It-teorema ta’ Ronald Coase


F’Dan l-artiklu xtaqt nagħti ġieh lir-rebbieħ tal-Premju Nobel fl-Ekonomija Ronald Coase, li miet biss ftit jiem ilu fl-età ta’ 102. Dan mhux rilevanti sempliċiment għax għex ħajja twila u sabiħa, imma għax kien ekonomista ta’ fama mondjali, kif ukoll rebbieħ ta’ premju prestiġjuż  li kiseb għall-kontribut tiegħu fil-qasam tax-xjenza tal-eko­nomija.

Xtaqt ngħamillu ġieħ mhux għax magħruf – għalkemm filfatt Coase hu persunaġġ li hu ftit magħruf apparti fost nies speċjalizzati fil-qasam tal-ekonomija, jew studenti li tgħallmu t-teorija tiegħu – iżda għall-kontribut tiegħu fil-qasam ekonomiku.

Ronald Coase

Coase hu figura importanti għax-xjenza tal-ekonomija hekk kif hu għen biex din tista tkompli tiż­viluppa u timxi ’l quddiem. Filfatt, fost l-akbar kontribuzzjoni tiegħu kienet dwar it-teorija tad-ditti tan-negozju.

F’dan il-kuntest, it-teorija ekonomika titratta ma kwistjonijiet importanti li jorbot mat-tbassir ekonomiku, bħal pereżempju dwar x’jigri jekk xi Gvern itella’ jew iniżżel it-taxxa, u kif jistenna jirrispondu dawn in-negozji. Jonqsu l-impjiegi jew jikbru?
Hawn, Coase għen billi fil-bidu tal-karriera tiegħu, saħħaħ din it-teorija għax daħħal element ġdid: dak li jgħiduli il-‘transaction costs’. F’xiex isarraf dan?

Anke meta tahseb li ma hemmx spejjez f’xi attività fil-fatt ikun hemm. U dawn jaffetwaw l-imġiba ta’ dawn in-negozji jew individwi. Per eżempju, bosta jgħidu li s-servizz tal-Isptar huwa b’xejn għax ma jiċċarġjawkx. Iżda skond Coase, biex persuna tagħmel użu mill-isptar, hemm xorta waħda numru ta’ spejjeż li jġorr l-individwu, bħal pereżempju l-‘prezz’ tat-trasport lejn l-Isptar (kemm b’karozza privata, kemm bit-trasport pubbliku). Hemm ukoll il-‘prezz’ ta’ jekk persuna kellha titlef ġurnata xogħol biex tmur l-isptar. Fil-verità, is-servizz tal-Isptar ma hux kompletament b’xejn.

Allura, grazzi għal Coase u t-teorija tiegħu, dan il-fattur importanti beda jiġi nkluż fil-kalkoli u fit-tifsir u tbassir ekonomiku.
Però l-aktar kontribut sinifikanti ta’ Ronald Coase fil-qasam ekonomiku kien it-teorema tiegħu dwar l-ekonomija ambjentali. Din it-teorema fil-fatt issemma għalih – Coase Theorem.
Dan il-qasam ekonomiku dwar l-ambjent żviluppa biss dan l-aħħar, għax qed nagħtu importanza kbira kif tixraq lejn l-ambjent. Però l-ambjent hu qasam diffiċli. Hu ferm differenti mis-swieq jew mill-kummerċ ta’ oġġetti u servizzi oħrajn. Fejn jidħol l-ambjent, bosta dejjem iħarsu lejn il-gvernijiet biex jipprovdu soluzzjonijiet jew biex iwettqu l-investiment biex jiġu indirizzati kwistjonijiet bħat-tniġġis tal-arja, tal-baħar, jew anki tal-ħoss.

Coase jistqar li l-ikbar problema f’dan il-każ jiġri li jkun hawn ħafna tniġġis għax dawn ir-riżorsi bħal baħar u l-arja jispiċċaw ta’ kulħadd u ta’ ħadd. Iżda Coase jgħid li dan mhux bilfors il-każ. Hu jirraġuna li fil-kuntest ambjentali, hemm min iniġġes, u min jiġi affettwat minn dak it-tniġġis. Allura, Coase jgħid li jekk wieħed irid joħloq jew jiffaċilita sistema fejn dawn jistgħu jinnegozjaw bejniet­hom, il-Gvern ikun irid jin­daħal, iżda ikun irid jara min minnhom ikollu dawk li jissej­ħu l-‘property rights’, jiġifieri drittijiet fuq il-propjeta’ kollettiva.
Coase jargumenta li Gvern għandu jirraguna li f’każi ta’ dan it-tip fejn il-kwistjoni tad-dritt tal-proprjetà tkun vaga u mhux ċara, bħal pereżempju, meta jkun hemm barriera fil-qrib ta’ żona residenzjali, għandu jiddeċiedi lil min jagħ­ti d-drittijiet. Jekk il-barriera kienet hemm l-ewwel, mela l-operatur tagħha ħaqqu d-‘dritt’, filwaqt li jekk ir-residenti kienu qiegħdin hemm l-ewwel, mela huma ħaqqhom id-‘dritt’ jew raġun.

 

Meta Gvern jiddikjara b’dan il-mod, ikun qed joqħloq ċirkostanzi fejn iż-żewġ naħat ikunu jistgħu jinnegozjaw, u wieħed iħallas kumpens lill-ieħor, u permezz ta’ dan tins­tgħab l-awqa soluzzjoni – b’mod aktar effiċjenti u effettiv milli kieku kellu jindaħal il-Gvern.
Dan japplika anki f’ċirkos­tanzi li ikun hemm xi operat li jkun qed jagħmel ħafna duħħan, jew ħafna storbju. Bil-kontra, hemm ukoll ċir­kostanzi fejn hu l-operatur li jkollu d-‘dritt’, u allura jekk ta’ madwaru jkunu jriduħ inaqqas it-tniġġis jew l-istorbju, jeħtieġ li jikkompensawħ huma biex dan isir. Dan jista’ jsir minn qrati appposta jew aġenziji tal-arbitraġġ.

Wieħed irid iżomm amment ukoll li f’bosta każijiet fejn l-operatur ikun iffaċċjat b’sit­wazzjoniji fejn dawk li jkunu qiegħdin affettwati mill-operat tiegħu jkollhom id-‘dritt’, hemm l-għażla bejn li jnaqqas mill-attività tiegħu, jew sempliċement jikkompensa lil ta’ madwaru biex ikun jista’ jkompli bl-operat tiegħu.
Din hi s-soluzzjoni ta’ Coase, u filfatt wasslitna biex nużawha anki biex nivvalutaw fi flus problemi ambjentali. Hafna jghidulek li jekk operat iniġġes bis-‘sandblasting’ – kemm tkun qed issarraf flus? Jekk intrapriża tipproduċi ħafna storbju – kemm tiswa flus?
Grazzi għax-xogħol ta’ Coase, sibna li aħna nkunu qed nagħmlu stħarriġ, u nagħmlu żewġ tipi ta’ mistoqsijiet:
L-ewwel wahda hi: Li kieku inthom kellkom tħallsu għal dan l-inkonvenjent biex jieqaf, kemm lesti li tħallsu ghalih? Din it-tip ta’ riċerka tippermetti li jiġi kkalkolat il-valur.

Minn naħa l-oħra, il-mistoqsija tista tkun bil-kontra – jiġifieri ssaqsi x’tip ta’ kumpens (u allura l-valur) xi ħadd ikun irid jirċievi biex jittolera xi attività li tniġġes l-arja, il-baħar, jew tipp­roduċi ħafna ħoss u li qed taffetwah negativament?
Allura, b’dawn il-valuri, l-ekonomisti jkunu jistgħu jikkalkolaw il-valur ta’ dawn it-tipi ta’ tniġġis ambjentali, jew l-ikonvenjent li joħolqu, biex dawk involuti jkunu jistgħu jinnegozjaw ħalli tinstab soluzzjoni li jkun kuntent biha kulħadd.

Dan kollu grazzi għal Coase.

 

orizzont_logo

It-Tlieta, 10 ta’ Settembru, 2013

 

,

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *