Iktar mill-Baġit


Ta’ kull sena l-gvern jippreżenta baġit maħsub biex mhux biss jippreżenta pjan għas-sena li jkun imiss, iżda joffri wkoll rendikont ta’ dak li l-gvern ikun kiseb is-sena ta’ qabel fil-qasam finanzjarju. Iżda llum, meta għall-gvern il-qagħda finanzjarja hija prijorità kbira, il-baġit m’għadux biżejjed. Dan wassal biex qed ikun ippubblikat rapport annwali mill-Ministeru tal-Finanzi. Dwar dan ir-rapport annwali, li kienet ippubblikata t-tieni edizzjoni tiegħu, Aleander Balzan tkellem mal-Ministru tal-Finanzi, Edward Scicluna.

 

Fl-aħħar jiem il-Ministeru tal-Finanzi ppubblika Rapport Annwali għas-sena li għaddiet. Għaliex il-ħtieġa ta’ rapport bħal dan, meta l-gvern iressaq baġit ta’ kull sena?

Dan il-Gvern jemmen daqs qatt qabel li n-nies għandhom dritt għal-aktar transparenza fuq il-finanzi pubbliċi biex jaraw jekk il-Gvern huwiex qed jeżerċita governanza fiskali tajba.

Il-Baġit jħares ’il quddiem, lejn is-sena li ġejja. Meta jitħabbar, tant kulħadd ikun iffukat fuq il-miżuri l-ġodda li ftit li xejn tingħata attenzjoni li jiġi eżaminat b’mod dettaljat l-andament tas-sena ta’ qabel biex minnu joħorġu l-lezzjonijiet li jservu għal quddiem.

Aħna ħassejna li n-nies għandhom dritt ikunu jafu kif intefqu flushom u fejn. In-nies għandhom dritt ikunu jafu jekk il-Gvern wara kollox laħaqx il-miri fiskali tiegħu, bħad-defiċit u d-dejn, fis-sena li għaddiet u x’metodi uża biex laħaqhom.

Dan ifisser aktar risponsabbilta’ u kontroll fuq il-Gvern.

 

Rapport bħal dan hija xi ħaġa li ilha ssir snin, jew xi ħaġa ta’ din l-amministrazzjoni?

Dan ir-rapport huwa mitlub mill-Att Dwar ir-Risponsibbilta’ Fiskali, li ġie introdott minn din l-amministrazzjoni f’2014 u għalhekk huwa t-tieni wieħed li sar, bl-ewwel wieħed ippublikat s-sena l-oħra u jħares lejn is-sena 2014. Dan tal-aħħar iħares lejn is-sena 2015.

 

Jekk hija xi ħaġa ta’ din l-amministrazzjoni għaliex ittieħed dan il-pass?

Il-Gvern induna li taħt l-amministrazzjoni preċedenti, kien hemm nuqqas ta’ trasparenza u kontroll fuq il-finanzi pubbliċi. Dan infatti wassal biex Malta ddaħlet darbtejn fil-proċedura tad-defiċit eċċessiv f’anqas minn ħames snin, billi d-defiċit tħalla jaqbeż ’il fuq minn 3 fil-mija kif mitlubmill-kriterja tal-Maastricht fl-UE. Riżultat ta’ dan il-Gvern Nazzjonalista tilef il-kontroll fuq id-dejn li spara ’l fuq għal 73 fil-mija.

Dan il-Gvern jemmen li biex tieħu bis-serjeta’ l-Finanzi tal-Gvern trid tbiddel il-proceduri u l-istrutturi sew legali u amministrattivi.

 

Budget Briefcase

 

Ir-rapport iħares lura jew ‘il quddiem? Janalizza jew jipproġetta?

L-għan tar-rapport huwa li jagħti rendikont tal-finanzi pubbliċi fis-sena ta’ qabel għalhekk jħares lura. Jħares lura u janalizza jekk il-Gvern fis-sena ta’ qabel mexiex mal-pjan fiskali li jkun ġie mħabbar fil-baġit għal dik is-sena.

 

Fost oħrajn ir-rapport juri li l-gvern daħħal iktar minn VAT u taxxa tad-dħul. Kif jiġri dan jekk dawn ir-rati baqgħu l-istess jew saħansitra naqsu (bħal fil-każ tal-income tax)?

Sewwa qed tgħid infatti dan il-Gvern naqqas it-taxxa fuq id-dħul mhux darba iżda erba’ darbiet fejn l-ewwel tlett snin naqqas taxxa fuq id-dħul b’10 punti perċentwali minn 35 fil-mija għal 25 fil-mija filwaqt li fir-raba’ sena għollejna l-ammont tad-dħul li ma jiġix intaxxat.

Meta taqta’ t-taxxa l-Gvern jitlef mid-dħul. Iżda billi dan il-qtugħ kien immirat li jkabbar l-ekonomija spiċċa li l-Gvern ġabar iktar dħul.

It-tnaqqis fit-taxxa tad-dħul, it-traħħis fit-tariffi tad-dawl u ilma, iż-żieda fil-pensjoni minima, il-pensjoni u paga minima ma jiġux intaxxati fost ħafna oħrajn, ħallew aktar flus fil-but tal-Maltin u Għawdxin. B’riżultat t’hekk żdied il-konsum tal-familji u żdied id-dħul mill-VAT.

Apparti dawn il-miżuri, idedikajna nista’ ngħid tlett baġits biex indaħħlu miżuri fejn irnexxielna nħeġġu lin-nies jaħdmu għax jaqbillek aktar, dawk li bdejna nsejjħulhom ‘making work pay initiatives’. Dawn għinu sabiex ikollna l-ogħla rata ta’ tkabbir fl-impjiegi fl-Unjoni Ewropeja u livell rekord baxx ta’ qgħad.

B’hekk żdied id-dħul mit-taxxi diretti jiġifieri fuq id-dħul u anke dħul mit-taxxi indiretti jiġifieri fuq il-konsum.

Fi kliem ieħor dan il-Gvern irnexxielu jżid il-potenzjal tat-tkabbir ekonomiku u b’hekk jilħaq livelli rekord ta’ tkabbir ekonomiku li qed jirrifletti b’mod poittiv fid-dħul tal-Gvern.

 

Ir-rapport jgħid li d-dejn għal 2015 kien inqas minn dawk proġettat. Kemm huwa sostenibbli dan?

Aħna wegħdna li ħa nnaqqsu d-defiċit u d-dejn. U qed inwettqu dak li wgħedna. Infatti d-dejn li kien laħaq kważi s-70 fil-mija (69.9 fil-mija) f’2011 irnexxielna nnaqsuh għal 63.9 fil-mija f’2015 permezz ta’ tnaqqis fid-defiċit u tkabbir ekonomiku akbar.

Dan juri li d-dejn qed jimmira li jiġi sostennibli pero’ fadlilna x’naħdmu. Irridu nniżluh taħt is-sittin fil-mija u nkomplu nnaqsuh gradwalment sabiex b’hekk verament inkunu nistgħu ngħidu li lħaqna s-sostennibilta’ fid-dejn.

B’hekk ikunu nisgħtu ngħidu lill-uliedna ħa nħallulhom ekonomija b’saħħita mingħajr il-piżijiet ekonomiċi li jġib miegħu d-dejn.

 

Xi jgħid ir-rapport dwar ir-rata ta’ defiċit?

Ir-rapport juri kif il-Gvern laħaq il-miri fiskali tiegħu fis-sena mill-2013 lil hawn. Infatti fil-baġit għal 2015, konna pproġettajna li d-defiċit jinżel għal 1.6 fil-mija f’2015 u fil-fatt il-Gvern irnexxielu jilħaq din il-mira u anke jmur ftit aħjar u jirreġistra defiċit ta’ 1.5 fil-mija.

 

Jingħad li l-gvern żied in-nefqa tiegħu iktar minn kemm mistenni. Kemm tiġġustifika dan?

Il-pjan tal-gvern hu li n-nefqa timxi id f’id mad-dħul wara li naħsbu biex inwarrbu flus biżżejjed biex jinzel d-deficit u d-dejn.

Aħna nafu li hemm pressjoni biex tiżdied in-nefqa speċjalment fuq l-edukazzjoni u s-saħħa, żewġ setturi ta’ prijorita’ għal Gvern. Meta naraw li s-suċċess tal-gvern jissarraf fi dħul ogħola minn dak mistenni ma niddejqux inżidu n-nefqa fuq dawn iż-żewġ setturi. Fl-istess waqt il-Gvern xorta jkun qed jilħaq il-miri fiskali tiegħu. Dan għaliex aħna nanalizzaw l-infiq xahar b’xahar biex naraw li l-infiq ‘l fuq minn dak proġetatt huwa within limit.

Kien hemm ukoll nefqa kapitali akbar biex nilħqu nużaw il-fondi kollha tal-UE mill-programm 2007-2013 li kien jgħalaq f’2015 u li kienu baqgħu ma sarux taħt gvern Nazzjonalista.

 

Min huma n-nies li jfasslu rapport bħal dan u xi kredibbilta għandu?

Dan ir-rapport huwa miktub minn nies professjonali mis-settur taċ-ċivil li għandhom il-kwalifi u l-esperjenza meħtieġa fil-qasam tal-finanzi pubbliċi. Iħabbtuha sew ma uffiċċjali tal-Kummissjoni li fl-aħħar ser tkun qed tevalwa dan ir-rapport.

Ir-rapport għandu kredibbilta’ għaliex huwa jimxi mal-liġi jiġifieri mal-Att dwar ir-Risponsibbilta’ Fiskali u jiġi evalwat mill-istituzzjoni independenti inkluża l-Malta Fiscal Advisory Council (MFAC).

 

kullhadd

– Data: 3 ta’ Lulju, 2016

– Awtur: Aleander Balzan


One response to “Iktar mill-Baġit”

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *