Il-gideb u l-istatistika


Fejn tidħol l-istatistika, l-istorja tal-Unjoni Ewropea mhix sabiħa. Kellna iktar minn pajjiż wieħed li għawweġ il-figuri u uża dak li ngħidulu ‘creative accounting’, numri b’ħafna rtokk  kosmetiku. Imbagħad kien hemm pajjiż, il-Greċja, li għal żmien twil ippreżenta statistika li ma kienet reali xejn, kienet falza, u tat stampa li xejn ma kienet tirrifletti s-sitwazzjoni tal-pajjiż. Ir-riżultat ta’ dan kollu nafuh. Minħabba f’hekk bata kulħadd u kellna kriżi fiż-Żona Ewro u li għadha ma telqitx.
Kull min irid jieħu deċiżjoni, sew jekk hija dwar xi ‘policy’ jew dwar xi direttivi li tirrigwardja l-Istati Membri, irid ikollu informazzjoni tajba, preċiża u ta’ kwalità. B’din l-informazzjoni wieħed jista jikkompara ħaġa ma’ oħra u pajjiż ma’ ieħor biex jara fejn hu. Per eżempju Malta kif sejra f’dawk li huma spejjeż u riżultati fil-kamp tal- edukazzjoni, jew tas-saħħa? Trid tikkonsulta l-istatistika. Dan huwa normali. Kulma tara huwa bbażat fuq l-istatistika. Issa, fl-Unjoni Ewropea, qegħdin immorru pass ieħor. Qegħdin isiru pattijiet u trattati li jorbtu lill-Istati Membri fuq ċertu indikaturi ekonomiċi. Fosthom hemm Trattat Fiskali li jibbaża ruħu fuq indikaturi u minn ma’ jirrispettahomx se jkun hemm sanzjonijiet kbar fuqu.
Għalhekk, għal quddiem, ir­ridu naraw li dawn l-frodi fejn tidħol l-istatistika ma jerġgħux jiġru. L-Eurostat, l-aġenzija tal-istatistika Ewropea għamlet numru ta’ rapporti u inkjesti dwar dan. Kien għalhekk li l-Parlament Ewropew ħass il-bżonn li jsir Rapport li jirrappreżenta fehemtu dwar x’għandu jsir biex tissaħħaħ l-kwalità tal-istatistika Ewropea li joħroġ l-Eurostat. Il-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji qabbad lili biex, bħala Rapporteur, nagħ­mel dan ir-Rapport.  Ġimagħtejn ilu s-seduta plenarja tal-Parlament Ewropew approvat dan ir-rapport b’mod unanimu.

L-Aġenziji tal-Istatistika
Dan ir-rapport jirrigwarda prinċipalment l-Aġenziji tal-Istatistika tal-Istati Membri u l-prattiċi tagħħom. Fil-każ ta’ Malta, qegħdin nitkellmu proprju dwar l-Uffiċju Nazzjonali tal-Istatistika, l-NSO. Jirrigwarda wkoll il-proċeduri kollha inkluż l-Gvern innifsu li jidħol ukoll fl-istampa.
Ta’ min jgħid li l-Aġenzija Nazzjonali kif nafuha llum kienet riżultat ta’ liġi li għadda l-Gvern Laburista tul l-ewwel sena tiegħu fl-1996. Niftakar li l-Ministru tal-Finanzi Lino Spiteri kien qabbad lili u uffiċjali oħrajn mill-Bank Ċentrali biex minnufih nippreparaw abbozz li fuqu jitwaqqaf l-uffiċju Nazzjonali tal-Istatistika. Waħda mir-raġunijiet għal dan kienet li dak iż-żmien kienet qamet kontroversja sħiħa fuq l-indiċi tal-prezzijiet (ir-RPI) għaliex il-Unjins kienu tilfu l-fiduċja tagħhom fih. Fil-fatt, bħala parti mill-liġi, konna waqqafna kumitat magħ­mul mis-sieħba soċjali li jimmonitorjaw dan l-indiċi.  Minn dakinhar ħadd ma baqa’ jiddubita l-indiċi nnifsu.
L-aġenzija tal-pajjiż hija l-qofol. Ħadd ma jrid li aġenzija jkollha ndħil politiku f’dak li tirraporta dwar l-andament tal-pajjiż jew dwar id-dħul u nefqa tal-Gvern. Dan m’għan­dux ikun u mhux suppost li jsir. Però r-Rapport qed jitlob salvagwardji biex naraw li dan żgur ma’ jsirx. Minn se jkun imexxi l-aġenzija irid ikun kompletament indipendenti. Hekk per eżempju l-NSO ma għandiex titqies indipendenti xi ħaġa inqas mill-Bank Ċentrali. Jiġifieri fil-mod kif inhu mwaqqaf bil-liġi. Hemm mod kif int tara li jkun verament indipendenti u n-nies ikunu indipendenti, jiġifieri ma jiġux influwenzati bis-salarji tagħ­hom, bil-promozzjoni tagħ­hom mill-Gvern. Dik hija l-ewwel ħaġa importanti.
Hemm ukoll dak li ngħidulu l-‘up stream data’ jiġifieri d-‘data’ dwar is-settur pubbliku, dwar il-finanzi pubbliċi. Dawn min joħroġhom? Jekk ma jku­nux preċiżi jew mhux sewwa, ma tistax twaħħal fl-Aġenzija. Allura qegħdin jiddaħħlu res­ponsabiltajiet ġodda fuq il-gvernijiet biex huma jkunu responsabbli għad-data li jgħaddu lill-aġenzija.
Imbagħad għandhekk affarijiet oħrajn. Per eżempju pajjiżi żgħar bħalna, għax ma għandhomx riżorsi bħal ma għandu pajjiż kbir bħall-Ġermanja, jingħataw derogi, jiġifieri li aħna ma nissuplixxux ċertu data. Allura jiġri li, meta jiġu kkummissjonati studji ekonomiċi jew soċjali interessanti, issib li Malta ma tkunx inkluża. Fattur tan-nuqqas ta’ statistika. Dan mhux sew. Jiena tlabt li jingħata kull riżors u ‘know-how’ biex dawk il-pajjiżi bħalna u oħrajn li m’għandhomx ir-riżorsi jkollhom l-għajnuna neċessarja.  Fuq kollox aħna Stati Membri daqs ħaddieħor u għandha nissuplixxu l-istess ‘data’ ħalli nkunu nistgħu nagħmlu studji fuq pajjiżna bħal ħaddieħor.

Relevanza għal Malta
Dan ir-rapport għandu rele­vanza għal Malta. Dan għaliex Malta hija membru taż-Żona Ewro jiġifieri iktar u iktar se nkunu qegħdin niffokaw fuq indikaturi fejn jidħol id-defiċit, id-dejn u fuq dawk li ngħidulhom ‘scoreboards’. Jiġifieri mill-lum ’il quddiem mhux se nkunu qegħdin nħarsu biss fuq id-defiċits biss imma l-mod ta’ kif Malta tista’ tkun kompettitiva, kemm hija produttivita, ir-rata ta’ xogħol, kemm għandha inflazzjoni. Dawn huma t-tip ta’ indikaturi li l-Unjoni Ewropea se timbotta. L-Unjoni Ewropea se tiggwida l-Gvern Malti biex jagħti importanza lill-istatistika ta’ kwalità biex Malta ma taqax lura fil-kompetittività. Dan għax jekk taqa lura, jikbru d-defiċits u magħhom id-djun. Inutli li aħna, fil-Kostituzzjoni, se ndaħħlu l-famuża “Golden Rule” li biha qegħdin inwegħdu li ma nagħmlux defiċit. Kullħadd jixtieq l-affarijiet tajbin. Iżda fil-verità kif se tasal għaliha? Tasal għaliha meta tirrispetta l-indikaturi li xogħ­ol­hom hu li jgħinuk iżżomm l-i‘score’ ta’ kemm tkun kompettitiv, tesporta iżjed,  twaqqa’ d-defiċit u twaqqa’ d-dejn.
Allura jiena rrid inkun moħ­ħi mistrieħ li, bħal pajjiżi oħrajn, l-aġenzija tagħna tkun verament indipendenti, li l-informazzjoni li tingħata hija awditjata sew internament u esternament. Se nagħtu lill- aġenzija Ewropea, l-Eurostat, il-mandat biex twettaq dawn l-‘audits’. Dan biex verament inkunu moħħna mistrieħa, ħalli ma jkun hemm xejn ħabi u mhux bil-biża’ li wara elezz­joni jinstab li s-sitwazzjoni finanzjarja hi ferm agħar milli wieħed kien jaħseb.
Ir-Rapport fuq kollox qed jisħaq li waqt li, bħala membri taż-Żona Ewro, qegħdin nesiġu ħafna fuq l-indikaturi wieħed irid jerfa’ r-responsabbiltà li ma jkun hemm ebda possibbiltà li jkun hemm data li ma tirriflettix il-pożizzjoni finanzjarja tal-pajjiż.
Dan huwa Rapport importanti u minn hawn issa nistennew li l-Kummissjoni toħroġ dawk ir-regoli u direttivi meħtieġa li jorbtu sew lill-aġenziji u l-gvernijiet tal-Istati Membri, kif ukoll titlob biex jitwettqu dawk ir-riformi meħtieġa. Nis­peraw li l-istorja tal-Greċja ma tirrepetix ruħha f’ebda pajjiż ieħor tal-Unjoni Ewropea.

 

 

– L-Orizzont, 26 ta’ Marzu, 2012

 


One response to “Il-gideb u l-istatistika”

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *