L-aspetti ewlenin tal-pensjonijiet


F’dan l-artiklu, xtaqt nieħu l-opportunità biex nindirizza l-kwistjoni tal-pensjonijiet. Din hi kwistjoni li hi ferm importanti għal bosta ċittadini, u jidher ċar mill-mod kif is-suġġett tqajjem f’kull laqgħa ta’ konsultazzjoni ta’ qabel il-baġit 2014 li seħħew s’issa.

Meta tagħrbel il-kwistjoni sew, wieħed jara li hemm diversi aspetti. Dawn għandhom jiġu diskussi separatament. Bosta mill-problemi li jikkonċernaw il-pensjonijiet jittrattaw il-passat: jiġifieri kwistjonijiet ta’ min sofra xi telf, min ma ħallasx il-bolol, min ħallas ftit u ma ħax dak li stenna, anomaliji bejn wieħed u l-ieħor, bejn min kien mas-servizzi, min kien qiegħed barra ’il pajjiż u allura tilef parti mill-pensjonijiet u oħrajn. Din hija problema kumplessa ħafna, u s-soluzzjonijiet li jeżistu jistgħu jiswew il-pajjiż ammonti kbar ta’ flus. Iżda minkejja dan, dawn is-soluzzjonijiet iridu jinstabu, u jekk hemm xi kumpens li jrid jingħata, dan jista’ jseħħ bil-mod il-mod skont kemm jifilħu l-finanzi tal-pajjiż, biex jissolvew dawn l-anomaliji.

 

pensioners1

It-tieni aspett huwa dwar il-futur u s-sostenibbiltà tal-pensjonijiet. Il-ġenerazzjoni tal-lum tfaddal kemm qiegħda tfaddal għall-pensjonijiet – permezz tal-bolla biss – mhux se jkun biżżejjed, speċjalment għall-ġenerazzjonijiet li ġejjin. Diġà hu ċar li, permezz ta’ tbassir abbażi ta’ mudelli ekonomiċi, b’din ir-rata l-ġenerazzjonijiet tal-futur jirriskjaw li jaqgħu fil-faqar. Is-soluzzjoni ovvja hi li rridu nfaddlu iżjed. Dwar dan se nitkellem aktar ’il quddiem.
Iżda jekk nitkellmu dwar il-preżent, bosta anzjani jgħidu li l-pensjoni tal-lum m’għad­hiex waħda adattata, u li għaxar snin ilu l-pensjonijiet kienu jsarrfu u jwasslu ħafna iżjed. Illum, bosta anzjani jgħidulek li ma jistgħux ikampaw b’pensjoni ta’ bejn €350 u €500. Waħda mill-problemi ta’ dan hi l-inflazzjoni, jiġifieri li l-prezzijiet jogħlew iktar u allura ikunu qegħdin jieklu minn dik il-pensjoni. Il-Gvern hu kommess li jiġ­ġieled kontra l-inflazzjoni, hekk kif din hi l-għadu tal-pensjonijiet għax tkun qiegħda dejjem tnaqqas mill-valur reali tal-pensjonijiet li fuqhom jiddependu mijiet ta’ pensjonanti.

Aspett ieħor hu li jsir paragun bejn Malta u pajjiżi avvanzati Ewropej li jgawdu sistemi ta’ pensjonijiet, kif ukoll benefiċji soċjali, aktar b’saħħithom minn ta’ pajjiżna.

Iżda wieħed ma jistax ixebbah lil pajjiż ieħor aktar sinjur minna. F’dawn il-pajjiżi avvanzati ssib stat ta’ fatt li ftit hawn min jagħti kasu. Dan hu li dawn il-pajjiżi għandhom aktar min-nofs il-popolazzjoni attiva fid-dinja tax-xogħol u għalhekk hemm aktar nies jikkontribwixxu għal pensjonijiet.

Jekk wieħed iħares lejn l-Iż­vezja, id-Danimarka jew il-Ġermanja, wieħed isib li dawk li jaħdmu – u allura jħallsu l-bolla – huma aktar minn nofs il-popolazzjoni ta’ dak il-pajjiż. Mentri aħna, il-ħaddiema tagħna kemm ‘part-time’ u kemm ‘full-time’, huma ferm inqas min-nofs il-popolazzjoni. Għalhekk biex aħna nkunu pajjiż avvanzat bħalhom irid ikollna s-settur produttiv ta’ nies li jaħdmu ogħla milli hu llum.

Jista’ jkun 30,000, 50,000 jew forsi anke 70,000 ħad­diema iżjed li jikkontribwixxu, iżda jibqa’ l-fatt li Malta qiegħda tħaddem ħafna inqas u allura qiegħda tikkontribwixxi inqas. Hu fatt li numru ogħla ta’ ħaddiema attivi fil-qasam tax-xogħol jiġ­ġenera ferm aktar dħul mil-lat ta’ bolla, li l-Gvern ikun jista’ jqassam f’pensjonijiet, għot­jiet soċjali jew infieq fil-qasam tas-saħħa.

Dan il-Gvern hu kommess biex il-pensjoni tlaħħaq mal-għoli tal-ħajja u li l-inflazzjoni tkun aktar baxxa. Fl-istess ħin wieħed irid jibda jaħseb għall-futur għalhekk jiena u l-Gvern tiegħi se nkunu qegħdin inressqu miżura dwar it-tielet pilastru li fiha se tiġi ppreżentata skema intiża biex ninkoraġġixxu liż-żgħażagħ tagħna jaħsbu għall-futur.

Il-pensjoni li nħallsu permezz tal-bolla hija dik li tissejjaħ tal-ewwel pilastru u hija tip ta’ pensjoni li tgħin lill-anzjan biex ma jaqax fil-faqar meta jieqaf jaħdem. Ħafna pajjiżi jistrieħu wkoll fuq it-tieni pilastru li hi pensjoni oħra, li tiġġemma’ mill-ħaddiem bi skema marbuta mal-azjenda fejn jaħdmu. Din s’issa ma twaqqfitx f’paj­jiżna. L-introduzzjoni tat-tielet pilastru se nagħmluha sabiex ninċentivaw lill-poplu jibda jġemma’ aktar u billi l-ammont li se jitfaddal ma titħallasx it-taxxa fuqu. Il-Gvern irid jinċentiva liż-żgħażagħ li għandhom ftit aktar minn paga minima bi skema biex jibdew iġemmgħu ammont fis-sena. Is-somma li titwarrab tista’ tkun varjabbli. Il-Gvern se jkun qiegħed jagħti dettalji oħra dwar din l-iskema ġdida fil-baġit li ġej.

 

orizzont_logo

– Tuesday, 1st October, 2013

,

5 responses to “L-aspetti ewlenin tal-pensjonijiet”

  1. стиральная машина aeg ошибка e10, стиральная машина aeg protex plus жаңа жылда жаңа сезім бастап
    көреміз бе текст, аппақ қар айнала скачать науқаспен диалог,
    қиын науқастармен қарым қатынас ерекшеліктері
    ақ неке деген не, ак неке

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *