Il-Ministru għall-Finanzi Prof. Edward Scicluna flimkien mal-Ministru għall-Għawdex Dr Anton Refalo uffiċjalment inawguraw l-uffiċċju tal-NSO ġewwa Għawdex it-Tlieta 1 ta’ Lulju, 2014.
Preżenti għall-inawgurazzjoni tal-uffiċċju kienu wkoll iċ-chairman tal-Awtorità tal-Istatistika Nazzjonali Prof. Albert Leone Ganado, id-Direttur Ġenerali tal-NSO s-Sur Michael Pace Ross, kif ukoll l-Isqof ta’ Għawdex Mgr Mario Grech. L-uffiċċju f’Għawdex qed jinfetaħ 67 sena wara li ġie stabilit l-Uffiċċju tal-Istatistika Nazzjonali ta’ Malta.
F’indirizz qasir fl-inagwurazzjoni, il-Ministru t’Għawdex Anton Refalo qal li bil-ftuħ ta’ dan l-uffiċċju qed titwettaq wegħda elettorali oħra għall-gżira Għawdxija, u ddeskriva dan bħala pass ieħor ‘il quddiem biex inkomplu nifhmu x’inhuma l-bżonnijet tal-gżira Għawdxija.
“Għawdex,” tenna l-Ministru Refalo, “għandu bżonnijiet speċjali minħabba l-insularità doppja. Jeħtieġ li jkunu indirizzati l-ħtiġijiet ta’ din il-gżira biex ikunu jistgħu jiġu mfassla policies li verament jagħtu l-added value lil Għawdex.”
Il-Ministru Refalo kompla jgħid li permezz ta’ dan l-uffiċċju, ser tkun qed tinġabar informazzjoni dwar in-negozju f’Għawdex, dwar l-ekonomija u dwar il-politika soċjali. Statistika importanti li ser tgħin fl-iżvilupp sħiħ t’ Għawdex. “Dan huwa l-mod,” qal il-Ministru Refalo, “ta’ kif irridu naħdmu bis-serjetà biex verament inkunu qegħdin noħolqu politika ekonomika u soċjali li tilqa’ l-aspirazzjonijiet varji tal-gżira.”
Il-Ministru Refalo qal ukoll li jemmen li ser naslu ‘l quddiem biex naraw li ż-żgħażagħ jkollhom l-futur li jixirqilhom, il-ħaddiema u l-famiji tagħhom ikomplu jinvestu fil-gżira, l-anzjani jaraw titjib fil-kundizzjonijiet soċjali u li tiżdied l-attività ekonomika u kulturali ġewwa Għawdex.
Fl-indirizz tiegħu, l-Ministru għall-Finanzi l-Prof. Scicluna spjega li l-iżvilupp ekonomiku ta’ Għawdex hi kwistjoni ta’ prijorità għal dan il-Gvern, li hu kommess li Għawdex ikompli javvanza sabiex jikber l-investiment, jinħoloq ix-xogħol, u allura l-ġid f’Għawdex ikompli jitkattar.
[nggallery id=200]
Għal din ir-raġuni, il-Gvern jeħtieġ istatistika kemm ta’ dimensjoni settorali, kif ukoll ta’ dimensjoni aktar dettaljata, li tkun korretta u aġġornata.
Għalhekk, ittieħdet deċiżjoni mill-Awtorità tal-Istatistika ta’ Malta, bl-appoġġ sħiħ tal-Ministeru għall-Finanzi, kif ukoll tal-Ministeru għall-Għawdex, sabiex jinfetaħ Uffiċċju Reġjonali tal-Istatistika Nazzjonali, l-ewwel uffiċċju reġjonali li twaqqaf s’issa mill-NSO.
L-uffiċċju se jkun ukoll responsabbli sabiex jibni arkivju ta’ informazzjoni dwar d-demografika ta’ Għawdex, kif ukoll informazzjoni dwar il-qasam tax-xogħol, is-saħħa, l-edukazzjoni, il-kultura, il-qasam tal-intrapriża, l-agrikolutura u s-sajd, u s-sorsi tal-enerġija. Abbażi tas-suċċess li se jinkiseb minn dan l-uffuċċju reġjonali, l-intenzjoni tal-Gvern hi li jkompli jespandi l-uffiċċju sabiex ikompli jissaħħaħ u jiġbor aktar informazzjoni essenzjali.
Din l-istatistika, innota l-Prof. Scicluna, hi partikolarment importanti fil-kuntest tal-Fondi Ewropej, għaliex sabiex il-Gvern ikun jista jiġġustifika li Għawdex jingħata attenzjoni importanti u fondi addizzjonali mill-Unjoni Ewropea, hemm bżonn li jkun hemm għarfien dettaljata tal-kuntest Għawdxi, u l-bżonnijiet speċjali ta’ dan ir-reġjun.
– Tuesday, 1st July, 2014