Il-Ministru għall-Finanzi l-Prof. Edward Scicluna laqa’ l-figuri uffiċjali tal-Uffiċċju tal-Istatistika Nazzjonali (NSO) li kkonfermaw li l-Gvern irnexxielu jikseb tkabbir ekonomiku impressjonanti fl-ewwel kwart ta’ 2014.
Skont il-figuri uffiċjali ppublikati t-Tnejn 9 ta’ Ġunju 2014, l-ekonomija ta’ Malta rreġistrat tkabbir ekonomiku ta’ 3.5%, rata ta’ tkabbir impressjonanti hekk kif hi t-tieni l-ogħla li kienet f’dawn l-aħħar tliet snin. Din ir-rata ta’ tkabbir taqbeż ukoll ir-rata medja tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll taz-Zona Ewro.
F’termini nominali, il-Prodott Gross Domestiku (GDP) kiber b’5 fil-mija, fattur li mistenni jkollu effett ferm pożittiv fuq id-dinamika tad-dejn tal-pajjiż.
Fl-ewwel kwart tal-2014, il-kumpens lill-ħaddiema kiber bi €38 miljun, konferma li x-xogħol qed jinħoloq hekk kif hu kommess li jagħmel il-Gvern, u li x-xogħol se jkompli jinħoloq fix-xhur li ġejjin.
Barra minn hekk, il-profitti u l-operating surpluses tal-intrapriżi żdiedu bi €12.6 miljun, filwaqt li t-tassazzjoni netta fuq l-produzzjoni u l-importazzjoni żdiedet bi €33 miljun. Dan jikkonferma li l-intrapriżi sejrin tajjeb u li d-dħul tal-Gvern baqa’ b’saħħtu.
Fl-istess perjodu, it-total gross tal-valur miżjud, li jirrappreżenta l-kontribuzzjoni tal-intrapriżi fuq servizz jew prodott li joffru lill-konsumaturi, żdied b’€47 miljun, jew 3.1 fil-mija meta mqabbel mal-istess perjodu s-sena ta’ qabel.
F’dan ir-rigward, il-maġġoranza tal-industriji rreġistraw żieda fil-valur miżjud, bl-akbar żidiet rreġistrati fl-oqsma tal-Professjonisti, xjenza, u l-attività teknika b’żieda ta’ 9 fil-mija.
Żidiet notevoli oħra ġew irreġistrati fl-industriji tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni (5.0 fil-mija); fl-attivitajiet tar-real estate (3.1 fil-mija), l-arti, divertiment u rikreazzjoni (2.0 fil-mija), u l-kummerċ retail u wholesale (1.2 fil-mija).
It-tkabbir irreġistrat fl-industrija tal-kummerċ ikompli jġib fix-xejn il-kritika li l-kummerċ qed jonqos.
“Fl-opinjoni tiegħi, l-aktar indikatur pożittiv hu dak tal-industrija tal-kostruzzjoni, li kiseb upturn,” Prof. Scicluna irrimarka, filwaqt li nnota li l-figuri ppublikati jikkonfermaw li din l-industrija m’ għadiex qed turi tendenzi negattivi, iżda qed tesibixxi turnaround pożittiv.
Dan hekk kif l-industrija tal-iżvilupp u l-kostruzzjoni ilha tirreġistra tnaqqis f’kwart annwali wara l-ieħor għal dawn l-aħħar tliet snin, u issa rreġistra żieda fil-valur miżjud ta’ 3 fil-mija fl-ewwel kwart tas-sena 2014.
Dawn l-aħħar figuri jikkonfermaw li l-Gvern qed jikseb turnaround ekonomiku sostnut, u li l-ekonomija hi ppożizzjonata biex tkompli tmur tajjeb u tkompli tiġġenera ħolqien tax-xogħol ta’ kwalità.
– Monday, 9th June, 2014