L-istatistika taħt skrutinju


Ftit jiem ilu fil-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali għaddejt xi rimarki dwar nuqqas ta’ ċarezza fir-rappurtaġġ ta’ statistika vitali, bħalma hi r-rata tal-qgħad u r-rata tal-inflazzjoni. Kont primarjament qiegħed nirreferi għall-midja.
Għidt ukoll li l-aġenzija nnifisha, l-NSO, ma tantx tgħin għax xi kultant tħalli ħafna ambigwità fil-mod kif tirrapporta jew tħabbar dawn il-figuri. Bħal kif isir ta’ spiss, kien hemm min ipprova jiżgwida billi interpreta dawn ir-rimarki bħala xi tip ta’ pressjoni fuq din l-aġenzija indipendenti. Il-verità hi ferm differenti.
L-ewwel u qabel kollox, irrid nirrimarka li qabel ma sirt Ministru, meta kont għadni Membru Parlamentari Ewro­pew kont ‘rapporteur’ pre­ċi­żament fuq rapporti li kienu jirrigwardaw l-istatistika. Filfatt l-aħħar rapport li kelli qabel ma tlaqt u li għadu qiegħed jiġi nnegozjat bejn il-Kunsill u l-Parlament jittratta dwar l-indipendenza ta’ dawn l-aġenziji, jiġifieri dwar l-awtonomija li għandu jkollhom.

15MINISTRUFINANZI

 

Għalhekk li hu żgur hu li jien mhux se nimxi kontra dak li kont nippriedka, u li għadni nemmen fih. Filfatt l-NSO hi rregolata minn awtorità, il-Malta Statistical Authority (l-MSA) b’membri appuntati minni bħala Ministru, speċifikament biex jirregolaw u jieħdu ħsieb din l-aġenzija u l-operat tagħha.

Ir-realtà hi li ħafna drabi l-midja u l-gazzetti jagħtu interpretazzjoni differenti ta’ xi ħaġa li suppost hija ċara. Per eżempju, il-qgħad żdied jew naqas? L-inflazzjoni qiegħda titbaxxa jew tirranka? M’hem­mx tan-nofs – jew tiżdied, jew tonqos. Dawn huma mistoqsijiet diretti li ċ-ċittadin għandu dritt ikun jafhom u m’għandux ikun hemm ambigwità dwarhom.

Fir-rimarki tiegħi, jien tlabt b’mod speċjali, sew lill-midja u sew lill-korpi kostitwiti – u magħhom lill-aġenzija tal-istatistika nnifisha – li dwar dan ir-rati għandhom ikunu ċari fil-figuri li jippubblikaw u jirrapportaw.
Tlabt li għandna nimxu fuq l-istess lingwi gwidi ta’ kif wieħed għandu jirrapporta li tuża għal pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea, l-aġenzija Ewropea tal-Istatistika, il-Eurostat. L-inflazzjoni, pere­żem­pju, titkejjel u tiġi rrapportata sena fuq sena (‘year-on-year’), jew xahar fuq xahar (‘month-on-month’) u mhux il-medja ta’ 12-il xahar (‘moving average’). Biex nagħti eżempju, jekk wieħed imur għand it-tabib biex jara jekk il-pressjoni hiex għolja jew le, it-tabib jgħidlu ‘għolja’ jew ‘baxxa’ dak inhar meta imqabbla ma’ ġurnata oħra. Żgur li ma jtihx il-medja tal-aħħar 12-il xahar bħala l-indikatur ta’ dik il-ġurnata.
L-istess għall-inflazzjoni, jekk waqgħet u matul ix-xahar t’Awwissu kienet 0.6%, dan għandu jkun il-punt tat-tluq tal-istqarrija tar-rapport tal-NSO, u affarijiet oħra sekondarji għandhom jingħataw inqas importanza.
L-istess għall-istatistika tal-qgħad, li huwa riżultat ta’ nies li mhux qegħdin jaħdmu. L-ekonomisti f’dawn l-aħħar 50 sena dejjem użaw l-istess indikatur, li huwa “r-rata tal-qgħad”, jiġifieri l-figura tan-nies qegħda bħala proporzjon tal-‘labour force’ tal-pajjiż kollha kemm hi. U allura jekk ir-rata tal-qgħad baqgħet dejjem l-istess m’għandux ikun hemm dik l-ambigwità. Din ir-rata tingħata mill-Eurostat. Ma tagħmilx ġid li noħorġu biss figuri fuq min jirreġistra. Għandna nużaw statistika tal-Labour Force Survey fejn kull min hu qiegħed, sew jekk jirreġistra u sew, le għandna ngħodduh.
Li nitlob jien, mhux biss bħala Ministru, iżda l-ewwel u qabel kollox bħala ċittadin u wkoll bħala ekonomista, hu li din l-aġenzija għandu jkollha l-awtorità li toħroġ statistika ċara u mingħajr ambigwità.
Biex tgħaqqadha, fl-istess ġurnata l-NSO ħarġet stqarrija fejn ammettiet li kienet għamlet żball kbir meta kejlet il-Prodott Gross Domestiku tat-tieni kwart tas-sena. Minflok li t-tkabbir fuq is-sena ta’ qabel kien 3.6% f’termini reali, dan ġie kkalkulat b’xi żewg punti perċentwali inqas. Żball ta’ din ix-xorta jħammar wiċċ pajjiżna għax seta’ jiġi evitat. Istituzzjonijiet bħall-NSO għandhom sistemi li jiċċekkjaw li dan ma jiġrix. Issa li ġara żgur li mhux se nitlob xi tip ta ‘witch-hunt’. Però se ssir investigazzjoni għal x’wassal biex is-sistemi kkollassaw f’dan il-każ, għax hu dmir tiegħi li nkun naf.
Hu għalhekk li tlabt lill-MSA biex jinvestigaw u jaraw x’kienet ir-raġuni li waslu għal dan l-iżball, u kif ukoll x’hemm bżonn għal din l-istituzzjoni biex tissaħħaħ biex dawn l-iżbalji ma jibqgħux isiru ’l qud­diem u jimbarazzaw lil pajjiżna.

 

orizzont_featured

 

It-Tlieta, 29 ta’ Ottubru, 2013

 

,

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *