Eżerċizzju infantili


Jingħad li l-paraguni huma odjużi. Iżjed u iżjed meta jsiru b’mod li
jippruvaw jingannaw. Meta titfa’ ċifri jtiru waħedhom fl-ajru bla ma tikkwalifikahom. Meta fil-kejl u fil-paragun ma żżommx l-istess riga. Meta dak li ħu duħħan tipprova tlaħħmu billi tqarraq. Tipprova tgħaddi lin-nies minn għajn il-labra. Meta tissagrifika l-kwalità għall-kwantità.
F’dan t’hawn fuq jinkwadru ruħu preċiż l-eżerċizzju li għamlu fit-22 ta’ Lulju li għadda ż-żewġ Membri Parlamentari Ewropej (MPE) Nazzjonalisti. Dakinhar dan id-duo mhux biss ta forma ta’ rendikont ta’ ħidmietu fil-Parlament Ewropew (PE), imma pprova, b’ingann grass, joskura ħidmet il-MPE Laburisti b’paraguni kwantitattivi ta’ indikaturi li min ħoloqhom u jirrapportahom żgur li ma basarx kif dawn jistgħu jiġu manipulati biex iservu ta’ forċina għal xi eżerċizzju infantili kif se nispjega fid-dettall hawn taħt.  Dan l-eżerċizzju l-MPE Nazzjonalisti għamluh is-sena l-oħra wkoll. Din id-darba d-daqq tat-trombi kien ippjanat li jkompli jikber.
Qerq sfaċċat bħal dan m’għandux jitħalla għaddej. L-elettorat Malti u Għawdxi ma jixraqlux ikun żvijat, biex ma ngħidx ingannat, b’dan il-mod.
Ħalli nagħmilha ċara. Jiena nemmen li ladarba l-MPE tagħna huma eletti direttament mill-poplu allura huma aktar u aktar kontabbli lejn il-poplu. Huwa fid-dmir tagħhom li jżommu lill-poplu aġġornat bl-iżviluppi li jkun hemm fil-PE u f’istituzzjonijiet oħrajn tal-Unjoni Ewropea. Huwa fid-dmir tagħhom li jagħtu rendikont ta’ ħidmiethom. U dan mhux biss darba fis-sena. Dan jista’ jsir b’diversi modi, fosthom il-midja, b’artikli fil-ġurnali, stqarrijiet għall-istampa, intervisti, programmi fuq it-televiżjoni u r-radju, diskussjonijiet pubbliċi, websajt u networks soċjali oħrajn tal-Internet. Hemm ukoll il-websajt tal-PE bi ‘profile page’ għal kull MPE, li żżomm rekord tal-attivitajiet bażiċi tiegħu. Hemm ukoll siti indipendenti bħalma hija “votewatch.eu” li żżomm rekord ta’ kif ikun ivvota kull MPE fost affarijiet oħrajn. Fl-aħħar nett billi jippreżentaw rapport annwali lill-partit tagħhom. Fil-każ tagħna nippreżentaw lill-Eżekuttiv Nazzjonali rapport kull sitt xhur u niffaċċjaw id-delegati tal-partit f’laqgħa li ssir apposta.
Id-duo Nazzjonalista ma rrapportax biss dwar ħidmietu imma biex jagħmilha tal-ħelu ppreżenta tabelli biex juri kemm ħadem aktar mill-MPE Laburisti. Biex jitwemmen ikkwota bħala sors sit indipendenti, votewatch.
Issa wieħed irid iżomm f’moħħu li siti elettroniċi bħal dawn jibbażaw fuq sett ta’ indikaturi li għal min ma jevalwahomx jistgħu jiġu manipulati.
Nagħti eżempju. Dawn is-siti ma joqogħdux jaraw jekk l-iskop tal-MPE huwiex li jimpressjona billi jidħol għal attivitajiet trivjali tal-PE. Jekk id-duo Nazzjonalista jrid jimpressjona billi jgħid li għamlu bejniethom 75 “spjegazzjoni tal-vot” billi kull darba jiddikjaraw “ivvotajt favur ir-Rapport għax naqbel mal-kontenut tiegħu,” ħa jagħmlu hekk kemm iridu! Jien waħdi nista’ ngħaddihom is-sena d-dieħla billi nagħmel elf spjegazzjoni ta’ din ix-xorta. B’hekk, b’dan il-mod immatur, irrid inżid il-ħidma tiegħi fil-Parlament?
Kont naħseb li spjegazzjoni tal-vot qiegħda hemm biex jien bħala MPE nfisser u namplifika bis-sens il-vot tiegħi fuq kwistjonijiet kontroversjali li jitolbu li jkunu spjegati bir-reqqa kemm lill-grupp politiku li nappartjeni jew lill-kostitwenti.
Nagħti eżempju ieħor. Kemm se nkun veru żidt ħidmieti jekk naqsam Mistoqsija Parlamentari (PQ) f’erba’/ħames biċċiet biex jgħoddu bħala li għamilt erbgħa jew ħamsa flok waħda u b’hekk intella’ ċ-ċifra, bħalma għamlu huma, għal 213? Din it-tip ta’ banalità ma nagħmilhiex.
Kont naħseb li jekk għandi erba’/ħames mistoqsijiet relatati mal-istess suġġett nagħmilhom f’daqqa biex niffaċilita l-għarfien u ċ-ċarezza tagħhom. U mhux nirrepeti l-introduzzjoni erba’/ħames darbiet u nżid il-mistoqsija fl-aħħar biex b’hekk nonfoħ in-numru ta’ Mistoqsijiet Parlamentari li niftaħar li għamilt.
Biex ikollkom stampa awtentika ta’ dan it-tip ta’ mistoqsijiet kulma tridu tagħmlu hu li tidħlu fuq is-sit http://www.europarl.europa.eu/sidesSearch/search.do?type=QP&language=EN&term=7&author=2812.
Barra minn hekk hemm distinzjoni kbira bejn Mistoqsijiet Parlamentari bis-sens u li jolqtu bil-kbir lill-poplu Malti u Għawdxi u oħrajn ġeneriċi u trivjali dwar suġġetti li ftit riċerka dwarhom tkun biżżejjed biex ikollok tweġiba għalihom.
Dejjem għamilt Mistoqsijiet Parlamentari li jolqtu direttament lill-kostitwenti tiegħi speċjalment meta l-Gvern jipprova jaħbi l-informazzjoni li għandha tkun disponibbli. Tkun xi tkun l-informazzjoni, kemm jekk tikkonċerna l-ħsejjes fl-inħawi tal-Freeport, il-wegħda fiergħa lill-Għawdxin, l-għajnuna għall-ispiża tal-energija lill-familji foqra u vulnerabbli kif ukoll l-użu ferm baxx mill-Gvern mill-fondi tal-UE allokati lil pajjiżna fost oħrajn.
Bdejt din il-kitba bis-sentenza “Jingħad li l-paraguni huma odjużi”. Nitkellem għa­lija nnifsi. Fit-tabella nixtieq li jikkomparaw, kif jgħidu l-Ingliżi, “Like with like”. Fl-ewwel sena tiegħi fil-PE kont inkarigat nabbozza żewġ rapporti. Ikkompara dan mas-sitta li kien inkarigat jabbozza l-kollega MPE u kap tad-delegazzjoni Nazzjonalista… imma tgħaġġilx. Din kienet l-ewwel sena tiegħi fil-PE. Kemm-il Rapport kien inkarigat jabbozza l-kollega tiegħi mhux fl-EWWEL SENA tiegħu imma fl-EWWEL ERBA’ SNIN tal-leġiżlatura preċedenti, allura l-ewwel esperjenza tiegħu fil-PE? XEJN. Huwa sinifikanti dan?
Imma mhux biss. Xi ngħidu għas-suġġett u l-kontenut tal-abbozzi. Ir-rapporti tiegħi kienu jvarjaw minn tibdil fit-Trattat biex ikun salvagwardat id-dritt ta’ Malta u l-pajjiżi l-oħrajn taż-Żona Ewro li tibbenefika minn għajnuna kieku kellha tiffaċċja xi kriżi finanzjarja, għal jekk tkunx approvata l-applikazzjoni tal-Estonja biex tissieħeb fiż-Żona Ewro. Il-Grupp politiku li nappartjeni lilu jien, is-Soċjalisti u d-Demokratiċi (S&D) jikkonsidraw dawn iż-żewġ rapporti bħala  rapporti ta’ sus­tanza.
Tista’ tgħid l-istess għas-sitt rapporti ta’ nofs paġna ’l wieħed abbozzati minnu dwar l-eżenzjoni tal-visa għal perjodu qasir lil sitt pajjiżi – Antigua u Barbuda; Bahamas; Barbados; Mauritius; Saint Kitts u Navis; u Seychelles. Rapporti fotokopji ta’ xulxin għajr għal isem il-pajjiż partikolari.
Referenza għal dan hija http://www.europarl.europa.eu/sidesSearch/search.do?type=REPORT&language=EN&term=7&author=28120.
U xi ngħidu dwar l-inkarigu importanti li tirrappreżenta lill-Grupp tiegħek bħala Shadow Rapporteur, kif kont inkarigat jien, fuq rapporti, inkluż tnejn mis-Sitt Rapporti kontroversjali magħrufin bħala Six Pack li jikkonċernaw il-Governanza Ekonomika fiż-Żona Ewro? Xogħol bħal dan mhux validu, anke jekk ma jissemmiex fuq is-sit votewatch u għalhekk jitħalla barra mit-tabella Nazzjonalista? U s-sigħat twal ta’ negozjar f’isem il-Grupp tiegħi mal-Kunsill u l-Kummissjoni, sas-sigħat bikrin ta’ filgħodu, ma jikkwalifikawx għat-tabella tad-duo Nazzjonalista?
Madankollu rrid nagħmilha ċara. M’inix ngħid li l-MPE Nazzjonalisti mhux qegħdin jagħmlu sehemhom bħala MPE. Xejn minn dan.  Imma li tagħmel eżerċizzju annwali biex tkasbar b’mod inġust ħidmet ħaddieħor sempliċiment għax ġejjin mill-Partit Laburista, u kburin b’dan, meta taf li dawn qegħdin jagħtu sehemhom, mhu xejn għajr eżerċizzju infantili. L-istess fejn jirrigwarda attendenza fil-PE. L-istatistika pprovduta minn votewatch tirrapporta biss fuq it-tlett ijiem fix-xahar li fihom jittieħdu l-voti. Ma titkellimx dwar il-ġranet l-oħrajn tal-Parlament. Imma anke hawn, id-duo Nazzjonalista ried jimpressjona.
Nieħu l-każ tiegħi. Kont nieqes tlett ijiem. Kont skużat għal dan mill-President tal-PE Buzek għax kont fuq missjoni tal-UE immexxi delegazzjoni ta’ 120 osservatur fl-elezzjonijiet parlamentari u presidenzjali li saru fl-Uganda. Kont l-ewwel Malti li ngħata impenn bħal dan. Qabbel dan man-nuqqas ta’ attendenza ta’ MPE tal-PN li ma marx il-PE fil-ġurnata li kellu jittieħed vot fuq ir-Rapport tiegħu biex ikun jista’ jmur il-festa tar-raħal. Din votewatch ma jafux biha u jitrattaw kull assenza mill-Plenarja l-istess.
Naħseb li wrejt biżżejjed kif l-indikaturi ta’ votewatch għalkemm ta’ utilità ġenerali, ma jagħtux stampa kompleta tax-xogħol ta’ MPE, iżjed u iżjed meta MEP jipprova jonfoħ l-indikaturi għal attività tiegħu jew tagħha b’mod frivolu u immatur. F’dan il-każ it-tabelli jsiru sors ta’ ingann u mhux ta’ informazzjoni. Li mbagħad tużahom f’eżerċizzju biex tikkonkludi li int tiswa daqs wieħed u nofs persuna tal-partit oppost mhi xejn ħlief eżerċizzju infantili.
Nemmen li eżerċizzji bħal dawn għandhom isiru. Iżda jridu jsiru bis-serjetà, minn korpi professjonali u indipendenti, u mhux mill-MPE infushom.
Naħseb li bħala MPE responsabbli jkun aħjar għal pajjiżna li nużaw l-enerġija tagħna fuq affarijiet aktar maturi u ta’ bżonn tal-pajjiż milli fuq il-manipular politiku tat-tabelli.
F’ġieħ pajjiżna.

l-orizzont – It-Tnejn, 08/08-2011

,

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *