Benefiċċju garantit


Nhar l-Erbgħa li għad­da l-Parlament Ewro­pew approva b’maġ­ġo­ranza kbira rapport li tres­saq mill-Kumitat tal-Kosti­tuzz­joni (AFCO) wara li l-Kumitat tagħna (ECON) konna approvajna u għaddejnielu opinjoni li tagħha kont ‘co-rap­porteur’. Ir-rapport jittrat­ta dwar tibdil fit-Trattat tal-Unjoni Ewropea (UE). Tibdil li wara li ġie maqbul mill-Kunsill, l-għada, bih se jkun jista’ jitwaqqaf mekkaniżmu ta’ stabbiltà permanenti li qed jissejjaħ European Stabi­lity Mechanism (ESM). Se jin­tuża f’każ li xi pajjiż membru taż-Żona Ewro jsib ruħu f’xi kriżi finanzjarja u ekonomika u b’hekk jhedded l-istabili­tà taż-Żona Ewro. Ivvotaw fa­vur ir-Rapport 494. Kien hemm 100 kontra u disa’ astensjonijiet.

Is-sodisfazzjon kbir tiegħi b’dan il-vot huwa dovut għall-fatt li dan il-mekkaniż­mu, aħna fil-Parlament irnex­xielna nbiddlulu s-sura tie­għu minn dik li oriġinalment kif propost mill-Kunsill f’Di­ċembru li għadda. Dakinhar kien wisq xott u inflessibbli. Kien qed jagħti l-impressjoni li kien l-bidu u t-tmiem biex jagħlaq ħalq is-swieq finanzjarji internazzjonali li bdew jheżżu l-pedamenti taż-Żona Ewro. Li kien għal Angela Merkel il-fond temporanju kellu jagħlaq fl-2013 u l-istorja kellha tieqaf hemm. Meta s-swieq urew li dan mhux aċċettabli l-Gvern ta’ Merkel kellu jdawwar ħsiebu u jipproponi li jitwaqqaf mekkaniżmu permanenti.

Kien hemm però intoppi legali u politiċi fil-Ġermanja. Merkel sostniet għalhekk li jinbidel it-Trattat biex isserraħ rasha. Kien għalhekk fuq instigazzjoni tal-Ġermanja li kienet qiegħda tingħata l-im­pressjoni fil-Kunsill li ma kienx hemm triq oħra ħlief li jinbidel it-Trattat.

If-fatti kienu juru mod ieħor. Esperti legali fil-Parlament kienu tal-fehma li kien hemm toroq oħra u interpretazzjonijiet ta’ partijiet oħra tat-Trattat li setgħu ntużaw biex jitwaqqaf dan il-Fond jew mekkaniżmu mingħajr il-proċess riskjuż li jinbidel it-Trattat. Il-Ġermanja, li hi l-ikbar pajjiż u għalhekk l-ikbar kontributur għal dan il-mekkaniżmu, riedet mod ieħor għax beżgħet li tiġi mfittxija fil-qrati tagħha. Is-16-il pajjiż l-ieħor baxxew rashom u ċedew għal dan il-proċess.

Il-Kunsill iddeċieda wkoll xi ħaġa kontroversjali li tmur kontra l-prinċipju komunitarju li s’issa kulħadd kien jaħseb li fuqu kien se jimxi kull mekkaniżmu. Dan kien li dan il-mekkaniżmu ta’ stabbiltà jitmexxa biss mill-Membri Stati tal-Unjoni Ewropea jiġifieri f’idejn il-Kunsill. Il-Parlament se jitħalla barra u l-Kummissjoni tkun speċi ta’ osservatur. Mhux ta’ b’xejn li aħna fil-Parlament kellna ħafna oġġezzjonijiet.

Dwar il-kliem speċifiku li kellu jidħol jien ukoll ħassejt theddida. Biex tbigħ dan il-Fond lill-poplu Ġermaniż Merkel insistiet li l-flus jiġu msellfa BISS jekk l-istabbiltà taż-Żona Ewro sħiħa kellha tiġi mhedda. Fil-fatt dokument li għaddewli baxx baxx mill-Kunsill dwar kif kien bi­ħsiebu jitħaddem dan il-mek­kaniżmu kien jgħid li pajjiż fiż-Żona Ewro li jiġi bżonn self minn dan il-fond ried jipprova biċ-ċar li ż-Żona sħiħa kienet qed tiġi mhedda mill-kriżi ta’ pajjiżu. Jekk ma jir­nexxilux jagħmel dan jibqa’ b’xejn. Dan għall-Ġermanja kien prinċipju fundamentali li ġie mwiegħed lill-poplu Ġer­maniż.

Jien ħassejt li l-Kunsill kien qed jitkellem b’żewġt iħluq. Min-naħa jitkellem fuq solidar­jetà għal kull pajjiż tal-ewro, u min-naħa l-oħra l-kliem propost fit-Trattat jgħid mod ieħor. U biex jikkonferma dan, Shauble, il-Ministru tal-Finanzi Ġermaniż f’laqgħa li jiena u sħabi kellna miegħu, ikkonferma l-istess intenzjoni tal-mekkaniżmu permanenti – li l-Fond qiegħed hemm mhux għax il-membru stat jaqa’ fi kriżi imma għax l-is­tabbiltà taż-Żona tiġi mhedda.

Kif kien qed jiġi ssuġġerit mhux talli ma kienx jgħin lil pajjiżi żgħar bħal Malta li jistgħu jsibu ruħhom fi kriżi, talli konna se nispiċċaw f’sitwazz­jo­ni fejn nikkontribwixxu bil­fors għal dan il-fond u ma kien se jkollna ebda garanzija li nistgħu nibbenefikaw minnu f’każ ta’ bżonn. Dan peress li kbira kemm tkun kbira l-problema għal Malta, diffiċli ferm li din se tiddistabilizza liż-Żona Ewro kollha kemm hi.

L-ESM se jkun forma ta’ assigurazzjoni. Assigurazzjoni li ħadd ma jkun jixtieq jiġi bżonn­ha. Bħal kull assigurazzjoni oħra, kemm jekk hi fuq karozza, fuq darek, fuq ħajtek. Ħadd ma jkun irid li jiġrilu xi deni biex imbagħad jirrikorri għand il-kumpanija tal-assigurazzjoni! Tkun ġennata.

Is-sodisfazzjon tiegħi joħroġ mill-fatt li issa din l-assigurazzjoni – l-ESM – li għali- ha Malta se tkun qiegħda tikkontribwixxi finanzjarjament, ISSA se tkun qed tiggarantixxi wkoll. Sa FTIT ĠIMGĦAT ilu dan ma kienx il-każ.

Irrid ngħid li kellu jsir ħafna xogħol biex din is-sitwazzjoni ma tibqax kif proposta. Irnexxieli nikkonvinċi lill-grup­pi politiċi prinċipali fl-ECON u ġie approvat tibdil li kont qed naħdem għalih jien. Sadattant kellhom isiru negozjati oħra fi ħdan l-AFCO u minn hemm irnexxielna ngħaddu wkoll.

Mal-Kunsill ma kienx daqs­tant faċli għax għal kull suġ­ġeriment ried ikun hemm il-kunsens ta’ Shauble li kien jintbagħtlu kollox, imma finalment wasalna għal kompromess. Dan il-kompromess fil-fatt ġie approvat il-Ħamis fil-Parlament u l-għada l-Ġim­għa fil-Kunsill. Skont ma qalli l-konsulent tal-President Van Rompuy, Richard Corbett, dan il-kompromess se jkun an­ness mat-Trattat. Il-paragrafu tiegħi jgħid li kull membru stat taż-Żona Ewro, u li allura l-munita tiegħu hija l-ewro, u li se jkun qed jikkontribwixxi għal dan il-mekkaniżmu (ESM), ikollu aċċess għalih, indi­pendentement mid-daqs tiegħu.

Bħala kapital bażiku l-ESM se jkollu €80 biljun u €620 biljun f’garanziji. Biex iżomm ir-rating AAA, il-linja ta’ kredi­tu ma taqbiżx il-€500 biljun. L-ESM jidħol fis-seħħ fis-sena 2013, u se jkunu qegħdin jik­kon­tribwixxu għalih is-17-il pajjiż membru taż-Żona Ew­ro.

Huwa ovvju li tqum il-mistoqsija: kemm se jikkontrib­wixxi kull pajjiż membru taż-Żona Ewro għal dan il-mek­kaniżmu? Kull pajjiż se jikkon­tribwixxi parti waħda skont il-Prodott Gross Domestiku (PGD) u parti oħra skont il-popolazzjoni tiegħu. Il-pajjiżi żgħar l-inqas żviluppati jippreferu għax jaqblilhom li kieku jikkontribwixxu skont il-PGD biss. Fil-fatt Malta, Ċipru, l-Estonia u s-Slovakkja talbu li l-formula fil-każ tagħ­hom tiġi kemm xejn immodifikata biex ma jiġux ippenalizzati. Dan fil-fatt ġie aċċettat. Malta se tħallas is-somma ta’ €56 miljun.

Fuq dawn il-flus ikun qed jittieħed l-imgħax, iżda l-punt huwa li qed tieħu sogru. Jekk, kif ħafna qed ibassru, il-Greċja u l-Irlanda jkollhom jirristrutturaw id-dejn tagħhom, dan ifisser li min isellef ikollu jsofri xi perċentwal ta’ telf fuq is-self li jkun għamel lil dawn il-pajjiżi.

Għandu jingħad bl-aktar mod ċar li l-ESM se jkun qiegħed hemm biex jgħin u biex isellef il-flus lil dak il-pajjiż li ħadd ma jrid li jsellfilhom, u mhux se jkun qed isolvi l-problemi ekonomiċi tal-pajjiż. L-ekonomija biex tqum fuq saqajha trid aktar min hekk. Kif fissirt id-darba l-oħra hu maħsub li dawk li jkunu waqgħu fi kriżi se jkun hemm lest għalihom sanzjonijiet kbar. Żid magħ­hom li dan is-self mill-ESM se jsir fuq “kundizzjonalitajiet stretti”. Dan il-kliem li l-Ġermanja insistiet li jitpoġġew fit-Trattat ifissru li meta jingħata s-self il-pajjiż jin­trabat li josserva programm ta’ awsterità li bħalu ntrabtu l-Greċja u l-Irlanda, reġim ta’ tbatija li ma jiggarantixxix qawmien ekono­mi­ku ta’ malajr. Mhux ta’ b’xejn li ħadd ma jrid juża dan il-Fond ta’ stabbilità.

Għalhekk fid-dibattitu fil-kumitat tiegħi kont għedt li ma jagħmilx sens li l-Ġermanja qed tagħmilha diffiċli li pajjiż jibda juża dan il-mekkanizmu ta’ stabbiltà bil-kliem “activated, if indispensable” meta llum nafu li ħadd ma jrid jużah minħabba r-riperkussjonijiet negattivi tiegħu.

Sadanittant l-ESM issa jonq­su jikseb l-approvazzjoni ta’ kull Parlament Nazzjonali tal-pajjiżi membri tal-UE.

Ftit tal-ġimgħat ilu kont ġejt ikkritikat fil-Parlament Malti talli kont qed nistin- ka biex pajjiżna mhux biss jikkontribwixxi għall-ESM, ikun x’ikun l-ammont, im­ma jkun assigurat li f’każ ta’ bżonn din l-għajnuna jfittixha u jsibha. Kont ikkritikat għax skont il-Prim Ministru kont qed nagħti l-impressjoni li Malta setgħet qiegħda f’xi periklu! Bħalma jgħidu l-Ingliżi “The less said the better”. Pajjiżna ħa dak li kien jixraqlu. Nisperaw li t-tagħlima li nitkellmu meta jkollna raġun, żgħar kemm aħna żgħar, neħduha darba għal dejjem.


Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *