Huwa normali li lejn l-aħħar tas-sena wieħed iħares ftit lura u jara minn xiex ikun għadda l-pajjiż, sabiex jiġbed il-konklużjonijiet ta’ dak li ġara, u dak li jkun ma ġarax. Mil-lat ekonomiku, wieħed jista jgħid li s-sena 2014 kellha andament li ma kienx kompletament kostanti.
Fl-Unjoni Ewropeja, iżda, it-tkabbir baqa’ kajman. Aktar inkwetanti minn hekk, ekonomiji li sa ftit żmien ilu kienu b’saħħithom, bħall-Ġermanja, bdew jesperjenzaw andament li qisu dejjem ftit ftit qed inaqqas ir-ritmu tiegħu. Dan ma jistax ma’ jħassibx xi ftit.
Hemm min jgħid, fil-każ tal-Ġermanja, li dan kien kaġun ta’ nuqqas ta’ investiment, illi kienu aktar moħħhom li jkunu kompettitivi f’dak li huma salajri, sabiex ikunu jistgħu jibqgħu b’saħħithom fl-esportazzjoni. Iżda wieħed irid jiftakar li minħabba kif bosta pajjiżi Ewropej għadhom qed iħossu l-effett tal-kriżi finanzjarja, d-domanda għall-esportazzjoni għadha baxxa, u allura minkejja l-isforzi tagħha, anka l-esportazzjoni mill-Ġermanja naqset.
Nixtieq nieħu din l-opportunità biex nawgura lill-qarrejja kollha l-isbaħ xewqat għas-sena l-ġdida.
Fl-istess ħin, hemm ekonomiji oħra, bħall-Franza u anki l-Italja, li ma tantx huma sejrin tajjeb l-anqas. Dan għal raġunijiet varji. Fil-każ ta’ Franza, minħabba defiċit wisq għoli, filwaqt li fil-każ tal-Italja, dan minħabba dejn eċċessiv.
Iżda minkejja r-raġunijiet differenti, iż-żewġ pajjiżi ma’ jistgħux isibu irkaptu illi jlaħħqu mal-miri li l-Kummissjoni Ewropea għamlet għalihom, u qiegħdin jgħidu b’dikjarar illi ma jistgħux iżommu ma’ dawn il-linji.
Din hija xi ħaġa li diġa ġiet diskussa fil-fora tal-Unjoni Ewropea, partikolarment fostna l-Ministri għall-Finanzi tal-pajjiżi taż-Żona Ewro u fil-Kunsill tal-Ministri għall-Finanzi tal-pajjiżi membri tal-UE (ECOFIN), partikolarment għaliex tqajjem kumplikazzjonijiet dwar it-tħaris tar-regoli. Dan għaliex dawn ir-regoli suppost japplikaw għal kull pajjiż b’mod ugwali, u mhux ikun hemm xi eċċezzjoni għal xi pajjiż jew ieħor.
Iżda l-fatt jibqa’ li l-ekonomija ta’ pajjiżna, minkejja dan l-isfond ta’ ekonomija kajmana, irnexxiela mhux biss timxi sew, iżda aċċelerat il-pass tagħha. Tant hu hekk, li kif ħabbarna bosta drabi, ksibna rata ta’ tkabbir ekonomiku fit-tielet kwart tas-sena 2014 tant qawwija li kienet fost l-ogħola fl-Unjoni Ewropea. Dan apparti kif irnexxielna wkoll inrażżnu d-defiċit biex nilħqu l-miri tagħna.
Ta’ min jinnota li waħda mill-akbar kisbiet ta’ dan il-perjodu u importanti għall-pajjiżna kienet, għall-inqas minn-naħa tal-finanzi, l-introduzzjoni tal-Att Dwar ir-Responsabbiltà Fiskali.
Dan l-Att jirrapreżenta mekkaniżmu li se jobbliga lill-gvernijiet kollha, dak preżenti u tal-futur, sabiex jipprovdu aktar akkontabbilità u trasparenza fil-mod li jiġi amministrati l-fondi pubbliċi. Din il-liġi hi intiża sabiex issaħħaħ il-prinċipju tar-responsabbiltà fiskali, u hi fl-interess tat-tfal tagħna, u tat-tfal tat-tfal tagħna, li kull gvern, preżenti u tal-futur, ikun obbligat li jirrispetta dan il-prinċipju fit-tmexxijja tiegħu tal-finanzi tal-pajjiż. Dan għaliex filwaqt li aħna nirreferu għalihom bħala flus tal-Gvern, fil-verità dawn huma l-flus tal-poplu, li ġew minn dawk li jħallsu t-taxxi.
Min-naħa l-oħra il-governanza fejn jirrigwarda t-tmexxija tal-banek qiegħda dejjem aktar tkun restrittiva. Il-Gvern qed joħloq qafas ta’ superviżjoni ċentrali, filwaqt li qiegħdin ukoll naħsbu u naħdmu sabiex jiġi stabilit il-Fond tar-Resoluzzjoni li qed jitwaqqaf biex jgħin banek li jaqgħu fl-inkwiet.
Dan hu fond li se jkun intiż sabiex jagħmel tajjeb f’ċirkostanza ħażina li nittamaw ma tiġri qatt, iżda li rridu nkunu preparati għaliha fl-eventwalità li tiġri, jiġifieri fil-każ li istituzzjoni finanzjarja tikkollassa. Apparti minn hekk, il-Gvern għadu kif għadda mill-Parlament numru ta’ liġijiet li jagħtuh il-poteri sabiex jsalva istituzzjoni finanzjarja f’pajjiżna. Dan sabiex il-Gvern jiżgura ruħu li min ikollu flus jew assi depożitati ma dik l-istitutzzjoni ma jitilfux ġidhom, imma jkollhom il-garanzija li d-depożiti tagħhom ikunu siguri.
Meta nħarsu lura għas-sena 2014 u nqisu kollox ma kollox, naħseb li hemm sens ta’ kuntentezza illi il-perjodu 2014 mhux biss mar tajjeb, anzi mar aħjar milli wieħed kien qed jistenna.
Ma nistgħux ninsew ukoll li din is-sena ġew konklużi b’mod pożittiv ħafna agreements li kienu qed jiġu diskussi u li huma tant importanti għall-pajjiżna, b’mod partikolari dawk li jittrattaw mal-qasam tal-enerġija u l-Enemalta, kif ukoll l-agreement dwar is-servizz tat-trasport pubbliku l-ġdid.
Issa, abbażi tar-riżultati ekonomiċi u finanzjarji li ksibna, il-miri li lħaqna, u l-agreements li ġew konklużi, jiena fiduċjuż li nistgħu nħarsu l’quddiem u nibdew naraw il-frott tas-suċċessi tagħna fis-sena li ġejja.
– Monday, 5th January, 2015