Biex mill-ġid igawdi kulħadd


Il-ġimgħa li għaddiet kienet iddominata minn numru ta’ laqgħat pubbliċi ta’ konsultazzjoni dwar il-Baġit għall-2016. Il-Ministeru tiegħi organizza żewġ
laqgħat miftuħin għall-pubbliku: waħda l-Furjana u l-oħra Għajnsielem. Barra minn dan, għamilna wkoll business breakfast fil-Belt Valletta għall-impjegaturi,
l-unjins tal-ħaddiema u s-soċjetà ċivili organizzati fi ħdan il-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali (l-MCESD) u l-Kumitat ta’ Direzzjoni u Azzjoni Malta-Unjoni Ewropea (il-MEUSAC), u oħrajn. Dawn il-laqgħat ta’ konsultazzjoni għandhom valur kbir għax il-Baġit huwa wieħed mill-avvenimenti l-aktar importanti fil-kalendarju tal-pajjiż.

Dan il-ġid li qed jiġi investit u li se jiffjorixxi aktar ‘il quddiem, se jgawdi minnu kulħadd.

Il-Gvern irid jisma’ u jagħti direzzjoni, iżda għandu wkoll l-obbligu li jagħti l-informazzjoni lin-nies. Fil-fatt, f’dawn il-laqgħat tkellimna dwar ir-riżultati li ksibna s-sena li għaddiet u dwar x’qegħdin nistennew din is-sena u anke s-sena d-dieħla fir-rigward tad-defiċit, tad-dejn, tat-tkabbir ekonomiku, taż-żieda fl-impjiegi, tal-waqgħa fl-għadd ta’ dawk li qed jirreġistraw għax-xogħol, u tar-rata tal-inflazzjoni.

Però, fl-aħħar mill-aħħar, dawn il-laqgħat kienu opportunità biex nirrispondi għall-mistoqsijiet, il- ħsibijiet, id-diffikultajiet, u kwalunkwe tħassib ta’ min attenda. Min ġab miegħu dubju dwar dak li qara fuq xi gazzetta, u min dwar dak li sema’ lill-Oppożizzjoni jew lil xi organizzazzjoni jgħidu. “Veru jew mhux veru?” jistaqsu n-nies.

Il-pjaċir tiegħi kien li nirrispondi b’mod kemm jista’ jkun ċar u li jinftiehem, ħalli dak lijkun jieħu risposta li tissodisfah u mbagħad jagħmel il-ġudizzju tiegħu dwar il-ġejjieni ta’ pajjiżna.

Xitla wara xitla

Żgur li kulħadd jaqbel li l-ekonomija tagħna għaddejja minn żmien tajjeb ħafna. Wieħed jista’ jitħasseb u jistaqsi bejnu u bejn ruħu: “Imma dan iż-żmien xi darba se jispiċċa? Se ngħaddu minn xi ċiklu u mbagħad nibdew it-triq għan-niżla?” Dawn huma mistoqsijiet leġittimi. Biex dan il-biża’ ma jseħħx, trid tibda billi tinvesti llum ħalli t-tkabbir ma jiqafx. Dan bħal meta jkollok xitla li tkun taf li tkun se tinxef, u allura tilħaq tħawwel xitla oħra, u jekk ikun hemm bżonn oħra, ħalli dejjem ikollok il-frott x’taqta’. Dan huwa sigriet li jafu kulħadd, speċjalment in-nies fin-negozju. Ditti kbar bħall-Coca Cola, il-Pepsi Cola u oħrajn jafu li s-saħħa tal-marka kummerċjali ta’ xi wieħed mill-prodotti tagħhom xi darba se tibda nieżla u allura jivvintaw prodott ieħor li jerġa’ jibda jitla’. Dan huwa l-mod kif iżommu l-livell tat-tkabbir tan-negozju tagħhom.

Fil-każ tal-pajjiż, aħna rridu li Malta tidħol f’setturi ekonomiċi ġodda. Wara li fl-1979 spiċċat il-bażi militari, qlibna għall-manifattura, li dak iż-żmien kienet settur li kien jirrikjedi ħafna ħaddiema – illum dan il-qasam sar iktar mekkanizzat. Dħalna wkoll għat-turiżmu, li saħħaħnieh tul is-snin u qed inkomplu nsaħħuh. Fin-nofs tas-snin disgħin introduċejna s-settur ġdid tas-servizzi finanzjarji, li ħoloq l-impjiegi mhux biss fil-banek imma wkoll bil-fondi u bi skemi oħrajn li kkreaw ix-xogħol fis-servizzi finanzjarji. Ftit wara daħal settur ġdid, tal-iGaming, li fih Malta stabbilixxiet ruħha bħala pajjiż minn ta’ quddiem li l-kumpaniji f’dan il-qasam jagħżluh biex joperaw minnu għax jaraw ċerti vantaggi.

Għall-ġejjieni

Għall-ġejjieni l-Gvern jara lil Malta bħala bażi minn fejn investituri u kumpaniji barranin jistabbilixxu ruħhom sabiex minn hawnhekk iservu s-swieq ta’ pajjiżi fl-Afrika ta’ Fuq, fl-Afrika ċentrali, fil-Lvant Nofsani, u fid-dinja kollha. Ħafna kumpaniji qed jiġu Malta miċ-Ċina, mill-Gordan, mill-Ġappun u minn irkejjen oħrajn tal-globu. Dawn ma jistgħux joperaw fl-Afrika ta’ Fuq għax, kif nafu, bħalissa hemm inkwiet kbir. Malta lil dawn tagħtihom mhux biss il-protezzjoni u l-appoġġ imma tipprovdilhom wkoll is- servizzi kollha li jeħtieġu bi standards internazzjonali: kontabilità, pariri legali, u informatika, fost l-oħrajn.

Barra minn hekk, Malta lesta wkoll biex tkun bażi fejn jiġu stabbiliti servizzi fl-osqma tas-Saħħa u tal- Edukazzjoni. Fil-Lvant Nofsani u fl-Afrika ta’ Fuq hemm domanda kbira għal universitajiet u sptarijiet. Dawn is-servizzi jingħataw Londra, jingħataw New York, jingħataw Pariġi, jingħataw Ruma … imma għax Malta hija eqreb u tista’ toffri dawn is-servizzi bi prezz iktar kompetittiv, l-investituri qed jaraw li Malta se tirnexxi f’dan ir-rigward.

12_250915_

Il-Gvern ra li dawn l-opportunitajiet ġodda li ġejjin jifrixhom geografikament madwar Malta u Għawdex kollha. Kieku ridna stajna ħallejniehom imorru fejn riedu huma, imma l-Gvern insista li sptar minnhom isir Għawdex. Insista wkoll li l-università l-ġdida tkun fin-Nofsinhar ta’ Malta u li investimenti oħrajn isiru fl-iSmart City, li wkoll qiegħda fin-naħa t’isfel tal-pajjiż. Allura dan il-ġid li qed jiġi investit u li se jiffjorixxi aktar ‘il quddiem, se jgawdi minnu kulħadd.

Ma rridux biss inqassmu l-finanzi wara li niġbru t-taxxi billi nibagħtu ċ-ċekkijiet tal-benefiċċji soċjali, imma nipprovdu x-xogħol u l- opportunitajiet għaż-żgħażagħ u t-tfal tagħna biex meta jmorru l-iskola jistudjaw u jistinkaw, ikunu jafu li għandhom jistennihom futur sabiħ.

Dan huwa l-pjan tal-Gvern. Fil-Baġit li ġej se nkunu qed nikxfu stadju ieħor tal-pjan direzzjonali li fassal u miexi fuqu l-Gvern għall-ġid ta’ pajjiżna.

25/09/2015

 

 

,

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *