2015 – X’nistennew minnha?


X’nistgħu nistennew minnha s-sena 2015? Filwaqt li hu difficli li tbassar il-futur, ħafna mill-kwistjoni li se naraw jiżviluppaw quddiem għajnejna fix-xhur li ġejjin diġa` nibtu jew nżeraw fis-sena ta’ qabel tal-2014.

Fosthom hemm il-kwistjoni tal-prezz taż-żejt, il-problema tar-Russja, l-Unjoni Ewropea u l-mod kif din qed tbiddel id-direzzjoni tagħha, u l-ekonomija kemm globali kif ukoll dik ta’ Malta, hekk kif għandna baġit ġdid.

Nibdew mill-Unjoni Ewropea, li żgur se tibdel id-direzzjoni minħabba l-fatt li ħadd mhu sodisfatt bil-programmi ta’awsterita` li qed jiġu implimentati. Fil-fatt sew il-Kummissjoni u anke l-Unjoni Ewropea bdew bil-mod ibiddlu d-direzzjoni, għaliex hemm bżonn ta’ tkabbir ekonomiku u investiment qawwi. Bżonn ta’ investiment goff, qed tissemma’ l-figura ta’ tliet mitt biljun ewro.

 

2015

 

Malta qiegħda tipparteċipa f’din l-inizjattiva li se tieħu ż-żmien tagħha, iżda flimkien mal-pajjjiżi membri stati oħra qed nippruvaw naċċellerawha. Dan għaliex l-Ewropa għandha bżonn b’mod urġenti investiment qawwi f’dak li huwa industrija diġitali, f’dik li hija enerġija sostenibbli u anke l-infrastruttura ta’ komunikazzjoni bejn il-pajjiżi. Dan sabiex ikun hemm l-iżvilupp ekonomiku li hemm tant bżonnu, u sabiex tibda tinżel ir-rata wisq għolja tal-qgħad, li filwaqt mhux qed iseħħ f’pajjiżna, qed iseħħ f’pajjiżi bħal Greċja u pajjiżi Ewropej oħra fejn hemm rata ta’ qgħad li hija għolja ħafna speċjalment fost iż-żgħażagħ.

Niġu għal kwistjoni tar-Russja. Ir-Russja u l-pajjiżi ta’ Lvant qishom qed jidħlu mill-ġdid f“cold war” li se jkollha effetti sew fuq l-Unjoni Ewropea, u sew fuq ir-Russja nnifisha. Dan l-aħħar l-akbar ħbieb ta’ Putin qed jgħidu li b’dawn il-miżuri ta’ embargo li ġabet fuqha r-Russja se jwasslu għal konsegwenzi negattivi ekonomiċi kbar fuq il-pajjiż. Jista’ jkun hemm fallimenti ta’ banek u anke riċessjoni qawwija. Allura aħna nistennew tibdil u żviluppi hemmhekk ukoll.

Iżda l-akbar żvolta hija dik tal-enerġija. Dan minħabba żviluppi fl-OPEC (Organisation of the Petroleum Exporting Countries) li fiha hemm bħala imsieħba pajjiżi Għarab li jipproduċu ż-żejt. Dawn bħala prattika kummerċjali normali, dejjem kellhom il-prattika li jżommu l-produzzjoni taż-żejt baxxa biex iżommu l-pezz taż-żejt tagħhom għoli. Iżda issa ddeċidew li jwaqqgħu l-prezz, sew tal-gass u taż-żejt f’pajjiżi oħra. Aktar ma jaqa’ l-prezz taż-żejt, aktar dawn l-inizjattivi, inklużi inizjattivi li jesploraw l-użu ta’ energija alternattiva bħar-riħ u x-xemx, ma jibqgħux sostenibbli tant kemm il-prezz taż-żejt jaqa’ l-isfel.

 

orizzont_featured

 

Il-Ministru għall-Finanzi tas-Saudi Arabia indika li hemm possibilta` li l-prezz jaqa’ tant, li jinżel sal-livell ta’ għoxrin dollaru kull barmil, ħaġa li ma kinitx lanqas titwemmen sa ftit jiem ilu. Dan se jkollu taqlib kbir fuq l-ekonomiji madwar id-dinja kollha.

Se jkun hemm xi ekonomiji li jmorru ’l quddiem ħafna minħabba li se jibbenefikaw mill-prezz irħis taż-żejt. Iżda xi pajjiżi kbar ħafna bħal Arġentina, l-Veneżwela u r-Russja se jaraw l-ekonomija tagħhom titkisser minħabba d-dħul baxx li se jdaħħlu mill-produzzjoni taż-żejt. Ħafna bjar se jkollhom jieqfu mill-produzzjoni taż-żejt, possibilment anke madwar Malta, għaliex mhux sostenibbli għal kumpanija taż-żejt li tkompli tħaffer b’dawk l-ispejjeż għolja meta l-prezz ikun tant baxx.

Iżda l-aktar inizjattiva qrib tagħna hija l-baġit. Jien inħares lejn is-sena 2015 b’ċertu entużjażmu għaliex nixtieq nara li dawk il-miżuri li ħabbarna fil-baġit ta’ din is-sena ikunu jistgħu jiġu implimentati u jkollhom dak ir-riżultat mixtieq bħalma filfatt irnexxielna fil-baġit ta’ qablu. Jien nispera li dan ikompli jixpruna lil ekonomija u jkompli jgħin biex aħna nilħqu l-miri tagħna tad-defiċit. Nieħu gost ħafna li nara li xi ħaġa li hija mixtieqa ħafna, jiġifieri li r-rata tad-dejn tonqos b’mod b’saħħtuu b’mod li jagħmlilna kuraġġ li dan ikun jista’ jitkompla għas-snin li ġejjin.

Dan huwa l-ġid li nixtiequ li naraw li jkun jinħass minn kulħadd. Huwa minnu li dan fil-bidu tiegħu, tkabbir fil-ġid ma jistax jinħass minn kulħadd, għaliex l-ekonomija ma tistax taffettwa lil kull saff tal-popolazzjoni tagħna f’daqqa waħda.

Iżda bil-mod il-mod, it-tkabbir ekonomiku u l-ħolqien tal-ġid li qed jikseb dan il-Gvern jibda jippermja fis-soċjeta` bħall-ilma b’mod li jilħaq lil kulħadd, u allura jtejjeb il-kwalita` tal-ħajja tal-familji Maltin u Għawdxin kollha. Din hi xi ħaġa li ġiet imwiegħda, u hi ħaġa li kulħadd jaċċetta, għaliex kulħadd jaqbel li l-ġid irid jikber, iżda irid ikun ġid li kulħadd ikun jista’ igawdi minnu.

 

 

– Monday, 12th January, 2015

,

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *