Immaġinaw familja li tkun tgħix ħajja normali, trankwilla u eżemplari. Bħal ma jista’ jiġri f’familja, din il-familja tgħaddi minn xi għawġ. Iżda, għal xi raġuni, xi ilsna ħżiena jibdew jaqilgħu qlajjiet u gideb fuqha li din il-familja tispiċċa tissemma’ fuq il-ġurnali u l-medja.
Dan kollu jwassal li l-familja ma tkunx tista’ tmur imkien għax kulħadd jibda jħares lejha b’lenti kerha għax dawn l-ilsna ħżiena jkunu tappnu r-reputazzjoni tagħha. Dan kollu jwassal biex tispiċċa l-ħajja normali li din il-familja kienet tgħix.
Sfortunatament nistgħu ngħidu li Malta għaddejja minn sitwazzjoni simili. Kienu x’kienu r-raġunijiet, kienu x’kienu l-iżbalji, kienu x’kienu min kabbarhom, min mar barra ħalli iktar ixandarhom mal-erbat irjieħ tad-dinja, kien min kien li avviċina l-gazzetti barranin u l-istazzjonijiet barranin biex ikomplu ikabbar xi nuqqasijiet. Is-sitwazzjoni hi li hi u issa wieħed irid iħares ’il quddiem u kull wieħed minna jrid jgħid: jien issa x’se nagħmel biex nirranġa d-dell ikrah li ntefa’ fuq pajjiżna?
Ikun hemm ħafna li jagħtu pariri. Min jgħidlek issa hemm bżonn tonfoq eluf ta’ ewro fuq reklamar.
Il-punt huwa x’ser tirriklama? F’sitwazzjoni bħal din, inutli li toqgħod tgħid li dan li ntqal ma kienx il-verita’ u li l-affarijiet ġew mkabbra. Irridu naċċettaw is-sitwazzjoni kif inhi, naħdmu ħalli dan l-episodju ikrah għal-pajjiżna nħalluh warajna, nitgħallmu mill-iżbalji li saru, nindirizzaw l-iżbalji li saru u nħarsu ’il quddiem b’fiduċja.
Irridu nitgħallmu wkoll minn min għadda minn sitwazzjonijiet simili u agħar minnha u kif għamel biex biddel l-immaġini tiegħu. Jekk nitkellmu fuq x’għamlu banek kbar internazzjonali u pajjiżi ewropej oħra li kienu nvoluti f’każijiet ta ‘ħasil ta ‘flus u kriminalita’, dawn ammettew l-iżbalji li għamlu, irranġaw is-sistemi li kienu jħaddnu u issa huma l-banek u pajjiżi li ħadd ma jgħid li ma jridx jaħdem magħhom. Kollox ġie għan-normal.
Għalhekk, aħna rridu nammettu li saru żbalji, żbalji li kienu koroh, iżda li pajjiżna qed jindirizza dawn l-iżbalji u li bħalissa pajjiżna għaddej minn bidliet radikali liema bidliet għadhom work in progress, iżda nserrħu moħħ kulħadd li x-xogħol beda u qed isir b’ritmu mgħaġġel.
Irridu ngħidu li għandna Kabinett ġdid, taħt Prim Ministru ġdid , li rnexxielu jdaħħal ħafna uċuħ ġodda fil-Kabinett, u mhux biss. Il-Prim Ministru Robert Abela qed jimxi fuq direzzjoni ġdida, fejn filwaqt li qed jimxi fuq il-kontinwita’ta’ dak kollu tajjeb li sar fil-passat, qed ibiddel dawk is-sistemi li kienu ġew abbużati u jsaħħah l-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna.
Irrid nikkonferma li r-rakkomandazzjonijiet li għamlu istituzzjonijiet internazzjonali, kienu li kienu, u mingħajr ma wieħed joqgħod jifhem x’setgħe ’kienet ir-raġuni wara dawn ir-rakkomandazzjonijiet, dawn ir-rakkomandazzjonijiet se jiġu milqugħa kollha. U diġa’ bdejna nwettquhom. Ser inkomplu naħdmu biex nimplimentawhom fl-iqsar żmien possibbli. L-importanza li t-tibdiliet li għandhom isiru, iridu jsiru fl-iqsar żmien għax għadu kif kellna l-ħatra ta’Prim Ministru ġdid u kull meta jkun hemm bidla kulħadd ikun qed jistenna biex jara li l-bidliet li għadhom isiru, mal-ħatra tal-persuna. Dan iż-żmien ma jistax ikun iktar minn tliet sa sitt xhur għal-bidliet li ma jirrikjedux tibdil radikali u fejn hemm tibdil li jinvolvi iktar ħsieb u preparazzjoni, xorta t-tibdil irid isir fi żmien ta ’ bejn sitt xhur sa sena l-iktar.
It-tieni pass li jrid isir hu li jkollok storja x’tikkomunika u taqsam mal-udjenza. Biex tikkonvinċi jrid ikollok messaġġ li turi li dawn il-bidliet li qed tagħmel qed jindirizzaw l-iżbalji tal-passat. Il-messaġġ irid ikun ċar u ta’ konvinzjoni li min jisimgħu tikkonvinċih li l-biliet li tkun semmejt jemmen li saru.
Il-pajjiż se jkollu jinvesti flejjes sostanzjali biex nikkomunikaw mad-dinja biex inwasslu l-messaġġ li Malta hija dak il-pajjiż li lkoll nafu; pajjiż b’poplu twajjeb u mhux korrott, poplu li jħaddan id-demokrazija, poplu li għandu għal-qalbu t-tħaddin tar-rule of law, pajjiż li għandu indipendenza tal-Qrati u tal-istituzzjonijiet tiegħu, poplu li josserva l-liġijiet.
Irridu nuru lid-dinja li l-poplu Malti hu dak li kellu track record ta poplu bieżel u li fil-maġġoranza assoluta josserva l-liġijiet.
Meta inti tħares lejn l-istorja ta pajjiżna u tikkompara ma dik a’ pajjiż ieħor, issib li għandna storja biex niftaħru biha. Żbalji setgħu saru u abbużi wkoll, bħalma jsir f’kull pajjiż, iżda sakemm wieħed ikun qed jindirizzahom , dak li jkun jerġa’ jirbaħ dik il-konfidenza, jerġa’ jirbaħ ir-reputazjoni tajba li kellu qabel.
Din hija t-triq li dan il-gvern beda, se jkompli fix-xhur li ġejjien billi diġa’ hemm direzzjoni ċara kif se jinbidlu l-proċeduri, jinbidlu n-nies fejn hemm bżonn, jinbidlu u jissaħħu l-istutizzjonijiet sabiex pajjiżna jibqa’ igawdi mis-suċċess illi dan il-pajjiż qabad dawn l-aħħar seba’ snin. Bla tlaqliq intenni li l-Prim Ministru u l-Kabinett tiegħu huwa wara din id-direzzjoni ġdida u konvinti li se nerġgħu npoġġu isem Malta fejn jixraqlu.
Il-Ġimgħa 28 ta’ Frar 2020