L-ekonomija ma tkejjilhiex fuq għajnejk


NIFTAKAR żmien ilu meta xi ħbieb tiegħi l-għada tal-‘meetings’ politiċi waqt kampanja elettorali kienu joqogħdu jxebbħu r-ritratti kbar li jiġu ppubblikata fuq il-ġurnali lokali biex jaraw liema partit kellu l-iżjed nies li attendew.

Dan kienu jagħmluh biex irabbu l-kuraġġ li se jirbħu l-elezzjoni ta’ dak iż-żmien. Illum nafu li dan ma jgħodd xejn għax fil-verità dawk li jiddeċiedu l-elezzjoni huma dawk li joqogħdu d-dar, ma huma marbuta mal-ebda karru politiku u jiddeċiedu fl-aħħar lil min se jagħtu l-vot tagħhom.

L-istess għall-ekonomija. Ħafna jaħsbu li l-andament ekonomiku se tarah preċiż fuq għajnejk. Wieħed minn dawn hu l-Prim Ministru.

Dejjem itambar li l-eko­nomija sejra tajba ħafna u li kollox miexi sew. U biex jipprova dan jikkwota ċerti figuri li jidhru rraġunati imma meta teża­minahom issibhom superfiċ­jali għall-aħħar u qegħdin hemm biex jiżgwi­daw.

Jgħidilna biex inħarsu lejn l-Università u nitgħaxxqu bin-numru ta’ studenti deħlin u ħerġin minn din l-istituzzjoni terzjarja.

Araw kemm saru grad­wazzjonijiet tul dawn l-aħħar ħames snin. Jgħidilna li saru xi 20,000 grawdazzjoni, jekk mhux qed niżbalja.

Din tal-20,000 mhux fl-impjiegi ġodda biss tidħol. Forsi xi kumbinazzjoni. Dwar l-is­kejjel jgħidilna li bena skola kull sena.

L-istess għall-Isptar Mater Dei. Jgħidilna ħarsu kemm operazzjonijiet isiru kull sena. Biss biss din is-sena lħaqna il-figura ta’ 45,000.

Kultant hu jew sħabu jsemmu r-restoranti wkoll. Morru nhar ta’ Ħadd u tara­hom imburġati bin-nies jieklu mal-familji tagħhom.

U fl-aħħar nett nisimgħu wkoll li kull darba l-Gvern jiddejjen eluf ta’ Maltin tara­hom bi ħġarhom jixtru mil­juni ta’ ewro f’bonds tal-gvern.
Dan mhux kollu ġid li ma jista’ jmerih ħadd?

Kellu bżonn l-ekonomija titkejjel b’dan il-mod daqs­hekk sempliċi.

Għadni niftakar l-ewwel ‘tutor’ tiegħi tal-ekonomija f’Oxford Jack Straw jgħidli, “Edward we measure economic activity by the margin.”

L-andament ekonomiku tkejlu mill-marġini ta’ tibdil żgħir ’il fuq jew ’l isfel. Anke lill-istudenti tagħna ngħall­muhom li l-prezzijiet fis-suq jirriflettu l-marġini tan-nefqa tal-produzzjoni jew tal-utilità li ngawdu minnha.

Daqsxejn teknika, imma din il-verità.

tumblr_m8rhtuqUcf1qcf88p

 

Il-marġini

 

Mela meta nħarsu lejn l-ekonomija ta’ pajjiżna li għandha iktar minn 400,000 persuna li jipproduċu ’l fuq minn €6 biljun fi produzzjoni ta’ oġġetti u servizzi, bilfors ikollha ċertu istituzzjonijiet tas-saħħa jew tal-edukazzjoni b’numru kbir ta’ persuni, żgħażagħ jew pazjenti li jattenduha.

Għadni qatt ma mort inżur qraba jew ħbieb fi sptarijiet barranin fl-Ewropa jew fl-Amerika fejn fihom ma jsirux eluf ta’ operazzjonijiet kul­jum.
X’hemm mhux tas-soltu? Mhux xogħol l-isptari­jiet li jagħmlu dan?

Dan grazzi għat-tobba, ‘nurses’ u speċ­jalisti li jidde­dikaw ħajjithom, u għall-pazjenti li jħallsu permess ta’ ‘insurance’ privata jew pubblika, jiġifieri mit-taxxi.

L-ebda Prim Ministru bar­rani qatt ma smajt li jieħu l-kredtu ta’ dan.

Sintendi huma l-problemi moħbija tas-sistema li wieħed irid jeża­mina. U hawn il-Prim Minis­tru jrid jagħti kont tiegħu.

L-istess għall-Università. Tgħallimt u għallimt u żort ħafna universitajiet madwar id-dinja. Kif mistenni dejjem rajt l-eluf ta’ studenti kuljum jimlew is-swali u libreriji ta’ dawn l-istituzzjonijiet.

Dawn jibqgħu miftuħin anke l-ġurnata kollha s-Sibt u l-Ħadd. Normali għalihom. Xi Minis­tru barrani jiftaħar b’hekk?

Li gvern ikollu biex jiftaħar jew jinkwieta hu dwar il-marġini. Kemm propor­zjonalment iżjed jew inqas qed joħorġu gradwati uni­versitarji fid-dinja tax-xogħol minn pajjiżna meta mqabbel mal-medja ngħidu aħna Ewropea?

U hemm neħlu. Għax inutli tiddandan bil-gradwazz­jonijiet. Nistqarr li fil-Fakultà tagħna biss student jiggradwa darbtejn fil-kors tiegħu! Allura ngħodduh tnejn bħal tal-im­pjiegi?

L-istatistika komparattiva tgħidilna li r-rekord tagħna huwa baxx wisq. Irridu nkab­bru in-numru mhux ħażin ta’ żgħażagħ gradwati biex niġu bħal pajjiż żviluppat Ewro­pew.

Dwar ir-ristoranti l-istess. Żort il-Greċja, Spanja, l-Italja u Ċipru waqt il-kriżi li daħlu fiha. U r-ristoranti mimlijin bin-nies.

Allura dan ifisser li ma għandhomx kriżi? Li trid tkejjel hu kemm waqa’ l-bejgħ u l-profitti tas-sidien u mhux tmur biss tittawwal f’xi restorant tal-‘hamburgers’.

U fl-aħħar dwar ix-xiri tal-‘bonds’.

Pajjiz b’banek li l-assi bankarji tagħhom huma tmien darbiet id-dħul nazzjo­nali tal-pajjiż magħruf bħala l-Prodott Gross Domestiku b’valur ta’ €50 biljun, u li sew dan is-settur privat u l-gvern huma mdejnin b’rata għolja li wasslet lill-Kummissjoni Ewropea tistudjana mill-qrib skont proċedura ġdida msejħa “Proċedura dwar l-iżbilanċi makro-ekonomiċi”, mhux bilfors hemm flejjes iduru fin-nofs biex jinxtraw dawn il-‘bonds’.

Taħsbu li dawn il-miljuni ta’ ‘bonds’ qegħdin jinxtraw minn dawk li huma fuq il-minimum wage? Huma fil-biċċa l-kbira dawn l-isti­tuzz­jonijiet finanzjarji.

Il-Ministru Tonio Fenech tela’ Brussels nhar it-Tnejn li għadda biex japprova din il-proċedura li Malta ddaħlet fiha. Imma ma qalilniex dwarha meta ġie lura. Għadu ferħan mill-fatt li fit-tmiem tas-sena l-oħra ħarġuna mill-proċedura tad-defiċit eċċessiv.

Proċedura li daħħalna dan il-Gvern bl-ispiża kbira li għamel fl-2008 bi preparazz­joni għall-elezzjoni ta’ dak in-nhar. Tgħid se jirnexxielu jagħmlilna l-istess din id-darba?

Nisperaw li le.

orizzont_logo

 

– l-orizzont : It-Tnejn, 18 ta’ Frar, 2013

,

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *