax li inti taħdem ma’ industrija u mbagħad tipprova tiffavorixxiha billi tipprova tagħmel emendi li tivvantaġġjaha. Huwa importanti li membru parlamentari jiddikjara ir-rabtiet li jkollu permess ta’ ħlas jew remunerazzjoni minn xi entita’ sew qabel u sew waqt li jkun qed iservi fil-Parlament.

Il-flus  jew r-rigali li taqla’ iridu jkunu kollha dikjarati u jekk ikunu ta’ ċertu valur trid tirritornahom lill-Parlament Ewropew. B’hekk inti tara li l-interess pubbliku jasal għalih il-membru parlamentari mhux billi jiġi nfluwenzat bil-forza u bis-saħħa imma billi jisma’ lil kullħadd, jgħarrbel sew dak li jisma’ u jaqra u imbagħad jiddeċiedi. Kull rapport, opinjoni jew amenda għanda vera tkun fl-interess pubbliku.

Kif għandu allura Ewroparlamentari jġib ruħu fil-konfront tal-Lobbyists? Kullħadd għandu l-istil tiegħu.  Pero jekk ikolli nagħti parir għal min ma jridx jidħol għal riskji, għaliex nafu kif din il-prattika taf iġġibek f’inkwiet kbir,  wieħed għandu jżomm ma’ ċerti prinċipji. L-ewwel nett huwa li l-aħjar li tiltaqa’ mal-lobbyist fil-miftuħ, idejalment fil-preżenza ta’ membri parlamentari oħrajn, bħal ma jsir f’konferenza u mhux fil-magħluq. It-tieni nett jekk dawn għandhom x’jgħidulek ikun aħjar li jintbgħat bil-posta permess ta’rapport jew pubblikazzjoni simili. Ma hemmx għalfejn jiġu fil-kamra tiegħek u jippruvaw jgħamlulek brainwash biex ngħidu hekk u jitfgħu pressjoni żejda fuqek.

Bħala post l-aħjar hu fil-Parlament Ewropew stess u mhux f’restaurant jew post simili ieħor. Huwa tajjeb li żżomm reġistru ta’ meta u ma’ min iltqajt u dan meta jsir ikun pubbliku. Tieħu parir meta tiġi mistieden xi konferenza u tiġi offrut biljett ta’ l-ajru b’xejn, jew xi rigal simili.

Jiena naħseb li dawn huma l-prinċipji li jressqu lejn it-trasparenza u jnaqqsu l-konflitt ta’ interess.

 

 

– l-orizzont: It-Tnejn, 29 ta’ Ottubru, 2012

,

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *