WIEĦED vs. L-IEĦOR – Budget 2013 – illum


1. Kif tiddeskrivi l-budget 2013 fi tliet sentenzi?

 

Bħall-bridge tal-Belt li ma jwasslek imkien, dan il-baġit hu surreali għall-aħħar. Ħadd ma hu żgur fejn se jeħodna. Minflok serraħ moħħ in-nies iktar ħoloq ansjetà.

 

2. Dan hu baġit tal-elezzjoni u allura hu baġit li jixtri lill-elettorat? Jew hu baġit li jindirizza tassew ir-realtajiet ekonomiċi ta’ pajjiżna?

 

Biex tixtri lil elettorat trid tagħtihom xi ħaġa. Dan il-baġit ma jagħti xejn. Iwiegħed biss, u jitlob lil ħaddieħor, jiġifieri amministrazzjoni suċċessiva, biex iwettaqhom. Biex tindirizza r-realtajiet ekonomiċi tal-pajjiż trid l-ewwel tirrikonoxxihom u wara tevalwahom. Dan jirrikjedi analażi oġġettiva tal-ekonomija settur settur u mhux minn lenti kkulurita għall-aħħar, sew b’dak li hu sejjer tajjeb u dak li mhux. Dan jgħin lill-Gvern biex iħaddem il-politika fiskali b’mod li jżid l-effiċjenza u jixpruna t-tkabbir ekonomiku. Hemm bżonn ukoll ikollna stampa reali tattqassim tal-ġid tal-pajjiż sew qabel ma jitħallsu t-taxxi u jintbagħtu l-benefiċċji soċjali u sew wara. Din essenzjali għal kull Gvern biex iħaddem politika fiskali ekwa. Fl-aħħar hemm bżonn li jkollna stampa tal-qafas baġitarju u d-dinamika tad-dejn biex juri kif il-miri finanzjarji jistgħu jintlaħqu. L-ebda baġit f’dawn l-aħħar 10 snin ma niftakru jagħmel dan. Sfortunatament Malta lanqas ma għandha Think Tank jew istituzzjoni simili li għandha r-riżorsi biżżejjed li tagħmel dan b’mod indipendenti mill-Gvern.

 

3. Kemm kien jagħmel sens li jkun ippreżentat dan il-baġit meta hemm cans kbir li ma jgħaddix u jaqa’ l-Gvern?

 

Meta Gvern jara li m’għandux maġġoranza fil-Parlament biex imexxi u jgħaddi l-liġijiet, għandu jmur għand il-poplu biex jagħti l-ġudizzju tiegħu dwar min irid li jmexxih. Il-baġit għandek tressqu meta jkollok il-fiduċja tal-poplu li jtellgħek fil-Gvern b’maġġoranza adekwata biex taħdem.

 

4. X’inhuma l-akbar difetti li għandu dan il-baġit?

Li l-qafas baġitarju tiegħu jmur lura ’l hinn minn dak li kien ippjanat fuq medda ta’ snin u miftiehem u maqbul mal-Kummissjoni Ewropea, mal-Fond Monetarju Internazzjonali (IMF) u t-tliet Rating Agencies – Standard & Poors, FitchIbca u Moodys. Hu inkongruwenti li tara l-piż tat-taxxi jiżdied meta dan kien imwiegħed li kellu jonqos. L-istess għallispiża li kellha proporzjonalment tonqos u spiċċat tikber f’dan il-baġit. Rigward l-premessa li fis-sena li ġejja bit-tkabbir ekonomiku previst il-Gvern jista’ jdaħħal €195 miljun iżjed minn din-sena fi dħul mit-taxxi, din tinħass ottimista żżejjed. Jekk din ma sseħħx naraw id-deficit u d-dejn ma jilħqux il-miri stabbiliti għalihom. Dan ma jfissirx li minnu nnifsu dan il-baġit ma hux sostenibbli. Dan għad irridu naraw meta jiġi eżaminat bir-reqqa mill-UE fil-kuntest tar-regolamenti l-ġodda tagħha.

 

5. Impossibbli li dan il-baġit kellu kollox ħażin. X’inhuma dawk il-punti f’dan il-budget li fl-opinjoni tiegħek jagħmlu sens u li l-partit tiegħek għandu jikkunsidrahom kieku jkollu l-opportunità li jagħmel dan?

 

Jekk il-premessa li dan il-baġit għassena 2013 ġie evalwat u approvat mill- Kummissjoni Ewropea hi ssostanzjata, mhemmx raġuni għaliex il-Partit Laburista kieku kellu jkun fil-Gvern ma jattwahx. Ikun impossibbli li jibni qafas ġdid u ma joħloqx kaos ekonomiku u soċjali fil-pajjiż. Hu fiżikament impossibbli li jagħmel xi tibdil drastiku f’nofs is-sena meta fil-bidu tagħha hu jkun mistenni mill-Kummissjoni Ewropea li jressaq il-qafas baġitarju għas-sena ta wara, jiġifieri fl-2014 fl-ewwel tliet xhur tas-sena d-dieħla. Ħadd ma jirrealizza li tibdil ta’ qafas baġitarju jieħu l-parti l-kbira tas-sena.

 

6. Dan il-baġitt kien wieħed tajjeb fejn jidħol l-ambjent? Fejn falla fil-miri ambjentali?

 

Bħas-settur tal-enerġija, is-Saħħa, l-edukazzjoni u t-trasport, l-ambjent irid ippjanar serju b’konsultazzjoni wiesa’ mal-poplu, mal-esperti u mal-industrija nnfisha. Dan il-proċess narah dgħajjef għall-aħħar f’pajjiżna u għalhekk sikwit naqgħu lura fil-mira tagħna. Jekk ma tistqarrx fejn il-pajjiz wasal u fejn baqagħlu jimxi kif tista’ tgħid jekk il-miżuri mħabbra humiex adegwati. L-informazzjoni li l-Gvern jgħaddi lill- Kummissjoni, inkluża dik fuq l-arja, skart, ħsejjes u enerġija alternattiv,a hi skarsa ħafna. Il-miri ambjentali għalhekk ma jintlaħqux.

 

7. Ħafna qed jifirħu li f’dan il-baġit il-Gvern semma li se jdaħħal (anke jekk b’mod mifrux sal-2015) il-wegħda li jitnaqqsu t-tax bands minn 35% għal 25%. Tagħmel sens fil-mod kif qed jipproponiha jew daħka fil-wiċċ meta suppost il-poplu ilu jgawdi minn din il-wegħda minn tal-inqas ħames snin?

 

L-ironija li nara jien tirrigwardja li fl-istess sena li l-Gvern jixtieq idaħħal din ilmiżura parzjali li tħaffef il-piż tat-taxxi minn sezzjoni waħda tas-soċjetà Maltija, xi ħaġa li hi pożittiva fiha nnfisha, qiegħed jgħabbi l-pajjiż b’taxxi diretti u indiretti li jammontaw għal 20 darba iżjed. Wieħed irid jara b’mod ta’ għodda statistiċi kif iddistribuzzjoni tad-dħul wara t-taxxa ġie affettwat.

 

8. Dan hu sempliċiment baġit jew għandu jitqies bħala l-manifest elettorali tal- Partit Nazzjonalista u bażi li fuqu l-partiti politiċi l-oħra jqabblu u jagħmlu wegħdi differenti u aħjar?

 

Meta tara dan il-baġit fil-kuntest ta’ dak kollhu li qed jiġri madwarna hu diffiċli ħafna biex ma tasalx għall-konklużjoni li dan il-baġit ma kienx imnebbaħ prinċipalment min, konsiderazzjonijiet elettorali. Biss programm elettorali mhuwiex biss program ta’ sena iżda huwa roadmap għall-ħames snin tal-leġiżlatura kollha. Nista’ ngħid li l-programm elettorali tal-Partit Laburista se jagħti direzzjoni ġdida li l-pajjiż qed jistenna minnu.

 

9. Jekk il-Gvern jaqa’ u l-partit tiegħek jirbaħ l-elezzjoni ġenerali li jmiss ma’ liema punti ta’ dan il-baġit iħoss li għandu jintrabat u liema punti, assolutament jemmen li għandhom jitħallew barra?

 

Bħalma diġa’ stqarr Joseph Muscat, il-Partit Laburista jekk kemm-il darba jingħata il-fiduċja tal-poplu se jkun qiegħed iżomm dawk il-miżuri li taw xi benefiċċju lil xi sezzjoni tal-poplu. Fil-qafas leġiżlattiv li se żomm hemm spazju biżżejjed biex jimraħ u jagħti direzzjoni ġdida. Dan japplika sew għas-Saħħa, għall-edukazzjoni, għallenerġija u s-setturi oħra.

 

10. Bħala kandidat fl-elezzjoni ġenerali li jmiss, x’kienu jkunu dawk il-miżuri li kont iddaħħal fil-baġit u li dan il-Gvern naqas li jinkludi?

 

Billi dawn il-miżuri kont tħadditthom fil-Parit bħala parti mill-qafas tal-Manifest Elettorali dawn se jitħabbru mill-Parit fil-ħin opportun.

 

 

– illum : Il-Ħadd, 2 ta’ Diċembru, 2012


Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *