Id-deċiżjoni tal-UE li tiftaħ proċeduri fil-konfront ta’ Malta dwar id-defiċit eċċessiv qajmet diversi mistoqsijiet dwar il-qagħda finanzjarja tal-pajjiż. GAETANO MICALLEF iltaqa’ mal-Ministru tal-Finanzi EDWARD SCICLUNA proprju biex jitkellem miegħu dwar il-qasam li ġie fdat bih u l-isfidi li qed jiffaċċja.
Il-fatt li fl-ewwel ġimgħat ta’ dan il-gvern il-pajjiż daħal fl-Excessive Deficit Procedure qajjem dubji dwar jekk l-istess gvern għandux kontroll fuq il-finanzi tal-pajjiż. X’inhi r-reazjoni tiegħek?
Min il-memorja twasslu sa ftit qabel l-elezzjoni jiftakar li l-Partit Laburista kien diġà qed jobsor li jekk jitla’ fil-Gvern kien se jispiċċa f’din is-sitwazzjoni. Forsi l-ammont ’l hemm u ’l hawn ma kienx ċar imma biss biss kien hemm tliet konferenzi stampa matul is-sena li fihom ħareġ li d-defiċit tal-Gvern taħt l-amministrazzjoni preċedenti matul is-sena li għaddiet kien se jkun ħafna ikbar mis-sena ta’ qabel. Konna qed nistennewha din is-sitwazzjoni. Ma xtaqnihiex imma konna qed nobsruha. U allura ma kienet sorpriża xejn għalina.
Li tiġi quddiem il-poplu fil-baġit ta’ Novembru tas-sena l-oħra u ma tirrevedi xejn mill-istima tiegħek meta taf li mhux se tilħaqha wkoll mhux korrett. Għax meta tara l-infieq li sar u l-fatt li d-dħul kien inqas, tal-inqas għandu jkollok kolonna bil-baġit supplimentari u tgħid li qed tirrevedi l-istima. Imma le, il-Gvern preċedenti baqa’ bl-istima orġinali ta’ kemm kien jistma li se jdaħħal u kien għalhekk li dħalna fil-proċedura.
Il-fatt li dħalna fl-Excessive Deficit Procedure tista’ tibgħat messaġġ negattiv dwar l-ekonomija tal-pajjiż?
Kull darba li jiġu tal-Fond Monetarju Internazzjonali jew tal-Kummissjoni Ewropea trid toqgħod tispjegalhom x’inhi l-veru sitwazzjoni u li għalkemm dħalna f’din il-proċedura biħsiebna noħorġu minnha kemm jista’ jkun malajr. Anke kelli laqgħa f’Washington ma’ Standard & Poor għamilt sagħtejn nispjegalhom x’inhuma l-pjani tal-Gvern.
Trid turihom li għandek ir-rieda u l-mezzi li żżomm mal-pjan. Għax kulħadd jgħidlek “imma minn fejn se taqta’”? X’irridu naqtgħu? Aħna għandna baġit, jekk inżommu mal-baġit u d-dħul irendi daqs kemm tistma u żżomm l-ispiża tiegħek eżatt mal-baġit allura l-miri tilħaqhom. Mhux kwistjoni ta’ mirakli. L-iktar ħaġa sempliċi.
Id-diffiċli kif iżżomm l-ispiża skont il-baġit. Li ħafna drabi tiżloqlok minn idejk. Imma jekk il-Gvern irid li ma tiżloqx, u se jagħmel minn kollox biex dan ma jiġrix, il-miri nilħquhom. Fir-rigward tad-dħul l-aspettativa tal-Gvern preċedenti kienet ottimista żżejjed. Aħna baxxejnih id-dħul li konna qed nistennew għal din is-sena. Għalhekk tela’ d-defiċit.
Konna onesti u għidna li ma jistax ikun li jkollna d-dħul mistenni mill-amministrazzjoni preċedenti. Għax il-Gvern għamel ‘commitments’ u m’għamilx proviżjoni għalihom fil-baġit.
Għamel ftehim validi, legali u ġustifikat meta lanqas ħaseb għalihom. Meta tieħu d-dħul u l-ispiża ssib li l-baġit kellu jiġi aġġustat b’€66 miljun iktar f’defiċit. U r-rata telgħet minn 1.7% għal 2.7%.
Li se jagħmel dan il-gvern huwa li se jagħmel monitoraġġ xahar b’xahar biex nilħqu l-miri. Hemmhekk l-isfida. Jien irrid li kull xahar inkunu nafu jekk żvijjajniex. Imma biex tkun taf trid taqbad il-baġit u taqsmu xahar b’xahar. Għall-ewwel darba fil-minsteru se jkolli xahar b’xahar proġettazzjoni tal-istima tla-baġit. Mentri qabel kien sena b’sena.
Qabbadt ukoll konsulent, il-Professur Mullard, biex idur il-ministeri u jgħidilhom l-ispiża tal-Gvern kif għandha tkun. Għax sabiħ li toħlom li trid tagħmel xi ħaġa. Imma jekk ma jkollokx flus? Irridu nibagħtu messaġġi lill-ministeri fuq kemm tista’ tkun l-ispiża tagħhom u huma jridu jimmanuvraw f’dik l-ispiża.
Hemm bżonn dixxiplina fuq il-finanzi tal-Gvern ħalli din tad-defiċit sena wara sena tinqata’. Ma nistgħux nibqgħu li kull darba li jiġi l-baġit immorru għandi l-ministru u naraw x’se nivvintaw biex il-‘gap’ li jkollna nagħlquh. Jekk tagħmel skema ta’ darba, imbagħad is-sena ta’ wara se terġa’ toħloq skema oħra?
Dawn l-affarijiet għidnihomlha lill-Kummissjoni Ewropea u emmnitna. Bir-regolamenti l-ġodda, la dħalna fl-Excessive Deficit Procedure issa, setgħet qaltilna minn fejn għandna naqtgħu. U kienet toħloqilna problemi kbar. Għax kienet twaqqaf il-momentum tat-tkabbir u niġu fl-inkwiet.
Jekk m’għandekx tkabbir m’għandekx dħul u d-defiċit jikber. Tnaqqas l-ispiża u żżid it-taxxi, twaqqaf l-ekonomija, mingħalik se jkollok defiċit iżgħar u fil-fatt ikollok defiċit ikbar. Bħalma qed jiġrilha l-Greċja. Dan ikkonvinċejniha biex ma tagħmlux.
Imma jekk ma nilħqux il-miri, il-Kummissjoni Ewropea tista’ timponilna xi miżuri ta’ awsterità?
Anke sanzjonijiet. Bir-regoli l-ġodda tal-UE min jgħarralu jispiċċa fl-inkwiet. Meta ngħid sanzjonijiet jiġifieri multi kbar jew jaqtgħulek mill-baġit tal-fondi tal-UE.
U hemm anke regoli fuq id-dejn. Għax dejjem insemmu d-defiċit mentri fil-fatt hemm tliet regoli… tad-defiċit, tad-dejn u tal-ispiża. Din id-darba bl-Excessive Deficit Procedure mhux fid-defiċit biss waqajna lura imma anke fir-regola tad-dejn. Kellna traġitt għoli u ma mxejniex fuqu. Hemm ukoll ir-regola tal-ispiża li ma tistax tiżdied iktar minn ċertu persentaġġ.
F’liema oqsma taħseb li l-Gvern għandu jiffoka biex jaqta’ l-ispiża tiegħu u fl-istess ħin idaħħal iktar?
Jekk torganizza lilek innifsek aħjar kapaċi tonfoq inqas jew tonfoq l-istess u allura jirnexxilek ikollok iżjed. Seba’ snin ilu kien sar eżerċizzju bħal dan u kien instab li fil-qasam tas-saħħa konna qed nonfqu daqs pajjiż ieħor imma nieħdu 30% inqas f’servizzi.
Din il-ħaġa tista’ tapplikaha wkoll għall-edukazzjoni. Sabiħ li tibni skejjel ġodda imma dik hija l-unika soluzzjoni? U minn fejn se jiġu l-flus? Tgħidli nissellfuhom mingħand il-banek.
Qishom il-flus mhuma ta’ ħadd. Irridu nħarsu lejn l-iskejjel eżistenti għax dawn huma assi. Jistgħu jrendu biex inkunu nistgħu ninvestu fil-manutenzjoni tal-istess skejjel jew fil-bini ta’ oħrajn ġodda? Kif se nrendu s-sostenibilità tal-iskejjel?
Jekk nieħdu ċ-‘child care centres’ b’xejn veru li hija miżura li tiswa imma meta tara li se tħaddem in-nies biex imexxuhom, kemm nisa li se joħorġu jaħdmu bis-saħħa tagħhom u allura kemm se jħallsu taxxa u bolla allura l-ispiża tista’ tinqata’ b’iktar min-nofs.
Semmejt is-saħħa. Minn żmien għal żmien tqum il-mistoqsija kemm dan is-settur hu sostenibbli kif inhu.
Kull pajjiż għandu servizz tas-saħħa. Hemm dawk li huma vijabbli u oħrajn li mhumiex. Hemm min għandu sistema u hemm min għandu sistema oħra. L-ikbar sfida l-finanzjament tagħha. Is-saħħa mhux bħall-edukazzjoni li tmur fiha jew tużaha kuljum. Ma tafx meta se jkollok bżonnha.
Tidħol il-kwistjoni tal-assigurazzjoni u kif din tista’ tidħol. Tagħmel bħall-Kanada fejn titħallas permezz ta’ bolla apposta? Tħallasha parti mit-taxxa? Tħallasha l-privat? Malta għadna ma sibniex dik is-sistema. M’hemmx inċentivi biex persuna tieħu polza tal-assigurazzjoni privata u min jeħodha ma jibbenefika xejn. Għax m’hawnx sptarijiet privati x’jagħżel u l-individwu jispiċċa jmur Mater Dei u jibagħtulu ċekk. Imma f’liema pajjiż jiġri hekk?
Imma hija sostenibbli mingħajr ma jidħol ħlas?
Trid tagħmilha sostenibbli imma dejjem irid ikun hemm tibdil u riformi. Irridu nirranġaw is-sistema u naraw li dawk li għandhom bżonn l-iktar għandhom jinqdew l-ewwel.
F’liema oqsma tara li hemm il-ħela?
Kullimkien. Mhix kwistjoni ta’ kemm taħdem imma kemm taħdem b’moħħok. Minn żmien għal żmien trid tħares lejn l-organizzazzjoni u tara hijiex tilħaq l-għanijiet tagħha.
Ħu l-iskema tal-VAT li għamilna. Dħalna fid-dettall, xi ħadd mar id-Dipartiment tal-VAT u għalkemm kienet tapplika għalih, qalulu li ma kinitx. Meta ġie jgħidli, għidtlu possibbli qalulek hekk?
Mort għidt lill-kap u qalli li rridu nieħdu azzjoni mill-ewwel. X’jiswa li tagħmel skema kbira u l-individwu jingħata informazzjoni ħażina jew ma jiġix mgħejjun.
Taf kemm jiġru affarjiet bħal dawn. Kemm trid. Dawn kollha ineffiċjenzi. Hawn tidħol il-meritokrazija. Irid ikollok nies kapaċi u tinċentivahom. Mhux min jiżżattat l-aħjar li jmexxi. Trid tagħżlu għax ikun kapaċi. Pajjiżi oħrajn hekk jagħmlu. Imma trid tippremjah ukoll lill-ħaddiem.
Ħares lejn pajjiżi li jirnexxu u ara x’jagħmlu differenti minn dawk li ma jirnexxux.
Jekk tħares lejn il-Greċja, għandha djun enormi, defiċits kbar, ineffiċjenzi kbar u żżattu biex ikollhom l-Olimpjadi f’pajjiżhom.
Ma kellhomx flus imma riedu jidhru sbieħ fid-dinja. U bnew grawnds biex issa lanqas qed jintużaw. White elephants.
U għalhekk importanti l-alternanza tal-Gvern. X’differenza meta jkollok amministrazzjoni ġdida! Qed naraw l-affarijiet minn mod differenti. Kif jista’ jkun li l-istess nies ma kinux jarawhom u aħna qed narawhom? Jekk indumu 20 sena hawn forsi jiġrilna bħalma ġralhom ta’ qabilna. Għax ċerti nuqqasijiet ma tindunax bihom meta tkun ilek fil-post.
Biex indur fuq id-defiċit u d-dejn, pajjiż jista’ jasal f’sitwazzjoni fejn ma jkollux dejn?
Meta l-Gvern Nazzjonalista tela’ fis-snin 80 id-dejn li ħalla l-Gvern Laburista kien ta’ 12%. Saru żbalji biex ġara hekk? Jista’ jkun. Wieħed mill-iżbalji kien li meta kellna r-riċessjoni komplejna nagħmlu s-‘surplus’. Dan qed ngħid fis-snin 70 u l-bidu tat-80.
Din bħalma nagħmlu taħżen matul is-sajf biex meta tiġi x-xitwa u l-maltemp tiekol minn ġewwa. Id-defiċit l-istess ħaġa. Lawrence Gonzi kien jgħid li meta l-ekonomija tkun sejra tajjeb naqtgħu t-taxxi. Mentri l-kuntrarju. Meta l-ekonomija tkun sejra ħażin trid tnaqqas it-taxxi imma meta tkun sejra tajjeb tibda żżidhom.
Fis-sens li ġġemma. U jkollok ‘surplus’. Ma jfissirx li ma tagħmilx defiċit jekk tidħol f’riċessjoni.
F’Malta kellna tkabbir ekonomiku ta’ 8% fl-aħħar tas-snin 80. Konna qed nagħmlu defiċits anke f’dak iż-żmien. Mentri dak iż-żmien suppost konna qed inġemmgħu. L-ekonomija ma kinitx tbati biex nagħmlu ‘surplus’. U kien ikollna biżżejjed maħżun biex meta nidħlu fir-riċessjoni nonfqu. Dak iċ-ċiklu.
Imma fis-sitwazzjoni tal-lum nistgħu neħilsu mid-dejn jew innaqqsuh b’mod konsiderevoli?
Billi tagħmel ‘surplus’. Id-dejn iżżidu bid-defiċit u tnaqqsu bis-‘surplus’. U billi jkollok tkabbir ekonomiku… iktar ma jikber il-Prodott Gross Domestiku iktar jiċkien id-dejn. Għalhekk il-pajjiżi li qegħdin f’riċessjoni kbira d-dejn qed jikbrilhom minflok qed jiċkien.
U meta taħseb li Malta se teħles mill-problema tad-defiċit u d-dejn?
Għandek l-aspett finanzjarju u l-finanzi pubbliċi li qed nitkellem dwarhom u t-tkabbir ekonomiku. Il-funtana li ssolvilek ħafna problemi hija t-tkabbir ekonomiku. Għalhekk il-pjan tal-Gvern, li ġie milqugħ tajjeb ħafna mill-Fond Monetarju Internazzjonali u mill-Kummissjoni Ewropea, jindirizza r-rakkomandazzjonijiet tal-UE.
Għandek id-dipendenza fuq iż-żejt, il-parteċipazzjoni tan-nisa fix-xogħol u l-istudenti li jħallu l-iskola kmieni. Dawn kollha se nindirizzawhom. U fuq medda fit-tul hemm il-kwistjoni tal-pensjonijiet li rridu nindirizzaw ukoll. Se nwaqqfu ‘working group’ u se nibdew bit-tielet pilastru din is-sena.
Il-liġi tinkoraġġixxi lil min irid iġemma għal meta jirtira. Tagħtih inċentivi fiskali u tindikalu liema prodotti hemm inċentivi fuqhom ħalli ma jmurx jixtri xi ‘bonds high risk’, imbagħad ifalli u jitlef dak li jkun ġemma ħajtu kollha. Xbajt nara quddiemi nies hekk.
Sfortunatament f’Malta r-regolatur huwa iktar attrezzat biex jikkontrolla l-banek, il-kumpaniji tal-assigurazzjoni u l-Borża ta’ Malta imma ma tantx żviluppa l-funzjoni li jipproteġi l-konsumatur li jixtri dawn il-prodotti.
U bħalissa qed nevalwa tkunx fi ħdan l-MFSA jew l-Ombudsman jew barra minnhom.
L-importanti li tipproteġi lill-konsumatur. Għax min jidħak b’ħaddieħor irid jinżamm ‘accountable’. Barra minn Malta kien hemm banek kbar li ġralhom hekk u kellhom iħallsu flejjes kbar biex jikkumpensaw għal xi ħadd li jkunu daħku bih.
Dwar l-evażjoni tat-taxxa kemm hi kbira din il-problema?
L-ewwel nett hemm evażjoni li hija illegali fejn il-kumpanija jew l-individwu tkun qed tikser il-liġi. U għandek ukoll kumpaniji jew persuni li jevitaw it-taxxa billi jsibu metodi kif iduru mal-liġi biex iħallsu inqas. Jiġifieri għalkemm ma jkunux qed jiksru l-liġi, il-Gvern xorta jkun qed jagħmel telf. U hija toqba li xorta rridu nagħlquha.
Hemm xi stima kemm hu kbir dan it-telf?
€500 miljun qalet l-UE. Imma hi mhux tgħid evażjoni. Tuża l-kelma telf. Jiġifieri kieku nintaxxaw lil kulħadd u ħadd ma jista’ jaħrab mit-taxxa ndaħħlu daqshekk iżjed. Imma ma jfissirx li hija evażjoni kollha kemm hi. Madankollu evażjoni hemm. Sew fuq VAT u sew fuq taxxa personali.
Imma fl-istess ħin ma tistax tippriedka l-moralità fiskali u tgħid li ċ-ċittadin huwa obbligat li jħallas it-taxxa jekk dan imbagħad iħares lejn il-Gvern kważi kważi daqs li kieku huwa xi ħalliel għax iżomm imgħaxijiet għoljin fuq il-multi.
Għalhekk ir-riforma li biħsiebna nagħmlu fuq il-VAT fejn se nbaxxu r-rata tal-imgħax fuq flus ‘outstanding’ minn 9% għal bejn 6% jew 6.5%.
Għax bħalissa s-sistema taħdem kontra l-individwu u ħafna qed jispiċċaw iħallsu multi ikbar mis-somma li għandhom jagħtu jew saħansitra qed jispiċċaw il-ħabs.
Mentri l-imgħax m’għandux ikun mezz biex il-Gvern jagħmel iktar dħul imma bħala deterrent.
– Monday, 17th June, 2013