Biex inwasslu l-messaġġ


Malta għanda Prim Ministru ġdid, għanda Kabinett ġdid b’ħafna uċuħ ġodda. Għandna ukoll politika ġdida fis-sens li filwaqt li hemm bosta elementi ta’ kontinwita’ ta’ dak li hu tajjeb milli sar s;issa minn din l-Amministrazzjoni, hemm wkoll ħafna elementi ta’ tibdiliet.

Dawn it-tibdiliet li qegħdin indaħħluhom biex jgħinuna nneħħu dawk l-elementi ta’ toqol tal-passat. B’dan it-tibdil, qed indaħħlu arja friska, fejn qed nuru li l-gvern mhux biss hu kapaċi imexxi fejn tidħol l-ekonomija u l-kummerċ; dwar li hu kapaċi jikreja l-ġid u jqassam dan il-ġid, iżda hu kapaċi jindirizza l-elementi li jikkonċernaw il-governanza.

Il-governanza, m’hix xi materja faċli li tamministra, pero’ żgur, li milli rajna u smajna matul l-ewwel gimgħa, u għad irridu nisimgħu iktar fil-quddiem, il-Prim Ministru Dr. Robert Abela bil-gvern tiegħu hu determinat li jkompli bil-bidliet meħtieġa biex inkompli nsaħħu l-governanza ta’ pajjiżna.

Wieħed isaqsi, x’ser isir biex, l-istampa kerha li ntefgħat fuq pajjiżna, barra minn xtutna u ma’ l-istutizjonijiet ewropej u internazjonali, tirranġa sabiex tkun tirrifletti r-realta’ li tirrenja f’pajjiżna? Għaliex wieħed irid jgħid li iva kien hemm avvenimenti li ġraw li qatt ma misshom saru, pajjiżna huwa stat sovran, huwa pajjiż paċifiku, pajjiż ta’ ħbieberija, pajjiż demokratiku u pajjiż li dejjem mexa fuq dawk il-prinċipji ewropej li jirrenjaw fil-pajjiżi l-oħra ewropej.

Huwa minnu, li bħal ma jiġri fil-pajjiżi oħra wkoll, ikollok sistemi li jiġu abbużati. U meta jiġri hekk, iridu jittieħdu l-azzjonijiet neċessarji u f’waqthom, ħalli min jagħmel il-ħażin iħallas għaliħ.

Huwa fatt, li dan mhux dejjem ġara f’pajjiżna. Pero’, dan ma jiġġustifikax li wieħed għandu jmaqdar u  jkażbar lil-pajjiżu. Għadna nkunu kburin b’pajjiżna. U il-maġġoranza assoluta tal-Maltin u Għawdxin, aħna kburin b’pajjiżna. Aħna poplu ġeneruż u ospitabbli; poplu li jilqa’ lit-turist u jara kif lit-turist jagħmlu jħossu komdu li qiegħed fostna. Meta t-turist jagħmel ftit tal-ġranet ġewwa ġajjiżna, jara b’għajnejh kif ngħixu, jsib li jieħu idea ferm differenti, aħjar minn dak li jkun qara fil-midja qabel ma jkun żarna.

Hu d-dover tagħna lkoll li naħdmu sabiex l-istampa kerha li l-barranin għandhom fuq pajjiżna, inbidluha fl-aktar żmien qasir possibli u nerġgħu nagħtu l-istampa veritjera ta’ pajjiżna. Il-Prim Ministru hu determinat li jmexxi l-pajjiżna fuq il-prinċipji li dejjem għożżejna, jiġifieri il-prinċipji ta’ governanza u tas-saltna tad-dritt.

Irridu nerġgħu ndaħħlu l-fiduċja tal-poplu fis-sistema ġudizzjarja tagħna. Bħalma fil-passat, wieħed ma kienx joqgħod jara x’inhi l-opinjoni politika tal-imħallef, u meta tkun ingħatat deċiżżjoni, taqbel jew ma taqbilx mas-sentenza li tkun ingħatat, dejjem kien hemm ir-rispett lejn il-qrati, hemm bżonn li nkomplu nuru dan ir-rispett lejn l-istituzzjonijiet kollha tagħna.

Biex dan iseħħ, hemm bżonn li kull min instiga u xerred aħbarijiet allarmanti biex tingħata stampa kerha fuq pajjiżna, irid jieqaf milli jkompli jkebbes in-nar u jibda jikkomunika il-fatti kif inhuma u mhux ixerred stampa bogħod mill-verita’.

Fl-istess ħin, huwa d-dmir ta’ kull Ministru, Segretarju Parlamentari, Membri Parlament u l-Ambaxxaturi, li waqt li jkunu fuq xogħol barra pajjiżna, jaġġornaw bis-sitwazzjoni preżenti u t-tibdiliet pożittivi li qed iseħħu, lil-barranin u lil-istituzzjonijiet internazzjonali.

Biex jasal dan il-messaġġ, irridu li nkunu proattivi u nirranġaw aktar laqgħat milli kien isir fil-passat u nitkellmu b’mod apert fuq kull qlajja, veritjera jew le, li ingħatat lil-barranin fuq Malta. Huwa mportanti li kull mistoqsija u kull preokkupazzjoni li l-barranin għandhom fuq pajjiżna, tiġi spejgata lilhom x’inhi r-realta’ u x’qed isir biex inkomplu nsaħħu l-istituzzjonijiet tagħna.

Huwa minnu li biex nikkonvinċu, hemm bżonn li nwettqu dawk ir-riformi li għadna li se nagħmlu biex insaħħu l-istituzzjonijiet tagħna u li l-istess istituzzjonijiet jibdew iħaddnu dawk is-sistemi li daħħalna u li se nibqgħu ndaħħlu u nuru li dan it-tisħiħ tal-istituzzjonijiet qed jagħti frott u riżultati li għalihom saru dawn it-tibdil. Jekk ir-riformi li qed nagħmlu ma jiġux imfissra u ikkomunikati mall-uffiċċjali għolja tal-istituzzjonijiet ewropej u internazzjonali, dawn ir-riformi li qed nagħmlu ma jagħtux it-tibdil mixtieq f’dak li huwa opinjoni tajba fuq pajjiżna.

Dak li rnexxilna nagħmlu fil-kamp ekonomiku, fejn ikkonvinċejna lil-istituzzjonijiet internazzjonali li se nieħdu l-miżuri neċessarji biex intejbu l-ekonomija ta’ pajjiżna u jkollna finanzi fis-sod, u wara li wettaqna dak li għadna li se nagħmlu, mhux biss ġibna r-rispett lura imma rġajna ġibna lil dawn l-istituzzjonijiet internazzjonali jkollhom kridbilita’ fina li dak li ngħdu li se nagħmlu, nwettquh.

Hekk issa rridu nagħmlu f’dik li hija l-governanza.

Il-Ġimgħa 24 ta’ Jannar 2020

,