Mexjin fuq ir-‘road map’


Biss ftit jiem ilu, Il-Kummissjoni Ewropea ppubb­likat tliet dokumenti bħala risposta għar-rapporti li ħejja l-Gvern Mal­ti tul ix-xahar ta’ Ottub­ru. Dawn huma l-Commission’s Assessment of the Economic Partnership Programme, l-Assessment of the Report for Real Effective Action u l-Assessment of the Draft Budget 2014, kif ippreżentati lill-Gvern mill-Kummissjoni. Ir-rapporti min-naħa tal-Gvern saru f’Ottubru qabel il-pre­żentazzjoni tal-Baġit 2014 fil-Parlament.

Billi Malta qiegħda fil-pro­ċedura ta’ defiċit eċċessiv, il-Gvern kellu jirrapporta fl-1 ta’ Ottubru dwar x’riformi kien qiegħed jippjana biex jin­dirizza l-qafas fiskali tal-Gvern, sew fil-preżent u anke l-futur, u b’mod im­medjat x’azzjoni effettiva ħa biex din is-sena l-finanzi jis­piċċaw b’defiċit taħt it-3%. L-Unjoni Ewropea qed tgħidilna li qrat u fliet dawn ir-rapporti, kif ukoll rapport ieħor li tajniha dwar il-pjan tal-Baġit qabel dan ġie rapp­reżentat fil-Parlament f’nofs Ottubru.

Nista’ ngħid li huwa ta’ sodisfazzjon kbir għalina, u għalija personali, li l-Kummissjoni Ewropea hi kuntenta bil-mod li bih aħna qegħdin nin­dirizzaw dawn il-problemi. Fir-reazzjoni tagħ­ha għall-Economic Partnership Programme tal-Gvern Malti, il-Kummissjoni tinnota li Mal­ta ħadet azzjoni effettiva biex tindirizza l-iżbilanċ tal-Baġit u l-ebda passi oħra fil-proċedura ta’ defiċit eċċessiv mhuma meħtieġa għall-pre­żent. Dan ifisser li Malta rnexxielha, għal darb’oħra, tevita miżuri korrettivi imposti mill-UE li jistgħu jkunu ta’ dannu għall-ekonomija Mal­tija.

 

Photo – DOI – Jeremy Wonnacott

Ta’ min jinnota wkoll li l-Kummissjoni rrimarkat li l-miżuri proposti tal-Gvern fir-rigward finanzi pubbliċi huma “ġeneralment adegwati u jistgħu jkunu mistennijin li jikkontribwixxu għat-tisħiħ tal-finanzi pubbliċi”. Pożittivi kienu wkoll ir-rimarki tal-Kummissjoni li r-reviżjoni li għaddejja fuq l-infiq (Spen­ding Review) se “tippermetti lill-Gvern inaqqas u jikkon­trolla n-nefqa filwaqt li jagħ­mel progress fir-rigward ta’ infiq pubbliku aktar favur it-tkabbir.”

Sintendi, r-riskji jibqgħu u fil-fatt il-Kummissjoni qiegħda tgħi­dilna li hemm xi oqsma fejn għandna noqogħdu attenti, u għamlet numru ta’ rakkomandazzjonijiet dwar x’hemm bżonn isir aktar. Il-Gvern qed jieħu dawn ir-rakkomandazzjonijiet bis-serjetà kbira u se jkun qed iħares lejn numru ta’ soluzzjoni f’dan ir-rigward, sew fuq in-nefqa u sew fuq l-ispiża tiegħu.
Iżda punt importanti li sa fl-aħħar ħareġ mill-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni Ew­ropea hi l-ispjegazzjoni għalfejn il-Kummissjoni qiegħda tbassar defiċit għas-sena 2013 ogħ­la minn dak li qed jipproj­jetta l-Gvern.

Dan huwa dovut għal kif, grazzi għall-projettazzjoni tad-dħul ottimisti mill-ammi­nistrazzjonijiet preċedenti, il-Kummissjoni hija xettika li projettazzjoni ta’ dħul indiretti ta’ Malta se jimmaterja­lizzaw, u għalhekk adottat valur previst aktar kawt, bir-riżultati li qegħdin ibassru defiċit ogħla.
Fil-fatt, il-Kummissjoni qed tiddefendi speċifikament il-pessimiżmu tagħha fir-rig­- wa­rd ir-riskji futuri għat-trażżin tan-nefqa tal-Gvern Malti ab­bażi ta’, fi kliemha, “l-esperjenza tas-snin preċedenti” tagħ­ha u li dawn kienu “seħ­ħew b’mod frekwenti fil-passat”.

Iżda minkejja dan, għal din is-sena huwa ċar li l-Kum­missjoni kkonkludiet li l-azzjoni li ħadna hija sodisfaċenti u, allura mhux se tieħu l-ebda passi oħra għal din is-sena. Din hija xi ħaġa li tagħmlilna kuraġġ. Ir-riskji li jissemmew irridu noqogħdu attenti għalihom.

Iżda, dawn ikomplu jżidu d-determinazzjoni tal-Gvern li jasal. Dan speċjalment meta nafu li hemm affarijiet li jridu jitħabbru u li aktar se jkomplu jikkonvinċu lil kulħadd li l-pajjiż qed jagħmel mill-aħjar biex iżid it-tkabbir ekonomiku iżda aktar importanti li dan isir f’qafas b’mod li ma jkollniex għalfejn inżidu d-dejn u lanqas id-defiċit tal-pajjiż.
Jiena ninsab konfidenti li ladarba l-Kummissjoni tevalwa d-dokumentazzjoni sħi­ħa tal-Baġit 2014 bid-diversi miżuri tagħha favur it-tkabbir ekonomiku dawn se jku­nu jistgħu jikkonfermaw li l-Baġit li ppreżen­tajna jilħaq l-aspettattivi kollha biex jin­tlaħqu l-għanijiet ekonomiċi u finanzjarji tal-pajjiż.

orizzont_featured

– It-Tnejn, 25 ta’ Novembru, 2013

,

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *